Il-gazzetta ILLUM hija 100% tal-MediaToday u Steward riedu jixtru l-MediaToday

Wara li dehru xi rapporti fil-midja soċjali, li jidher li huma ibbażati fuq leaks mill-inkjesta dwar il-Vitals, il-MediaToday ħasset il-bżonn li toħroġ din l-istqarrija

Wara li dehru xi rapporti fil-midja soċjali, li jidher li huma ibbażati fuq leaks mill-inkjesta dwar il-Vitals, il-MediaToday ħasset il-bżonn tgħid dan li ġej:

Fi 2011, 13-il sena ilu, il-kumpanija MediaToday kienet ħadet deċiżjoni kummerċjali li filwaqt li żżomm l-operat u l-editorjal tal-gazzetta ILLUM, tgħaddi t-titlu tal-gazzetta lill-kumpanija Innovate Business Consulting rappreżentata minn Jonathan Cardona u Louis Cardona għal perjodu stipulat ta’ 18-il xahar. 

Il-kumpanija MediaToday xtaqet li l-gazzetta ILLUM ma tibqax piż finanzjarju u l-Innovate Business Consulting tinvesti fit-titlu. 
Intant wara dan il-ftehim il-kumpanija Innovate Business Consulting jidher li għamlet ftehim indipendenti minn MediaToday ma’ ditti fil-qasam tal-istampar, fosthom kumpanija li tistampa u kumpanija li timporta l-karta u l-magni ta’ l-istampar.  

Waħda minn dawn il-kumpaniji kienet ta’ Keith Schembri, li kellu 25% bħala azzjonist f’dan il-ftehim li sar minn Innovate Business Consulting.  Dan sar 13-il sena ilu fi 2011 meta l-ebda kumpanija jew individwu involuti kellhom remotament xi kariga jew konnessjoni politika ma’ xi partit jew ieħor.  

Dan l-arranġament kummerċjali sfaxxa minħabba diżgwid bejn l-investituri u l-MediaToday u t-titlu reġa għadda lil MediaToday.  
F’ebda mument f’2011 jew wara, ma kien hemm xi ħlas jew transazzjoni bejn il-partijiet.  

Snin wara cioe fi 2021 kien hemm ukoll attentat mis-sidien tal-isptarijiet Steward permezz tal-kap eżekuttiv Armin Ernst biex il-kumpanija MediaToday tinxtara minn Stewards. 

Il- MediaToday kienu għażlu li ma jbiegħux il-kumpanija.  Ta’ min igħid li fl-aħħar snin u mill-bidu ta’ l-episodju tal-Vitals u l-Isteward, il-pożizzjoni editorjali kienet waħda kritika ħafna fil-konfront tal-ftehim tal-Gvern mal-Vitals u l-Steward.  Intant is-sena l-oħra l-kumpanija Steward fetħet kawża ta’ libell kontra l-kumpanija MediaToday f’Qorti f’Madrid biex jiġu likwidati eluf ta’ ewro f’danni minħabba kitbiet li dehru fil-gazzetti tal-MediaToday.  Din il-kawża għadha in vigore.

More in Politika