Editorjal | L-Istat tal-Mafia, iva jew le?

Il-Partit Laburista għandu storja twila, u bla dubju kkontribwixxa ħafna għal dan il-pajjiż, imma l-PL għamel ħniżrijiet kbar ukoll u b’mod ripetut wera li bejn kliem u fatti hemm baħar jikkombatti

Lil hinn mir-regħba infinita ta’ bosta ditti, personalitajiet u kumpaniji, hemm l-Istat. Aħna qatt ma konna sottoskritti mal-ħsieb anti-Laburista u jew inkella ngħidu li dak kollu li huwa Labour huwa ħażin. Imma ma nistgħux nargumentaw għax Muscat għamel mirakli ekonomiċi jew inkella ġab riformi soċjali u fil-qasam tal-ġeneru, mela jfisser li dawn huma dnubiet żgħar u jgħaddu mal-oħrajn.  

Dawn mhumiex dnubiet żgħar. Dawn huma dnubiet kbar li mhux biss iħassru kull tajjeb li seta’ għamel Muscat imma jħassru kull tip ta’ fiduċja li stajna kellna f’dan ir-raġel. Infatti ma nistgħux nifhmu kif hawn min qed jiddefendih, jew agħar minn hekk qed jistiednu biex jitkellem fl-attivitajiet politiċi tiegħu.   

Għax dan mhux każ ta’ revolving doors, fejn politiku joħroġ mill-politika u jintefa’ man-negozjanti jdawwar lira sew. Dan hu każ ta’ persuna li qed jgħid li ma kienx jaf kemm qed iħawdu u jgerfxu Schembri u Mizzi. Meta nafu li dawn it-tnejn kienu nies ta’ fiduċja li anke meta kien ġie mikxuf b’dak li kienu qed jagħmlu bil-kontijiet fil-Panama, baqgħu sejrin u jgħaffġu. Inkredibbli. U meta Muscat kien ġie mistoqsi għalfejn ma neħħihomx, fi żmien il-Panama kien irrisponda li kellu bżonnhom għall-proġetti li hawn fil-pajjiż. 

Mhux hekk! 

Il-verità hi li aktarx Muscat ma setax ineħħihom għax kien jaf x’qed jiġri minn wara l-kwinti. U kien jaf x’inhuma jagħmlu.  

L-inkjesta Vitals turina bl-iktar mod ċar kif dawn in-nies welldu strutturi biex jibbenefikaw huma bl-għajnuna ta’ bosta nies. 

U huma kienu jafu li sewwa VITALS u sewwa Steward kienu ħallelin u ma għamlu xejn. Anzi ħallew kollox għaddej. 

B’li rajna f’dan is-settur nitkexkxu x’jista’ jkun hemm fi proġetti kbar jew setturi, bħal pereżempju t-toroq, l-ippjanar, tenders ... fejn għaddew flejjes kbar u s-sehem jew parteċipazzjoni ta’ politiċi oħra f’maniġġi illegali. Alla biss jaf x’hemm, imma li nafu hu li ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma. 

Il-Partit Laburista għandu storja twila, u bla dubju kkontribwixxa ħafna għal dan il-pajjiż, imma l-PL għamel ħniżrijiet kbar ukoll u b’mod ripetut wera li bejn kliem u fatti hemm baħar jikkombatti. Il-ħasra hi li alternattiva politika bħalissa m’hemmx. Imma ma jfissirx li ma jistax ikun hemm alternattiva xi darba. 

Qatt ma konna naħsbu li naslu biex nistaqsu jekk verament l-Istat huwiex l-Istat tal-Mafia. B’dak li qed naraw, jidher li r-risposta hija ċara u tonda. 

More in Politika