Muscat m’għandux jiġi aċċettat kandidat f’isem il-Partit Laburista

Robert Abela bħala mexxej tal-PL għandu jirrifjuta l-kandidatura ta’ Muscat. L-uniku skop ta’ Muscat huwa biex jagħmel eżatt bħal Trump u Berlusconi, u juża s-siġġu tal-poter biex jostakola kull sforz legali kontrih

Il-voti mhux kollox u l-Partit Laburista għandu jkollu l-kuraġġ li ma jaċċettax lil Muscat fuq il-bażi u l-argument sempliċi li taħtu seħħew avvenimenti li hu naqas milli jieħu azzjoni jew inkella seta’ evita xi episodji.   

  1. Is-sehem ta’ nies viċin tiegħu fil-ftuħ ta’ kontijiet bankarji fil-Panama fl-istess żmien li kien hemm arranġamenti mal-Vitals u l-arranġamenti fix-xiri ta’ gass. 

  1. Il-ftehim mal-Vitals u ma’ grupp ta’ frodisti li ma kellhomx għaxja ta’ lejla. 

  1. L-arranġament mas-SOCAR, immexxija minn negozjanti Azerbajġani. 

  1. Il-mod kif Muscat kien ċentrali biex l-allegazzjoni li l-qattiela ta’ Caruana Galizia kienu l-persuni involuti fix-xiri illegali ta’ żejt. 

  1. Il-mod kif ipproteġa nies madwaru meta kien jaf li l-pożizzjoni tagħhom ma kinitx tenibbli. 

Dan kollu wassal biex Muscat jirriżenja u wara li rriżenja spiċċa ngħata uffiċċju lussuż u armat biex ikompli jagħmel xogħol ta’ natura finanzjarja, ironikament b’konnessjoni ma’ individwi u kumpanija jew azjendi li kellu x’jaqsam magħhom meta kien Prim Ministru. L-iskop ta’ dan l-editorjal mhuwiex biex nelenkaw il-ġid li għamel Muscat. Il-ġid li għamel huwa irrelevanti għall-iskop ta’ dan l-editorjal. 

Robert Abela bħala mexxej tal-PL għandu jirrifjuta l-kandidatura ta’ Muscat. L-uniku skop ta’ Muscat huwa biex jagħmel eżatt bħal Trump u Berlusconi, u juża s-siġġu tal-poter biex jostakola kull sforz legali kontrih. Abela, min-naħa l-oħra, irid li jirbaħ lura kull vot Laburist li hemm. Imma jaf, jew jekk ma jafx għandu jkun jaf, li b’din il-mossa, il-pożizzjoni tiegħu se tiddgħajjef u wisq aktar il-moderati u l-indipendenti se jiskartaw il-PL. 

Huwa ċert ukoll li jista’ jkun li l-PL imur ftit aħjar minn previst fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, imma jekk il-PN ma jmurx tajjeb ikun mistenni li jseħħu passi serji biex Bernard Grech jitneħħa mit-tmexxija tal-partit u tintgħażel persuna li tista’ trebbaħ l-elezzjoni ġenerali. 

Id-deskrizzjoni ta’ Muscat f’każ li jitla’ u jikseb siġġu parlamentari f’isem Malta jaf tkun hekk: “Kien kapaċi jrebbaħ żewġ elezzjonijiet b’marġini konsiderevoli għall-Partit Laburista, idaħħal riformi soċjali kbar u jistinka biex idaħħal ideoloġija Neo-Liberalista minflok dik soċjalista. Iżda dan kollu sfaxxa wara li nkixef l-irbit irrifjutabbli li kellu ma’ nies involuti f’korruzzjoni, kif ukoll fil-qtil ta’ blogger magħrufa.” 

More in Politika