Sandra Gauci | Jiswielek tivvota aħdar

 ‘Tibqax id-dar imma kun parti mill-bidla. Ikteb magħna l-istorja’ 

Ejja niktbu l-istorja flimkien u fit-8 ta’ Ġunju jiswielek tivvota aħdar. Għall-problemi tiegħek aħna għandna s-soluzzjonijiet. Jiswielek tivvota aħdar għal kwalità ta’ ħajja aħjar, għal arja aktar nadifa, għal trasport u turiżmu sostenibbli ... M’għadx baqa’ ħin ninħlew wara ħafna tidwir bil-kliem u kliem fieragħ. In-nies xebgħu bil-battibekki u l-politika ta’ min jitgħajjar l-aktar u jrid politika propożittiva u proattiva li tista’ tissarraf f’ħajja aħjar għal kulħadd. 

Jiswielek li nsaħħu l-infrastruttura għal kulħadd: Maltin u mhumiex. Kemm-il siegħa minn ħajjitna qed naħlu ta’ kuljum fit-traffiku biex immorru minn post għall-ieħor u nkopru distanzi qosra? Dan huwa ħin li ma jerġax jingħatalna lura. Irridu infrastruttura moderna li tinkludi, mhux biss il-karozzi, imma wkoll mezzi alternattivi oħra bħar-roti u bankini li tista’ timxi fuqhom. Li tibqa’ tippromovi b’kull mezz possibbli l-użu tal-karozza jwassal biex appuntu dawn jiżdiedu. Fejn f’pajjiżi oħra ħadmu biex in-nies jinfatmu mid-dipendenza fuq il-karozzi, hawn Malta sar bil-maqlub b’konsegwenza li mhux biss żdied it-traffiku iżda wkoll it-tniġġiż fl-arja b’żieda fil-mard respiratorju. 

Jiswielek li Malta ma tibqax tintradam taħt il-bini. Ħafna mill-bini li qed jitla’ jibqa’ vakanti. Ma tagħmilx sens li nkomplu għaddejjin b’bini u tteħid ta’ art agrikola mingħajr l-ebda ħsieb u ppjanar. Aħna m’aħniex kontra l-bini imma kontra l-bini bla ħsieb f’infrastruttura li tiflaħ għalih b’sistema ta’ elettriku u drenaġġ li tlaħħaq mad-domanda.  

Meta jsir abbuż, aħna hemm konna. Meta tkellimna kontra l-proġett tal-Mistra, hemm konna. Meta pprotestajna għat-teħid u l-bejgħ tal-kosta pubblika fil-Qawra, hemm konna. Meta tkellimna kontra l-impjant tat-tarmak tal-Imqabba, hemm konna. Meta tkellimna kontra l-għeluq tal-unika spiżerija f’Burmarrad, hemm konna.  

Qatt ma bżajna nitkellmu b’kuraġġ u għall-ġustizzja maċ-ċittadini, fejn partiti oħra beżgħu jew injoraw il-karba tagħhom għax kellhom interessi oħra. Jekk m’intix kapaċi taqbeż għal pajjiżek f’pajjiżek stess, kif tippretendi li se tagħmel dan fil-Parlament Ewropew b’aktar minn 700 membru? 

Jiswielek li l-liġijiet Maltin u Ewropej iservu ta’ tarka li taħdem għal kulħadd. Li kulħadd jiġi trattat bl-istess mod quddiem il-liġi tidher xi ħaġa ovvja imma mhix. Għad hawn min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid u jilgħabha tal-bully għax jaf lil xi ħadd jew għandu ħbieb influwenti. Eżempji ta’ din it-tip ta’ mentalità qed narawha bil-mod kif qed jiġu injorati ċ-ċittadini a skapitu tal-businesses li qed jingumbraw bankini u anke toroq sħaħ a skapitu tar-residenti. Għadna kif rajna ambulanza li lanqas setgħet tgħaddi minn triq fil-Belt minħabba l-ammont eċċessiv ta’ mwejjed u siġġijiet. 

Hemm bżonn li nibqgħu naħdmu biex ħadd ma jkollu trattament privileġġjat billi nsaħħu l-korp tal-pulizija u nagħtuh lura r-rispett li jixraqlu, inħallu l-ġudikatura taħdem fil-libertà, kif ukoll jibda jittieħed bis-serjetà l-infurzar. Hu frott dawn in-nuqqasijiet li kellna l-mewt ta’ Jean Paul Sofia li miet sforz it-traskuraġni u l-korruzzjoni: mewt li tagħha għadu ma tħallasx il-prezz politiku. Il-membri parlamentari nesew li jridu jkunu ta’ eżempju u jridu jerfgħu l-prezz ta’ għemilhom. 

Jiswielek li l-ġid li tiġġenera l-ekonomija jissarraf f’pagi aħjar u living income garantit. Li jkollok ekonomija sejra tajjeb huwa bżonn għax mill-ġid igawdi kulħadd. Imma meta dan il-ġid ma jitqassamx sew u l-flus ma jintużawx bil-galbu, il-ġid li miegħu suppost iġġib ekonomija b’saħħitha jintilef jew jitgawda mill-ftit. Li jkollna qafas Ewropew li jiggarantixxi living income għal kulħadd hija miżura li tiggarantixxi l-ġustizzja soċjali u ssaħħaħ lill-aktar batut fis-soċjetà. 

Mela fl-elezzjonijiet li jmiss jiswielek tivvota aħdar. Jiswielek għalik għall-kwalità tal-ħajja, għal saħħtek. Tibqax id-dar imma kun parti mill-bidla. Ikteb magħna l-istorja. 

More in Politika