Alicia Bugeja Said| Skema fl-immedjat, investiment għall-futur

Iktar minn 330 sajjied, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €100,000 kull wieħed. Dan wara li żidna l-massimu li kull sajjied jista’ jingħata lura b’iktar minn 33% mill-ammont ekwivalenti tas-sena li għaddiet

Sena wara sena, dan il-Gvern kompla jsaħħaħ is-setturi tas-sajd u tal-akwakultura. Irnexxielna nagħmlu dan billi, fost l-oħrajn, investejna b’mod għaqli fl-infrastruttura tal-portijiet tagħna. Fl-istess ħin, qegħdin noħolqu viżjoni tanġibbli għall-futur, bl-għan li s-settur tas-sajd tagħna jkompli jimraħ u jissaħħaħ fil-ġejjieni. 

Minkejja l-bżonn li nħarsu lejn futur aħjar u sostenibbli għas-sajjieda tagħna, ma stajniex ninjoraw ix-xenarju soċjo-ekonomiku tal-preżent. Fid-dawl ta’ pressjonijiet ekonomiċi esterni, ma bżajniex nieħdu deċiżjonijiet.  

Kienu deċiżjonijiet strateġiċi iżda immedjati; skemi innovattivi, però neċessarji. U bħala eks riċerkatriċi f’dan il-qasam tant għal qalbi, konxja tal-piżijiet finanzjarji li s-sajjieda tagħna setgħu jaffaċċjaw, kieku ma intervjenejniex. 

Għal din is-sena, il-Gvern kommess li jkompli jinvesti €1 miljun oħra bħala kumpens għaż-żieda fl-ispejjeż tal-fuel tal-bastimenti tas-sajd. Dan wara li bħala Gvern, konna diġà ppreżentajna pakketti ta’ skemi simili tul is-snin li għaddew, li laħqu total ta’ €2.7 miljun.  

Iktar minn 330 sajjied, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €100,000 kull wieħed. Dan wara li żidna l-massimu li kull sajjied jista’ jingħata lura b’iktar minn 33% mill-ammont ekwivalenti tas-sena li għaddiet. Iktar minn hekk, dan l-ammont se jibqa’ jaġġorna ruħu għall-bqija tas-sena. 

L-impatt ta’ din il-miżura hija sinifikanti, speċjalment f’xenarju tas-sajd lokali bħal pajjiżna. Skont l-aħħar indiċi tad-Dipartiment tas-Sajd, il-prezz ta’ kilogramma ta’ ħuta żdied b’rata ħafna inqas minn dak li kienu jħossu l-konsumaturi Maltin u Għawdxin kollha kieku din l-inizjattiva ma ħallietx l-impatt pożittiv tagħha. 

Dan għandu iktar u iktar jitqies meta wieħed jikkunsidra x-xenarju tas-sajd lokali. Is-sajjied fuq skala żgħira, bħal dak ta’ pajjiżna, juża ħafna metodi differenti biex jikseb l-għejxien ta’ kuljum. Is-sajjieda tagħna huma esponenti prinċipali ta’ kif wieħed għandu jżewweġ it-teknoloġija u l-prassi moderni mal-istorja u t-tradizzjoni.  

Uħud minn dawn il-mezzi tradizzjonali tas-sajd huma importanti minħabba li jkunu inqas ta’ ħsara fuq l-ambjent marittimu ta’ madwarna, speċjalment meta mqabbel mas-sajd industrijali u dak ta’ skala akbar. Billi nappoġġjaw is-sajjieda tagħna, inkomplu nippromovu l-prattiċi l-iktar sostenibbli. B’hekk, nipproteġu l-bijodiversità marittima ta’ madwarna, inkabbru l-ammont ta’ ħut eżistenti, u nipproteġu l-iktar ekosistemi sensittivi marittimi. Dan tal-aħħar huwa importanti għaliex jgħin biex nipproteġu l-kwalità tal-baħar ta’ madwarna, u b’hekk ukoll in-numru bla limiti ta’ speċi li jiddependu fuqhom, minbarra ovvjament aħna ċ-ċittadini. 

