Ruth Mercieca| Il-poplu fil-periferiji tas-saltna tal-privat

Siġġijiet li ma poġġewhom hemm l-ebda re jew reġina, iżda poġġewhom hemm Maltin bħalna stess. Siġġijiet u mwejjed li ħonqu l-pjazez, it-toroq, il-bankini u l-ispazji pubbliċi tagħna.

Riċentament, artist lokali installa monument ta’ siġġu – siġġu vojt – biex jokkupa l-ispazju quddiem, u fl-istess waqt jostor, il-monument tar-Reġina Vittorja, bil-ħsieb li jqanqal ħsieb u djalogu dwar il-fdalijiet tal-kolonjaliżmu u l-effetti tiegħu fuq il-poplu Malti. Hemm min jisħaq li l-monument tar-Reġina Vittorja mhuwiex postu f’din il-pjazza, u li għandu jitneħħa minn hemm biex inkunu tassew ħlisna mill-ktajjen li jżommuna mwaħħla mal-passat kolonjali tagħna. Iżda fl-istess ħin li qed nintilfu f’dibattiti dwar relikwi tal-passat u nżommu ħarsitna ffukata fuq il-monument tar-Reġina Vittorja, qed taħarbilna x-xena tal-istess pjazza maħnuqa, ironikament, b’ringieli ta’ siġġijiet ma jispiċċaw qatt. 

Siġġijiet li ma poġġewhom hemm l-ebda re jew reġina, iżda poġġewhom hemm Maltin bħalna stess. Siġġijiet u mwejjed li ħonqu l-pjazez, it-toroq, il-bankini u l-ispazji pubbliċi tagħna. Għalhekk, bla ma rrid, nieqaf ftit u naħseb dwar kemm għadu rilevanti diskors dwar ħakmiet kolonjali meta bħalissa qed nesperjenzaw ħakma oħra daqstant perfida – il-ħakma ġejja mill-id tal-kummerċ bla rażan. Meta kont tifla niftakar lil ommi u lil nannti jirrakkuntaw b’nota ta’ rabja f’leħinhom li fi żmien l-Ingliżi, ħafna postijiet prominenti, bħal pereżempju Sant’Anġlu u x-xatt li jagħti għalih, kienu magħluqin għall-Maltin u okkupati esklussivament mill-Ingliżi. Din kienet tqanqalli ċerta rabja, li kienet tiġi segwita b’sens ta’ soliev li jien twelidt fi żmien ta’ Malta ħielsa, Malta indipendenti fejn kulħadd għandu dritt jimraħ fejn irid u fejn jogħġbu. Iżda kemm għadu minnu dan? Jekk qabel, l-ispazji f’pajjiżna kienu kkontrollati mill-ħakkiema kolonjali, illum xirfet razza ġdida ta’ ħakkiema oħra, kważi kważi nistħajjilhom ħakkiema li għandhom mis-sidien fewdali ta’ dari.  

Is-serq ta’ spazji pubbliċi minn ħalq il-poplu jinħass kull meta mmorru mixja, max-xatt ta’ Marsaskala jew qalb it-toroq storiċi tal-Belt, u nsibu l-bankini okkupati mill-imwejjed u s-siġġijiet tal-istabbilimenti kummerċjali; meta naraw torri ieħor, lukanda oħra, tielgħa fuq art li qabel kienet tal-poplu, bid-dawl tax-xemx ikompli jintradam taħt dell mostru griż ieħor. Il-frustrazzjoni kwotidjana ġġenerata mill-esiġenzi tar-rota tal-ekonomija msejsa fuq it-tkabbir bla qies tkompli teżaspera ruħha meta mmorru bit-tir li nqattgħu nofstanhar għall-kwiet fil-bajja fejn qattajna l-ġranet ta’ tfulitna u nsibuha okkupata mid-deckchairs. Meta nippruvaw nfittxu għeruqna fil-post fejn trabbejna u nsibuhom midfuna taħt l-estetika tal-kruha li tiġġenera biss profitti għall-kbar. Bla ma trid, meta ssib ruħek iċċirkondat minn kull naħa mir-renju tal-privat, tħossok qed tiġi mkeċċi, kważi kważi eżiljat, mill-postijiet li jagħtuk identità, li jagħmluk int, u li llum m’għadniex nagħrfuhom u ma nistgħux naċċessawhom aktar għax għamluhom tagħhom.  

Meta ftit ilu kelli l-opportunità nitkellem ma’ xi residenti Beltin waqt protesta organizzata minnhom kontra l-privatizzazzjoni ta’ Evans Building, stajt nosserva d-diqa tagħhom li l-Belt li tant jgħożżu, il-Belt li rawmithom u tathom l-identità, qed titlef ruħha ssagrifikata fuq l-artal tar-regħba – u huma, ulied din il-Belt, qed jispiċċaw imqalfta ’l barra minnha biex jagħmlu post għal udjenza ġdida li kapaċi tkattar u ddawwar ir-rota tal-ekonomija aħjar minnhom. Ix-xeni assurdi tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira mxekkla mill-imwejjed u s-siġġijiet li ħonqu t-toroq tal-Belt bla dubju għadhom stampati f’moħħhom. L-istess xeni esperjenzawhom ukoll ir-residenti Melliħin, li sforz li l-pjazza tagħhom spiċċat okkupata illegalment mill-imwejjed u s-siġġijiet tal-istabbilimenti tad-db, il-purċissjoni tal-festa kellha tbiddel ir-rotta tagħha. 

Is-sitwazzjoni hija tant gravi li ftit tal-ġimgħat ilu, residenta Slimiża mxebbgħa mis-sitwazzjoni eżasperanti li ġab miegħu l-kummerċ bla rażan f’Tas-Sliema u l-Gżira, kellha tirrikorri għall-pass assurd li tapplika għal permess mal-Awtorità tal-Artijiet biex “tikri” l-bankina li kienet qed tiġi okkupata mill-imwejjed u s-siġġijiet ta’ ħadd ħlief il-kap tal-MDA, Michael Stivala. Din hija sitwazzjoni inaċċettabbli – l-ebda resident m’għandu jkollu għalfejn iħallas biex jikri spazju pubbliku sabiex jassigura li l-bankini jistgħu jintużaw bla xkiel u bla periklu minn kulħadd. 

Is-serq ta’ spazji pubbliċi, sfortunatament, ma jiqafx mal-bankini biss. Forsi l-aktar ġerħa riċenti hija t-theddida li nitilfu darba għal dejjem lil Manoel Island – il-post li jservi ta’ serħan tant bżonjuż għall-komunità Gżirjana, u l-istess post fejn tmien snin ilu għadd ta’ attivisti, flimkien mar-residenti, kienu fetħu l-kanċelli li kienu qed jimblokkaw lill-pubbliku milli jgawdi Manoel Island biex b’hekk il-poplu seta’ jerġa’ jikseb l-aċċess għax-xatt. 

Forsi l-ħakkiema kolonjali ilhom li ħallew xtut pajjiżna, iżda dan ma jfissirx li pajjiżna huwa ħieles għalkollox. Il-ħakma tas-sidien ġodda li kkalzraw ruħ pajjiżna fi bwiethom tista’ sfortunatament tinħass li ssaltan f’kull rokna ta’ pajjiżna, ibda mill-baħar u spiċċa sal-bankini. Iżda l-azzjoni simbolika li seħħet kważi tmien snin ilu f’Manoel Island għandha tfakkarna li s-setgħa vera tinsab f’idejn il-poplu. Xejn m’għandu jwaqqafna milli nieħdu lura l-ispazji tagħna bi dritt. 

More in Politika