Id-demokrazija għandha l-għedewwa u teħtieġ il-protezzjoni

Minn Věra Jourová, Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, u Dubravka Šuica, Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija 

L-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija timmarka pass kritiku fis-salvagwardja tal-valuri fundamentali tal-Unjoni tagħna: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali. L-interferenza Russa, l-attakki ċibernetiċi, is-software ta’ spjunaġġ intrużiv u l-pressjoni fuq il-media u s-soċjetà ċivili huma biss eżempji ta’ attakki fuq elementi tad-demokraziji tagħna.   

Is-sena d-dieħla se jmorru jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej aktar minn 400 miljun Ewropew. L-Unjoni Ewropea ħolqot spazju demokratiku rikk u mingħajr preċedent, li jgħaqqad il-lingwi, il-fruntieri, il-kulturi u l-istorja. 

Iċ-ċittadini tagħna jgawdu l-libertà li jesprimu fehmiet differenti, jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, isemmgħu leħinhom fit-tfassil tal-politika, u jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom. Din il-libertà prezzjuża hija s-sodisfazzjon u r-responsabbiltà tagħna, b’mod partikolari fid-dawl ta’ theddid estern maħsub biex idgħajjef dawn il-proċessi demokratiċi. Għandna d-dmir morali u politiku u r-responsabbiltà li nrawmu, nipproteġu u niżguraw dak li bnejna. 

Il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija jwieġeb għal ħtieġa kritika fl-Unjoni Ewropea tal-lum. Stħarriġ reċenti juri li 81% taċ-ċittadini tal-UE jirrikonoxxu l-interferenza barranija fis-sistemi demokratiċi tagħna bħala kwistjoni serja li teħtieġ azzjoni. Ir-rispons tagħna jinqasam fi tlieta: it-tisħiħ tat-trasparenza, l-iżgurar tal-integrità tal-proċessi elettorali tagħna, u t-trawwim ta’ spazju ċiviku abilitanti. 

L-ewwel nett, qed nipproponu liġi ġdida li titfa’ dawl fuq l-influwenza barranija moħbija permezz tal-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ trasparenza. In-nies għandhom id-dritt li jkunu jafu jekk gvern barrani hux qed jiffinanzja attivitajiet fl-UE li jippruvaw jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika u d-dibattitu demokratiku. Naturalment, aħna nibqgħu kburin bit-trasparenza tal-UE u l-libertà tal-kelma tagħha, anke minn gvernijiet barranin u dan mhux se jieqaf. Irridu sempliċement nidentifikaw l-influwenza fit-tfassil tal-politika tagħna u nnaqqsu l-possibilitajiet għal finanzjament moħbi f’isem gvernijiet ostili ta’ pajjiżi terzi.  

It-tieni, qed insaħħu l-proċessi elettorali tagħna. L-opportunitajiet biex jintużaw pjattaformi online għat-tixrid tad-diżinformazzjoni jew għat-tentattivi ta’ manipulazzjoni tal-pubbliku qatt ma kienu akbar. Il-pakkett għandu l-għan li jippromovi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u jissalvagwardjahom kontra l-attakki ċibernetiċi u l-isforzi ta’ manipulazzjoni. Ir-rivoluzzjoni diġitali ġabet il-politika eqreb lejn il-votanti, iżda ħolqot ukoll riskji. Neħtieġu skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, aktar sforzi mill-pjattaformi tal-informazzjoni, kompetenza diġitali mtejba u assigurazzjonijiet li l-għodod ta’ sorveljanza ma jintużawx biex jinterferixxu mad-dibattitu demokratiku jew jintużaw biex jattakkaw l-atturi politiċi u l-ġurnalisti.  

Fl-aħħar nett, il-pakkett jippromovi u jipproteġi spazju ċiviku attiv. L-aqwa alleati tad-demokrazija huma ċ-ċittadini. Għalhekk huwa essenzjali li nibnu reżiljenza demokratika – kemm għat-theddid intern, kif ukoll għal dak estern – u fil-ġenerazzjonijiet kollha, inklużi l-iżgħar fosthom. Dan il-pakkett jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu ruħhom b’mod aktar effettiv fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika, u b’hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika minn ġewwa. Din l-inizjattiva tibni fuq l-investimenti li diġà saru u l-perkorsi għall-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini miftuħa mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u li tkompliet mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej.  

L-inizjattivi l-ġodda tagħna għandhom l-għan li jiżguraw li ċ-ċittadin jista’ jkollu fiduċja fil-proċess elettorali u fir-riżultati! Sistema demokratika funzjonali mhijiex awtomatika. Din teħtieġ trawwim ta’ kuljum minna lkoll. Il-pakkett tal-lum huwa xhieda tal-approċċ proattiv tal-UE għad-difiża tal-proċess demokratiku, filwaqt li jiżgura li l-Unjoni Ewropea tibqa’ sors ta’ ispirazzjoni għad-demokrazija, it-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini. 

More in Politika