Editorjal | L-abort, l-Ewropa u aħna

Ir-riżoluzzjoni li għaddiet fil-Parlament Ewropew ma torbotx lill-pajjiżi membri. Il-piż tagħha hu morali iktar milli legali. Għaldaqstant, jekk l-abort f’Malta jsirx legali jew le hi deċiżjoni li jrid jieħu l-Parlament Malti biss

Ir-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament Ewropew biex id-dritt tal-abort jidħol fiċ-Charter Ewropew tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiftaħ għajnejn il-politiċi Maltin ta’ fejn qed iħabbat il-polz fl-Ewropa. 

Madwar l-Ewropa kollha, ħlief f’Malta u sa ċertu punt il-Polonja, in-nisa għandhom id-dritt li jagħżlu huma x’jagħmlu b’ħajjithom, b’saħħithom u bit-tqala tagħhom. Is-sitwazzjoni f’Malta tibqa’ unika, minkejja l-bidliet li saru fil-Kodiċi Kriminali s-sena li għaddiet biex l-abort ikun jista’ jsir jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. 

L-abort jibqa’ illegali f’Malta u, bil-kontra ta’ dak li jibqa’ jinsisti fuqu l-Prim Ministru Robert Abela, lanqas mhu possibbli li jsir jekk is-saħħa tal-mara tkun mhedda – sakemm din mhux se twassal għall-mewt. 

Kif mistenni, il-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u David Casa vvutaw kontra r-riżoluzzjoni li kienet tinkludi wkoll talba speċifika biex Malta tiddikriminalizza l-abort. Alfred Sant astjena fuq il-prinċipju li kwistjonijiet bħall-abort għandhom ikunu deċiżi mill-pajjiżi membri nfushom u mhux mill-istituzzjonijiet Ewropej. 

Cyrus Engerer, li kien fuq xogħol parlamentari barra minn Brussell, ma vvutax imma kien wieħed mill-awturi ta’ din ir-riżoluzzjoni u tkellem favuriha. 

Li Casa jivvota kontra mhux tant sorpriża għax baqa’ konsistenti mat-twemmin li ilu jħaddan hu u l-Partit Nazzjonalista kontra l-abort. L-ikbar kwistjoni għall-PN f’dan il-qasam hi marbuta mat-twemmin ta’ Roberta Metsola li konsistentement issostni li l-pożizzjoni tagħha bħala president hi dik tal-Parlament – u allura favur l-abort u favur li dan isir parti miċ-Charter Ewropew. Madankollu, f’Malta, Metsola tibqa’ evażiva dwar dak li verament temmen fih u jekk il-pożizzjoni tagħha tikkuntrastax ma’ dik tal-PN. 

Li hu żgur hu li fil-PN lanqas ħjiel ta’ diskussjoni m’hemm fuq jekk jeżistux ċirkostanzi fejn l-abort għandu jkun permess. 

Min-naħa l-oħra l-bettija hi iktar imħawra. Il-Prim Ministru jgħid li l-abort mhux kwistjoni li għandna nitfgħu taħt it-tapit u jitkellem favur diskussjoni miftuħa li iżda għandha titmexxa mis-soċjetà ċivili. Għandek oħrajn bħal Engerer u Randolph De Battista li huma apertament favur id-dritt tal-għażla, u oħrajn bħal Agius Saliba li huma kontra bis-saħħa. Fil-Partit Laburista teżisti pluralità ta’ vuċijiet u din is-sitwazzjoni għandha tibqa’ mħarsa għax żmien l-għanqbut fejn in-nies jibżgħu jitkellmu fuq l-abort ilu li għadda. 

Ir-riżoluzzjoni li għaddiet fil-Parlament Ewropew ma torbotx lill-pajjiżi membri. Il-piż tagħha hu morali iktar milli legali. Għaldaqstant, jekk l-abort f’Malta jsirx legali jew le hi deċiżjoni li jrid jieħu l-Parlament Malti biss. 

F’dan il-kuntest, din il-gazzetta temmen li wasal iż-żmien li l-abort ma jibqax att kriminali u minflok tibdil bil-pezzi u l-bukkuni tiddaħħal liġi fl-Att Dwar is-Saħħa li tirregola kif u meta jista’ jsir l-abort. F’dan il-pajjiż, fejn biddilna l-liġi elettorali biex ikollna iktar nisa fil-Parlament, jeħtieġ li nafdaw iktar fin-nisa meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet dwar ħajjithom, saħħithom u t-tqala tagħhom. 

Jekk ma swiet xejn, ir-riżoluzzjoni Ewropea reġgħet fakkritna kemm in-nisa li jgħixu f’Malta għadhom trattati ħażin fejn jidħlu d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom. 

More in Politika