L-għajta tal-poplu

Din is-sena kienet bla dubju kkaratterizzata minn protesti; Il-pajjiż għaddej bl-autopilot fejn in-nies qed jippruvaw jissieltu mal-ħajja f’pajjiż bla direzzjoni, bla ordni, u bla ebda forma ta’ protezzjoni lejn vittmi u nies debboli

Din is-sena kienet bla dubju kkaratterizzata minn protesti bi tnejn minnhom jisbqu fuq kollha: Xebbajtuna organizzata minn NGOs ambjentalisti u dik ta’ Isabelle Bonnici biex issir inkjesta pubblika. Fi żmien fejn ħafna jħossu li qed jiġġieldu kontra l-imtieħen tar-riħ bħal xi Don Kixott, l-abbuż tal-ispekulaturi u l-imħabba tal-omm irnexxielhom jgħaqqdu eluf ta’ Maltin biex juru l-għadab tagħhom u biex issir ġustizzja. 

F’pajjiż fejn ħafna jibżgħu jitkellmu u kulħadd jaf lil kulħadd, il-biża’ jirrenja u li jkollok il-kuraġġ li titkellem f’pajjiż suppost demokratiku saret sfida. Jippruvaw jagħlqulek ħalqek b’kull mod u jiskreditawk jgħidulek negattiva bħallikieku xi ħaġa ħażina meta kulma tkun qed tagħmel hu li turi l-fatti u s-sitwazzjonijiet mhux dejjem sbieħ tal-pajjiż.  

Il-feel good factor imponut kważi xi dogma fuq in-nies ilu li mar. L-aqwa żmien sparixxa fi sħaba sewda ta’ korruzzjoni, dejn u tkissir tal-istituzzjonijiet. Il-pajjiż għaddej bl-autopilot fejn in-nies qed jippruvaw jissieltu mal-ħajja f’pajjiż bla direzzjoni, bla ordni, u bla ebda forma ta’ protezzjoni lejn vittmi u nies debboli. Għal kull dritt irridu ninżlu fit-toroq ngħollu leħinna għax tant il-Gvern hu qrib tan-nies li jridu jgħajtu u jipprotestaw biex forsi jinstemgħu. Tant għandna Gvern qiegħed ġo torri tal-avorju li anke l-bżonnijiet ta’ kuljum qed ipenġuhomlna bħala rigal li rridu nissieltu għalih. 

Kien hemm għalfejn omm Jean Paul tgħaddi minn dak il-kalvarju għal inkjesta pubblika? Kien hemm bżonn il-Mosta kollha u mhux biss toħroġ fit-toroq biex il-ftit siġar tal-pjazza ma jsirx massakru minnhom? Hawn f’Buġibba wkoll kellna nheddu li noħorġu n-nies fit-triq biex il-ftit siġriet li għandna nsalvawhom? Iridu jkunu l-Bird life, il-Graffitti, Repubblika u s-Soċjetà Ċivili biex juru l-ovvju lill-Gvern? Ma jafx x’għandu bżonn il-pajjiż? Ma jafx il-polz tan-nies fejn iħabbat? 

Bi Gvern medhi x’jista’ jakkwista sakemm qiegħed fil-poter qed jinsa kompletament li dak il-poter tahulu permezz tal-vot. L-isfidi għas-sena d-dieħla bl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew se jkunu test għat-tmexxija ta’ Abela kkaratterizzata minn aktar skandli, apatija minn min suppost iżomm l-ordni u l-użu tal-formola maġika taċ-ċekkijiet meta jkun hemm mporta u nies igergru. 

L-għajta tal-poplu hija ċara: in-nies għandha għal qalbha l-ambjent. M’għadhiex xi ħaġa ristretta għal numru zġħir ta’ nies iżda saret emerġenza nazzjonali u l-ambjent sar fl-aħħar prijorità. F’pajjiż b’1% ta’ ħdura, in-nies fl-aħħar indunaw li n-natura hija importanti. Bi sjuf dejjem aktar xotti u sħan, u bi xtiewi xotti mix-xita, li nieħdu ħsieb l-ambjent sar dmir ċiviku importanti. U dan il-Gvern qed jistenbaħ bil-mod bejn protesta u oħra.  

Il-korruzzjoni, l-għoli tal-ħajja u t-traffiku se jibqgħu magħna s-sena d-dieħla u se jibqgħu r-raġunijiet il-għala n-nies se tinżel fit-triq tipprotesta. Sakemm il-Gvern jibqa’ trux, aħna nkomplu ngħajtu fit-toroq. 

More in Politika