Editorjal | Il-profitti kbar tal-banek Maltin

L-aħbar li bank li jopera f’Malta kiseb rekord profitt, tħassibna mhux ħażin... Kien ikun ferm aħjar li kieku l-banek offrew skemi li setgħu jgħinu negozji żgħar u anke min ikun qed jibda fid-dinja

Karikatura ta' Mikiel Galea
Karikatura ta' Mikiel Galea

L-aħbar li bank li jopera f’Malta kiseb rekord profitt u kif ukoll fuq skala mondjali profitt ta’ kważi 3.5 biljun, tħassibna mhux ħażin. Qed nitkellmu hawn għall-bank HSBC. 

Il-bank fih innifsu negozju, fuq dik m’hemmx argumenti. Imma ma jfissirx li ma jistax ikun li nikkummentaw fuq il-profitti esaġerati li ħarġu f’dawn l-aħħar erbat ijiem. 

Wisq aktar fuq profitti li seħħew wara li ttieħdu (u mhux Malta biss) miżuri, biex jingħalqu fergħat tal-bank, jitnaqqsu l-impjegati, jitnaqqsu s-servizzi li kellhom rwol soċjali u fuq kollox jiżdiedu t-tariffi tas-servizzi tal-bank b’mod xokkanti. 

Pajjiżi fil-Punent jaċċettaw dawn l-affarijiet bħallikieku dawn huma ħwejjeġ normali, imma minn perspettiva soċjali u anke ta’ negozju, il-banek għandhom jiġu mrażżna milli jagħmlu profitti esaġerati. 

Ikun hemm min, bħal pereżempju l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, jargumenta bl-istil ħelu tiegħu li fuq il-profitti jitħallsu t-taxxi ... imma aħna ma tantx aħna impressjonati bil-mod kif jintefqu l-flus miġbura mill-gvern mit-taxxi. 

Kien ikun ferm aħjar li kieku l-banek offrew skemi li setgħu jgħinu negozji żgħar u anke min ikun qed jibda fid-dinja. 

Fi żmien ieħor, politiċi ta’ rieda tajba kienu jikkunsidraw u jimplimentaw miżuri biex jiġbru aktar taxxa mill-banek. Kien hemm min għamel windfall tax, taxxa straordinarja li mbagħad il-flus miġbura kienu jmorru għal skop partikolari. Bħal pereżempju sptar għat-tfal. 

Dan il-pajjiż, minkejja s-suċċessi ekonomiċi tiegħu, għandu bżonn il-biljuni biex jinvesti f’ħajja aħjar: trasport pubbliku modern, sistema ta’ metro, aktar saħħa b’xejn fuq kull livell, edukazzjoni għal kull rokna u settur, investiment fl-affarijiet diġitali, u inċentivi biex aktar jaħdmu fil-privat u mhux fis-settur pubbliku. 

Għall-banek, dan kollu mhux prijorità. Il-prijorità tal-banek huma l-azzjonisti li huma mejta għall-aktar ishma li jrendu. 

Gvern li jippretendiha ta’ Soċjo-Demokratiku għandu jara kif il-banek iservu funzjoni mhux biss ta’ profitt imma ta’ katalisti għall-ekonomija u għall-familji Maltin. 

 Il-fatt li llum kull min irid jinvesti fi proġett idur għall-bonds huwa sinjal ċar ta’ kif il-banek mhux qed joffru self kompetittiv jew inkella lesti biex jappoġġjaw proġetti ta’ negozju kuraġġjużi u innovattivi. 

Illum l-HSBC kburin bihom infushom li għamlu profitti kbar, imma trid issir il-mistoqsija: “l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku qed jagħmluh?” 

Ir-risposta hija waħda ċara u skjetta: LE. U t-tort ta’ dan ta’ min hu? Tal-Gvern! 

More in Politika