Fid-dawl ta’ dan però, il-fuel għall-bastimenti tas-sajd huwa l-ikbar spiża li jaffaċċjaw ta’ kuljum dawn is-sajjieda. Mingħajr is-serħan ta’ moħħ u element ta’ stabbiltà, l-ebda sajjied, operatur jew ħaddiem fis-settur ma jkun jista’ jopera u jħares ’il quddiem biex ikompli jaqla’ l-għejxien tiegħu. 

U dan għaliex is-sajjieda tagħna għandhom ukoll irwol importanti fl-ekonomija lokali, speċjalment dawk il-komunitajiet mal-kosta u l-portijiet tagħna. Is-sajd jipprovdi l-għejxien dirett għall-mijiet ta’ persuni b’mod dirett. B’mod indirett, huma jikkontribwixxu lill-bqija tal-pajjiż billi jsaħħu s-sigurtà tal-ikel, il-ġlieda kontra l-faqar, kif ukoll l-iżvilupp rurali b’mod sostenibbli ta’ ċerti lokalitajiet. 

L-għajnuniet finanzjarji, bħal dawk li nedejna f’dan il-każ, jassiguraw aċċess iktar b’saħħtu għas-suq lokali kif ukoll dawk internazzjonali. Skemi bħal dawn isaħħu r-reżiljenza ekonomika ta’ dawn il-komunitajiet, speċjalment f’każ ta’ pressjonijiet ekonomiċi bħal dawk li rajna f’pajjiżna fiż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, u issa kaġun tal-gwerra tal-Ukrajna.  

It-tisħiħ ekonomiku tas-sajd f’pajjiżna jgħin ukoll fit-tisħiħ ta’ setturi oħra anċillarji. Ma nistgħux ma nsemmux l-impatt li s-sajd tal-ħut għandu f’oqsma bħat-turiżmu, in-numru ta’ stabbilimenti tal-ikel varji li għandna f’pajjiżna. 

Lil hinn mill-ekonomija, is-sajd huwa element intrinsiku tal-identità u l-kultura ta’ pajjiżna. Sew fil-lokalitajiet fejn jgħixu, kif ukoll minn aspett nazzjonali, ma nistgħux ma ninnutawx l-għarfien u l-ħsieb li jgħaddi minn ġenerazzjoni ta’ sajjieda lil dawk ta’ warajh. Permezz ta’ skemi bħall-Young Fishers Scheme, din ir-rabta storika inkomplu nżewquha, u nippreservawha għal uliedna u għal ulied uliedna. 

Dan it-tagħrif kulturali, kif ukoll il-ħsieb fi ħdan il-komunitajiet tagħna, għandu rwol importanti fil-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Kif jgħid il-Malti, kliem ix-xiħ żomm fih.  

Meta nippreservaw il-wirt storiku u t-tagħrif sostenibbli li jiġi minnu, nassiguraw sorsi ta’ ikel iktar reżiljenti u diversi. Fl-istess ħin, dan it-tagħrif lokali jgħin sabiex nassiguraw sostennibbiltà fis-settur tas-sajd, u b’hekk jissaħħaħ soċjalment u ekonomikament.   

Settur tas-sajd b’saħħtu, ifisser pajjiż b’sigurtà tal-ikel reżiljenti, b’niċeċ ekonomiċi sostenibbli li jipproteġu l-identità u l-kultura ta’ pajjiżna. Kieku ma kinitx għall-għajnuna mistħoqqa u f’waqtha li nieda dan il-Gvern, dan is-settur kien jieħu daqqa sinifikanti. Il-konsegwenzi ta’ dan kienu jħallu effett negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna. 

Minflok qgħadna lura, konna għaqlin u pprevenejna dan ix-xenarju negattiv. Bil-passi li ħadna, assigurajna provvista ta’ ikel aċċessibbli, affordabbli u b’saħħitha. Fix-xhur u s-snin li ġejjin, se nkomplu naħdmu flimkien biex nilħqu tragwardi ikbar, għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

More in Politika