Ir-risposta għal dak li għandna bżonn qiegħda quddiemna, iżda m’aħniex nitkellmu dwarha

L-isfida għalina bħala Oppożizzjoni hi li rridu nikkonvinċu lill-poplu Malti li aħna għandna din il-viżjoni u li l-mira tagħna hi li nerġgħu ndaħħlu sens ta’ direzzjoni, sens ta’ ċertezza u viżjoni, u sens li magħna se jkollok is-serħan tal-moħħ li hawn bżonn f’pajjiżna

Jiġu mumenti f’ħajtek fejn tħares lura u tgħid: “ara kemm inbidlu ż-żminijiet” – u tibda tirrealizza kemm konna ngħixu ħajja differenti. U allaħares le – għaliex iż-żminijiet jinbidlu u l-ħajja għandha tibqa’ miexja ’l quddiem. Għall-inqas ngħid għalija li għandi 30 sena, ukoll inħoss li tfuliti kienet differenti ħafna minn dak li jgħixu t-tfal tal-lum għax Malta nbidlet. 

Li wisq nibża’ li ġara però li matul iż-żmien, pajjiżna introduċa kultura u motivazzjoni li xtaq isir bħal pajjiżi akbar minnha, u nfittxu li nispiraw ruħna minn pajjiżi bħall-Istati Uniti jew ir-Renju Unit – u dejjem infittxu li nagħmlu jew insiru bħalhom. 

Niftakar l-aktar li qam dan id-dibattitu kien meta tqajmet diskussjoni dwar li nsiru “kożmopolitani”, għax ridna nsiru bħal kif jgħixu barra. Imma f’dak id-dibattitu nsejna ninkludu u niddiskutu l-aktar ħaġa importanti: xi tfisser li tgħix f’Malta. Insejna l-karattru ta’ pajjiżna u nemmen li armejna x’jagħmilna speċjali. Tant qlibna l-ħajja Maltija minn ħajja ta’ gżira, jew aħjar bl-Ingliż “island life”, għal waħda mgħaġġla li llum hawn realtà ta’ frustrazzjoni u nervi akbar li tiltaqa’ magħhom fit-traffiku, fuq ix-xogħol, tisma’ bihom b’xi kummiedja li tara fuq il-mezzi soċjali jew anke fuq l-aħbarijiet. Dawn huma kollha effetti ta’ kif fi ftit snin biddilna d-definizzjoni ta’ xi tfisser li tgħix f’Malta. 

Dawn il-ħsibijiet ilhom f’moħħi, però l-aktar li rrealizzajthom meta dan is-sajf sifirt għal ftit jiem fuq btala, u rġajt ftakart xi tfisser gżira fil-Mediterran – għalkemm suppost jien ngħix fuq waħda! Tant kemm sar għandna ħajja mgħaġġla, toroq imweħħlin, nies irrabjati u oħrajn mbeżżgħa, frustrazzjoni u żieda fi problemi ta’ saħħa mentali, u dalma bil-bini madwarna, li xi kultant tinsa li Malta hi gżira. 

Qiegħed naqsam dawn il-ħsibijiet mhux għax b’xi mod qtajt qalbi jew inkella Malta saret iddejjaqni – imma nemmen li bħala politiċi, l-ewwel pass li rridu nieħdu qabel ma ngħaddu biex insolvu l-problema hi li rridu nammettu u nifhmu li għandna sfida li rridu negħlbu u nirbħu. Irridu fid-deċiżjonijiet tagħna, anke aħna mill-Oppożizzjoni, inżommu quddiem għajnejna xi tfisser Malta, u nieħdu deċiżjonijiet biex nerġgħu noħorġu s-sabiħ ta’ li tgħix f’pajjiżna. 

Kemm il-Gvern u kemm l-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ din is-sena biddlu l-irwoli tad-deputati tagħhom, u jien nittama li dan se jagħti enerġija ġdida liż-żewġ naħat f’nofs din il-leġiżlatura. Min-naħa tagħna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għoġbu jafdani bl-irwol ta’ Shadow Minister għall-Intern, Sigurtà u Riformi – u b’din ir-responsabbiltà ġdida nifhem li anke jien għandi rwol x’nagħmel biex nerġgħu niksbu s-serħan tal-moħħ f’pajjiżna. B’mod speċjali fuq is-sigurtà, bħala Oppożizzjoni se nkunu qegħdin naħdmu għal Malta aktar sigura, għal Malta li tkun ġusta u tgħin fir-riformi tal-persuna, u għal Malta li tħares kif se ntejbu l-kundizzjonijiet u r-riżorsi ta’ dawk kollha li jaħdmu biex iżommu l-ordni f’pajjiżna. 

Hawn ħafna realtajiet differenti f’pajjiżna, b’ħafna jixtiequ jaraw bidla għalihom u għal uliedhom, biex ikun hawn sigurtà f’darhom u fit-toroq, u jridu sistema ta’ infurzar li taħdem u teduka lis-soċjetà tagħna. Jinħass ukoll il-bżonn li n-nies xebgħu mid-diskorsi u wegħdi sbieħ tal-politiċi, iżda jridu azzjoni u deċiżjonijiet ċari b’viżjoni ta’ fejn sejrin. L-isfida għalina bħala Oppożizzjoni hi li rridu nikkonvinċu lill-poplu Malti li aħna għandna din il-viżjoni u li l-mira tagħna hi li nerġgħu ndaħħlu sens ta’ direzzjoni, sens ta’ ċertezza u viżjoni, u sens li magħna se jkollok is-serħan tal-moħħ li hawn bżonn f’pajjiżna. 

Għalhekk, il-mistoqsija m’għandhiex tkun jekk Malta mxietx ’il quddiem jew marritx lura matul iż-żmien, għax allaħares imxiet lura! Il-mistoqsija għandha tkun jekk stajniex konna qed ngħixu ħajja aħjar u jekk intilfux opportunitajiet jew ittiħdux deċiżjonijiet li żammew lil Malta milli timxi ’il quddiem. Jien nemmen li seta’ jsir aktar li kieku ċerti deċiżjonijiet ittieħdu billi nħarsu fit-tul, u mhux fil-viċin biss. Nemmen li kieku llum qegħdin ngħixu ħajja aħjar u l-poplu qiegħed igawdi aktar minn dak li għandna bżonn: is-serħan tal-moħħ. 

More in Politika