Angele Deguara | Tkabbir ekonomiku għall-ftit

It-tkabbir ekonomiku huwa għan ewlieni tal-gvern preżenti imma min qed igawdi minnu dan it-tkabbir? 

Il-mantra li Malta għandha ekonomija b’saħħitha u dejjem tikber xbajna nisimgħuha. Għall-gvern din hija xi ħaġa li wieħed għandu jiftaħar u jkun kburi biha. Bħallikieku għax għandna ekonomija soda, kulħadd kuntent b’żaqqu u l-bwiet mimlijin u qegħdin ngħixu f’xi ġenna tal-art. Kieku kien hekk, kien ikollu biex jiftaħar il-Gvern. Imma l-fatti ma jurux hekk. Juru li l-ekonomija tagħna hija mibnija fuq l-isfruttament tal-ħaddiema, fuq ir-regħba, l-inġustizzja, il-qerda tal-ambjent u t-tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Meta l-ġid ma jitqassamx b’mod ġust, huma l-ftit li jgawdu mit-tkabbir ekonomiku filwaqt li d-distakk bejn dawk li l-qligħ tagħhom huwa fenomenali u l-ħaddiema li jaħdmu għall-boqxiex ikompli jikber.  

It-tkabbir ekonomiku huwa għan ewlieni tal-gvern preżenti imma min qed igawdi minnu dan it-tkabbir? U kif qed tikber l-ekonomija tagħna? Il-Gvern iħaddan mudell ekonomiku neoliberali mibni fuq l-idea kapitalista ta’ suq ħieles, filosofija individwalista li taġevola lil min għandu l-ġid u lest jinvestih minflok lill-ħaddiema. Dan il-mudell ipoġġi t-tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox fuq quddiem nett bil-konsegwenza li dan l-aħħar rajna ħafna ħaddiema barranin li ġew imħeġġa jiġu jaħdmu f’pajjiżna, ħafna minnhom b’kundizzjonijiet ħżiena speċjalment fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-lukandi u servizzi oħra. Għax it-tkabbir ekonomiku tagħna jiddependi ħafna fuq iċ-cheap labour u x-xogħol prekarju. Fil-fatt, skont statistiċi tal-Jobsplus, is-suq tax-xogħol Malti huwa volatili ħafna, b’ħaddiema deħlin u ħerġin minnu u b’iktar ħaddiema jieqfu mix-xogħol milli jibdew jaħdmu.  

Wara l-pandemija, Malta għaddiet minn mewġa ta’ inflazzjoni bħal ħafna pajjiżi oħra. Għalkemm il-Gvern ikkumpensa ftit għaliha, dan ma kienx biżżejjed biex ħaddiema bi qligħ baxx ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja. Il-flus fil-but ma żdidux għall-ħaddiema, speċjalment għal dawk bi dħul baxx. Fil-fatt estimi tal-Kummissjoni Ewropea juru li matul l-2023, iż-żieda nominali fil-pagi f’Malta kienet biss ta’ 1.5%, l-inqas fl-Ewropa, apparti li l-għoli tal-ħajja naqqar dan id-dħul u ġabu fix-xejn. Min imur jixtri jaf kemm għolew l-affarijiet essenzjali. Min ma jmurx jixtri jista’ jħares lejn rapporti uffiċjali li juru li minkejja ż-żidiet fil-pagi, il-ħaddiema ma setgħux ilaħħqu mal-ħajja, speċjalment meta tqis li, bħal dejjem, kienu l-prezzijiet tal-ikel l-iktar li għolew.  

