Editorjal | L-elezzjoni li jmiss

Huwa diffiċli li nagħmlu pronostiku ta’ x’se jiġri. Imma huwa ċert li se jkun hemm numru mdaqqas ta’ nies li mhux se jivvutaw

Din hija l-kampanja elettorali 2024 mingħajr ix-xinxilli, narrattiva politika bla sorpriżi, dibattitu politiku fjakk u sa ċertu punt skadut. U dan hu rifless fil-persentaġġ kbir ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw; għax mhumiex interessati u, fuq kollox, għax ma jridux.  

Hemm ukoll xi ħaġa oħra li nsejna ... in-nies mhumiex ċwieċ. Jafu li l-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea mhux se tbiddel il-ħajja tagħhom. Anzi konvinti li l-ħajja tagħhom se tibqa l-istess. Il-politika ta’ Roberta Metsola jew ta’ Alex Agius Saliba ftit se tagħmel differenza fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin minkejja dak kollu li jgħidu. 

X’se jiġri wara l-vot tas-Sibt? 

Brussell verament huwa ’l bogħod mir-realtajiet ta’ pajjiżna. Min-naħa l-oħra, il-vot ta’ nhar is-Sibt huwa opportunità biex in-nies, jew jagħtu l-appoġġ lill-partit tagħhom, jew lil xi kandidat, jew inkella jipprotestaw kontra l-Gvern. 

Hemm oħra, il-kwalità tal-kandidati għall-Ewropa mhumiex ta’ xi livell għoli ħafna. Hemm xi wħud minnhom li ma nafx kif ma jindunawx li mhumiex denji jkunu fix-xena politika. Oħrajn huma qishom pappagalli, mingħajr moħħ, jirrepetu d-diska tal-partit tagħhom b’arroganza u ardir.  

Vot ta’ appoġġ jinbet minn sens ta’ apprezzament għall-politika ta’ dak li jkun u minn dawn insibu qalba ta’ votanti li jibqgħu leali minkejja kollox. Imbagħad hemm dawk li fis-silenzju tagħhom huma rrabjati jew imdejqa għal sitwazzjonijiet partikolari. 

Nistgħu nniżżluhom f’ordni mhux partikolari:  

1) l-arroganza politika;  

2) il-korruzzjoni u r-regħba;  

3) l-ambjent u l-kostruzzjoni;  

4) it-traffiku;  

5) il-barranin;  

6) is-servizzi pubbliċi;  

7) l-inflazzjoni;  

8) ix-xogħol. 

Imbagħad hemm iż-żewġ mexxejja, Robert Abela u Bernard Grech. It-tnejn urew determinazzjoni fil-kampanja. Imma t-tnejn baqgħu mwaħħlin fl-istess post mingħajr ebda appoġġ ġdid.  

Abela ftaħar bil-kisbiet ekonomiċi, ħaġa li tinteressa n-nies, u wera simpatija ċara għal Muscat. Din tal-aħħar tista’ ddur kontrih. 

Grech, min-naħa l-oħra, u bir-raġun iffoka fuq l-eżitu tal-inkjesta Vitals. 

Imma apparti ż-żewġ mexxejja kien hemm l-attivitajiet tal-kandidati primi, fosthom ta’ Metsola, li organizzat attivitajiet mingħajr il-preżenza ta’ Bernard Grech u kellha attendenza iktar milli kieku jkollu Grech. Mhux ċar għalfejn il-PN u Metsola ma użawx lil xulxin f’din il-kampanja. 

Mill-indipendenti, l-iktar li spikka u li kellu ċarezza kien Arnold Cassola, imma dan għandu d-difett kbir li mhux partit u jidher waħdu bid-differenza minn partiti oħra li mbagħad għandhom il-problema ta’ nuqqas ta’ ċarezza politika u kelliema kapaċi. 

Il-kampanji ma kellhomx xi fattur wow. U ma kienx hemmx hemm xi ħaġa li tiddistingwi waħda mill-oħra. 

Huwa diffiċli li nagħmlu pronostiku ta’ x’se jiġri. Imma huwa ċert li se jkun hemm numru mdaqqas ta’ nies li mhux se jivvutaw. Se jkun hemm distakk bejn il-PL u l-PN, imma komplessivament se jkun hemm aktar nies li, jew ma jivvutawx, jew jivvutaw għall-PN u l-partiti Indipendenti. 

Dan ifisser li Bernard Grech jibqa’ kap tal-PN, Metsola tmur lura Brussell u Abela jibqa’ jmexxi bħalma hu mistenni. Imma l-problemi li semmejna fil-bidu ta’ dan l-editorjal mhux se jisparixxu. Anzi se jaggravaw u magħhom l-oppożizzjoni mis-soċjetà ċivili.  

Alla biss jaf x’se jiġri wara l-elezzjoni tas-Sibt li ġej! 

More in Politika