Editorjal | Il-ksuħat ta’ eks politiku li jrid jagħmel ħsara lill-Partit Laburista

Muscat huwa persuna li jaħseb u jemmen li kulħadd għandu jirrispettah. U filwaqt li ħadd ma jista’ jċaħħdu mill-kisbiet tiegħu, il-messaġġ għandu jkun li postu llum mhux fil-politika u ċertament mhux ma’ partit serju. 

Il-wasla tal-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat f’Maserati (karozza lussuża) għal intervista fuq l-istazzjon F Living kixfet għal darb’oħra l-karattru ta’ bniedem li ċertament irid jibgħat il-messaġġ li hu cowboy u ħadd ma jista’ jmissu. Mossa ta’ eks politiku ardit u kiesaħ. 

Flimkien ma’ martu Michelle, li l-ġimgħa l-oħra anke waslet biex titfa’ botta lil Chris Fearne – li kien l-aktar voċiferu fil-konfront tagħhom fl-2019 (kienet qed titkellem waqt konferenza fuq il-mard rari) –  il-koppja Muscat tkompli tkun forza politika.  

Forza li bil-preżenza tagħha tista’ biss titfa’ l-Gvern ta’ Abela lura u mhux ’il quddiem. Forza mhux pożittiva għax ħafna mill-enerġija tagħha hija xprunata biex tpinġi lilha nnifisha bħala koppja politika idonea. 

L-eks politiku li kien Prim Ministru Laburista, kellu jirriżenja minħabba r-rabtiet li kellu direttament u indirettament ma’ persuni allegatament implikati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan ma kienx każ normali. Caruana Galizia, bin-nuqqasijiet kollha tagħha u bil-kitbiet krudili tagħha, kienet ukoll importanti biex tinkixef il-korruzzjoni fil-kurituri ta’ Kastilja. 

Ċertament, dakinhar u llum ħadd ma seta’ jifhem kif Joseph Muscat ma ħax il-passi meħtieġa biex iwaqqaf l-aġir ta’ ċerti nies.    

Mistoqsija li wasslet biex ħafna nies li kienu ħaġa waħda miegħu jitilfu l-fiduċju fih bħala persuna u politiku. Il-messaġġ tiegħu kien ċar li kien qed jikkunsidra li jippreżenta lilu nnifsu bħala kandidat fil-Parlament Ewropew.  

Fi ftit kliem mhux jaħsibha imma jara x’se jiġri fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin u mbagħad jara. Li huwa ċert hu li Muscat huwa inkwetat fuq l-eżitu tal-inkjesta Maġisterjali. 

Liema inkjesta hija determinanti fuq jekk jittiħdux passi kriminali fil-konfront tiegħu. 

Jagħmilha ta’ wieħed li ma jimpurtahx u ma jinkwetax, imma dan mhux il-każ. Muscat jinkwieta u jimpurtah. Għax 1) il-każ kriminali jista’ jkun serju; u 2) każ bħal dan ikollu effett fuq il-gelgul ta’ konsulenzi li għandu lokalment u fuq livell internazzjonali. 

U raġuni ferm akbar għalfejn il-Labour, u fuq kollox il-Prim Ministru, m’għandux jaċċetta li l-kandidatura tiegħu tiġi aċċettata. 

Muscat huwa persuna li jaħseb u jemmen li kulħadd għandu jirrispettah. U filwaqt li ħadd ma jista’ jċaħħdu mill-kisbiet tiegħu, il-messaġġ għandu jkun li postu llum mhux fil-politika u ċertament mhux ma’ partit serju. 

Ir-raġuni għaliex qed ngħidu dan hi li aħna biss bħala ġurnal nistgħu u liberi biex nitkellmu hekk. Il-gazzetti l-oħra mhumiex interessati jaraw Partit Laburista li jkun serju u jibqa’ jagħmel suċċessi, u l-media tal-PL hija mxekkla li tikteb dak li taħseb jew dak li tixtieq tesprimi. 

Muscat s’issa uża l-mezzi tal-media mhux tal-partit. Bħalma nduna kulħadd, il-vuċi tiegħu s’issa mhux qed tinstema’ fuq il-One jew fuq xi media tal-PL. Hekk kif il-vuċi tiegħu tibda tirbombja fuq dawn il-mezzi, mela nistgħu ngħidu li jkun rebaħ fuq il-Partit Laburista u fuq it-tmexxija ta’ dan il-Partit. 

More in Politika