Apparti l-miżuri mħabbra fil-baġit biex ipattu għall-għoli tal-ħajja, fl-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Gvern żied il-paga minima b’20 ċenteżmu fis-siegħa fl-2024, li tibqa’ tiżdied sa 45 ċenteżmu sal-2027. Minkejja li din hija miżura pożittiva, żgur mhijiex biżżejjed biex tindirizza l-inġustizzja ta’ pagi baxxi għal ħafna ħaddiema. Meta tħares lejn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, issib li Malta tinsab fit-12-il post f’dan ir-rigward. Meta tqabbel il-paga minima ta’ Malta ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra, issib li l-qligħ ta’ min għandu paga minima f’Malta għadu pjuttost baxx u li anki f’pajjiżi bħal Ċipru, il-Portugall, il-Polonja u s-Slovenja, il-ħaddiema għandhom paga minima ogħla minn tal-ħaddiema f’Malta. Għalkemm il-ħaddiema li jaqilgħu paga minima ma jgħoddux eluf kbar, f’Malta l-pagi mhumiex għoljin inġenerali apparti li hawn ħafna ħaddiema li jaqilgħu ħarira iktar mill-paga minima. Fil-fatt, studju riċenti wera li ħafna żgħażagħ Maltin, fosthom dawk gradwati mill-Università, jippreferu jmorru jaħdmu barra minn Malta milli jibqgħu jaħdmu hawn bi dħul baxx, bil-konsegwenzi li qegħdin nitilfu ħaddiema mħarrġin Malta wara li nkunu investejna fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.  

Id-dħul baxx mhuwiex l-unika problema li ġġib magħha ekonomija li tagħmel lis-suq alla tagħha filwaqt li tagħsar kemm tiflaħ lill-ħaddiema. L-isfruttament tal-ħaddiema, ix-xogħol prekarju u l-inċertezzi li jġib miegħu, il-kirjiet għoljin mas-smewwiet, in-nuqqas ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol kollha jnaqqsu mid-dinjità tal-ħaddiema u jnaqqru mill-kwalità tal-ħajja kif ukoll iwasslu għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol li mhux l-ewwel darba kienu fatali. Numru sostanzjali ta’ ħaddiema jkollhom jaħdmu sigħat twal biex ilaħħqu mal-ħajja jew jaħdmu iktar minn xogħol wieħed b’detriment għall-ħajja personali u s-saħħa mentali tagħhom. Ħaddiema, speċjalment dawk barranin, ikollhom jaqsmu appartament ma’ persuni oħrajn biex ikunu jistgħu jħallsu l-kera. Barra minn dan, f’Malta hawn ħafna ħaddiema, speċjalment dawk bi dħul baxx u f’xogħol prekarju, li mhumiex imsieħba f’union, b’konsegwenza li dawn m’għandhomx poter biex jinnegozjaw kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar.  

Qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn id-dinjità tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja qegħdin jiġu ssagrifikati fuq l-artal għar-regħba. Rajna l-industrija tal-kostruzzjoni tisplodi f’dawn l-aħħar snin, industrija li mhux biss ma tirrispettax lill-ħaddiema u lir-residenti tal-madwar imma li qed teqred kull roqgħa art f’Malta filwaqt li tħaxxen il-bwiet tal-iżviluppaturi. Għalkemm din l-industrija mhijiex l-ikbar mutur tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, flimkien ma’ setturi oħra bħal tat-tindif u tat-tqassim tal-ikel, hija industrija li tħaddem ħafna ħaddiema bil-prekarjat u b’kundizzjonijiet mhux xierqa, kemm Maltin, kif ukoll barranin.  

It-tkabbir tal-ekonomija akkost ta’ kollox mhuwiex xi ħaġa pożittiva ħlief għal dawk li s-suq u l-profitti jiġu qabel il-ġustizzja soċjali, id-dinjità tal-ħaddiema, u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu u mhux ta’ faxxa waħda tas-soċjetà li qed titħanżer minn fuq dan it-tkabbir li tant hu għal qalb il-Gvern li jsejjaħ lilu nnifsu soċjalista.  

Jeħtieġ li nibnu mudell ekonomiku differenti, imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali, id-dinjità tal-ħaddiema u l-istabbiltà tax-xogħol. Jeħtieġ li jkollna pagi li tassew jippermettu ħajja diċenti, regolamentazzjoni serja tas-suq tal-kera u suq tax-xogħol fejn il-ħaddiema jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom biex b’hekk ikollna verament ekonomija li nistgħu niftaħru biha.   

More in Politika