Editorjal | It-tagħlima mit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia

Dan huwa pajjiż fejn il-kostruzzjoni tal-bini u min imexxi l-kostruzzjoni għandu kontroll assolut fuq il-pajjiż, u dan ifisser kontroll fuq il-politiċi, kif ukoll l-ekonomija

It-traġedja ta’ Jean Paul Sofia meta miet f’inċident ikrah waslet biex ikun hemm inkjesta pubblika. Tajjeb. U mal-inkjesta ġew litaniji ta’ min hu t-tort u min irid jirrispondi u tad-defiċjenzi kbar fis-sistema.  

Imma jekk kien hemm oġġett li kellu jiġi ttrattat, ċertament kien is-suġġett dwar ir-regħba li hawn fil-pajjiż u ma’ kulħadd, f’kull strata ta’ soċjetà, xprunata minn motivazzjoni biex isir iktar u iktar bini u iktar sinjur. 

Dan huwa pajjiż fejn il-kostruzzjoni tal-bini u min imexxi l-kostruzzjoni għandu kontroll assolut fuq il-pajjiż, u dan ifisser kontroll fuq il-politiċi, kif ukoll l-ekonomija.  

Bl-iskuża li huma l-qalb tal-ekonomija spiċċajna f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż ġibnieh mandra u landa taż-żibel.  

Pajjiż monument tal-konkrit, fejn kulħadd irid il-permessi biex iwaqqa’ bini eżistenti jew inkella jibni fuq art agrikola jew pristina. Pajjiż li tilef l-awtentiċità. 

Min għandu l-miljuni jrid aktar. U min għandu argument huwa tellief u loser. 

B’hekk spiċċajna f’sitwazzjoni fejn ir-regħba waslet biex ikun hawn ġirja bla rażan biex jitlestew il-proġetti u b’hekk iseħħu d-diżgrazzji. 

Il-każ sfortunat ta’ Jean Paul Sofia tela’ f’wiċċ l-ilma għax kien hemm mara b’kuraġġ, omm li riedet il-ħaqq. Dawk li ma kellhomx vuċi u mietu, dawk baqgħu minsija. 

Li ma jgħidx ir-rapport huwa li l-industrija tal-bini hija mostru u b’interessi kbar ta’ flus.  

Iridu jkunu l-istituzzjonijiet u l-Gvern tal-ġurnata mmexxi minn Robert Abela li jridu jwaqqfu din ir-regħba.  

Iktar u iktar tinkwieta meta ma tismax min jitkellem u meta tara ż-żwieġ bejn il-periti u l-iżviluppaturi, għaqda bejn tnejn li tkompli tinkwetana fid-dawl tar-responsabbiltajiet kbar li għandu jkollhom il-periti meta jsiru ċerti proġetti. 

Ir-rapport ta’ McKeon ma jitkellimx fuq il-bżonn li din l-industrija għandha bżonn tiġi mibdula, ridimensjonata, imnaqqsa fid-daqs u fir-ritmu biex tagħraf ir-realtajiet ta’ dinja fejn mhux biss il-flus kbar huma importanti imma l-lewn, id-daqs u l-mod kif ngħixu fuq din il-gżira ċkejkna jisimha Malta. 

Wisq nibżgħu li dan kollu se jintilef u jintesa u ha nkomplu nservu ta’ tapp għar-regħba tal-iżviluppaturi. 

M’hemmx rabja biżżejjed fin-nies u wisq aktar kuraġġ u viżjoni fuq livell politiku. 

More in Politika