Editorjal: L-elezzjonijiet 2024

X’hemm fil-kaxxa magħluqa? Nagħmlu l-awtopsja wara l-elezzjoni 

Filwaqt li fl-Ewropa l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kienu ffukati fuq it-temi Ewropej u fuq l-Ewropa inġenerali, f’Malta l-kampanja elettorali kienet waħda lokali u provinċjali. Infatti sewwa għal Robert Abela u Bernard Grech, l-elezzjoni huwa test ta’ appoġġ u fiduċja. Abela jrid bilfors iġib mat-tletin elf vot iktar mill-PN. U Grech irid inaqqas id-distakk sew u jtella’ t-tielet siġġu. 

Matul il-kampanja ftit kienu dawk li kienu qed jagħtu kas l-argumenti dwar il-politika internazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-messaġġ ewlieni kien dwar il-kompetenza tad-deputati Maltin. 

Il-kampanja tal-Partit Laburista dehret dipendenti fuq flejjes sew, waqt dik Nazzjonalista kienet ċertament ifqar. Il-kampanja tal-PN kienet waħda negattiva mhux bħal dik Laburista, filwaqt li l-kampanja ta’ Roberta Metsola kienet imfassla fuq tema differenti u aktar pożittiva u separata mill-istrateġija tal-PN.  

Fost l-aktar kampanji differenti u friski kien hemm dik ta’ Arnold Cassola, Eks Chairman tal-Ħodor imma li issa qed ipoġġi ismu bħala kandidat indipendenti wara li telaq minħabba li huwa pro-Life. 

Il-kandidati ftit li xejn tkellmu fuq temi internazzjoni bl-eċċezzjoni ta’ Clint Azzopardi Flores, kandidat Laburista li ġie mlaqqam mill-ġurnalisti bħala l-apoloġista ta’ Putin. Tant hu hekk li kien ġie mwissi mill-Partit Laburista li ma jkomplix jitkellem fuq il-politika barranija.  

Peter Agius, kandidat Nazzjonalista, ħafna drabi kien jintilef jitkellem fuq l-Unjoni Ewropea u kien jispiċċa jdejjaq l-udjenza tiegħu minħabba d-diskors tekniku. 

Imma fuq kollox, kien hemm kandidati ġodda li spikkaw biċ-ċarezza tal-ħsieb u l-mod kif jitkellmu – Steve Ellul u Thomas Bajada mill-Partit Laburista kienu l-iktar li dehru rashom fuq għonqhom, min-naħa l-oħra Daniel Attard deher aggressiv iżżejjed u ħafna drabi arroganti. Min-naħa tan-Nazzjonalisti, ma kienx hemm xi stilel, imma Peter Agius deher l-iktar ċar u persistenti. Bħalma deher Alex Agius Saliba, il-kandidat prim tal-PL.   

Imma Roberta Metsola bla dubju tibqa’ l-kandidata stilla u tidher li se tkaxkar xebgħa voti, minkejja li naqset milli tipparteċipa f’dibattiti fuq il-premessa pwerili li hi għandha l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew. Minkejja kollox hi għażlet li tikkampanja bla waqfien ma’ familji u ġemgħat kbar ta’ nies li huma tradizzjonalment Nazzjonalisti. 

Nagħmlu l-awtopsja wara l-elezzjoni 

Il-kampanja elettorali kienet ukoll dominata mill-inkjesta Vitals, u l-fatt li l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat tressaq il-Qorti flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u ma’ ruxxmata nies oħra hekk kif bdiet il-kampanja. U minkejja l-akkużi kriminali kontrih xorta ġie mistieden minn xi kandidati (mhux kollha) Laburisti bħala mistieden speċjali.  

Dan kollu jrid jiġi mwieżen fid-dawl li dan seta’ kkontribwixxa biex il-hard core Laburista toħroġ tivvota – fejn qabel kienet qed tgħid li se tibqa’ d-dar. Ġiegħel ukoll il-mexxej Laburista Robert Abela joħroġ għonqu għal Muscat meta qabel kien qed joqgħod attent u jqis kliemu sew fil-konfront ta’ Muscat. Azzjoni li tista’ taħdem kontrih fil-futur u twassal biex il-PL jispiċċa jiddefendi l-indifensibbli. 

L-episodju Vitals, minkejja l-iskandlu ta’ korruzzjoni bla preċedent, jista’ ma jwassalx għal xi reazzjoni kbira mill-elettorat f’din l-elezzjoni. Is-sondaġġi mhux qed juru xi ċaqliq mill-votant Laburist għall-PN. Iżda xorta jista’ jkun li jkun hemm vot ta’ protesta minn dawk li sabu dan kollu inaċċettabbli u diżgustanti. 

Fil-jiem qabel l-elezzjoni, il-Gvern Laburista lanqas staħa jibgħat eluf ta’ ċekkijiet, kif ukoll joffri soluzzjonijiet għal xi problemi li kienu ilhom fuq l-ixkaffa, u minkejja l-protesti mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni kollox baqa’ għaddej qisu ‘business as usual.’ Kien hemm ukoll l-istorja tas-Siġġiewi. Pastażata kbira li safrattant wasslet biex il-Ministru Roderick Galdes jgħajjar lill-ġurnalisti li kitbu din l-istorja. 

Kien hemm narrattiva waqt l-elezzjoni dwar kemm il-kandidati jħobbu pajjiżna u jaħdmu għal pajjiżna, li frankament tfisser li jekk tikkritika lill-Gvern taħdem kontra pajjiżek u jekk ma tikkritikahx ifisser li taħdem favur pajjiżek. Argument bażwi li għandu l-għeruq tiegħu fl-ideoloġija Mintoffjana li hija skaduta. 

F’din l-elezzjoni t-temi progressivi bħall-abort u l-ewtanasja ġew kompletament skartati. 

Fl-aħħar mill-aħħar il-kaxxa tal-vot hija waħda magħluqa. Għandha indikazzjoni ċara li l-Partit Laburista se jirbaħ, b’kemm ma nafux eżatt.  

Ir-riżultat aħħari se jkun interessanti ħafna. Kurjuża kemm se jkun hemm min ma jivvotax, kemm se jkun is-sehem tal-vot għall-indipendenti. U min ikun ivvota hekk.  

Hemm ċertezza dwar l-eżitu ta’ din l-elezzjoni. Waħda, il-Prim Ministru Robert Abela ħa jibqa’ jmexxi l-gvern tiegħu. It-tieni, Roberta Metsola u Alex Agius Saliba se jiġu eletti mill-ewwel u ħa jkunu fi Brussell fil-ġranet li ġejjin.  

Li m’aħniex ċerti huma l-affarijiet li se jinbidlu minħabba n-natura tar-riżultat elettorali. Ikun prematur wisq li niddiskutu dan illum. Imma ċertament mhux se noqogħdu lura milli nippuntaw subgħajna lejn dawk l-affarijiet li jridu jinbidlu. U li nkomplu nqanqlu l-problemi u t-temi rikorrenti bħall-qerda ambjentali, il-kaos fl-ippjanar u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.   

More in Politika