Clayton Bartolo | Proġett nazzjonali dwar l-indafa

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ sitt entitajiet pubbliċi oħrajn se jimbarkaw fuq pjan ta’ ħidma li jindirizza neċessitajiet bażiċi f’żoni residenzjali ta’ pajjiżna

Nedejna proġett nazzjonali bit-tema “Inżommu Nadif Flimkien” li permezz tiegħu d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ sitt entitajiet pubbliċi oħrajn: Public Works Department, Tourism Zones Regeneration Agency, Infrastructure Malta, Transport Malta, Water Services Corporation u l-Enemalta, se jimbarkaw fuq pjan ta’ ħidma li jindirizza neċessitajiet bażiċi f’żoni residenzjali ta’ pajjiżna.  

Dawn jinkludu manutenzjoni ta’ tappieri tal-ilma, bdil ta’ bozoz li jaqgħu taħt l-Enemalta, tibdil ta’ tabelli tat-toroq, manutenzjoni ta’ pavimentar u għamara tat-toroq, żebgħa tal-linji tat-toroq, żebgħa tal-għamara tat-toroq, knis u qtugħ ta’ ħaxix salvaġġ, tindif ta’ culverts, ħasil tat-toroq fost oħrajn. 

Għalkemm qed isir sforz u ħidma kbira fejn jidħol tindif, xorta l-problema tal-indafa pubblika tibqa’ waħda ta’ sfida. Fis-sena li għaddiet inġabru madwar 18,915 tunnellata ta’ skart. Minn Jannar sa Settembru 2023, inġabru madwar 17,000 tunnellata ta’ skart, li jindika li se jkun rekord ta’ ġbir ta’ skart. F’dan il-perjodu, id-Diviżjoni rċiviet mas-16,347 ilment, li minnhom ġew solvuti 95.11%, li jikkonċernaw xogħol tal-Gvern Ċentrali kif ukoll Kunsilli Lokali, filwaqt li 4.89% l-oħra kienu jaqgħu taħt il-privat jew entitajiet oħrajn. Dawn l-ilmenti jiġu pproċessati mill-Customer Care Unit fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni li titħaddem fuq sistema ta’ 24x7 mit-Tnejn sal-Ħadd.  

Matul ix-xhur tas-sajf, id-Diviżjoni żżid il-frekwenza tat-tindif fuq il-bajjiet aktar mis-soltu.  Fil-fatt, il-bajjiet, speċjalment dawk li huma viċin żoni turistiċi, jitnaddfu kmieni filgħodu, waranofsinhar u filgħaxija. Fuq bajjiet ramlin qed jintuzaw sand sifters sabiex jgħarblu r-ramel u jneħħu l-iskart irqiq u loqom tas-sigaretti mir-ramel. Dan huwa proċess importanti, speċjalment għal bajjiet bl-istatus ta’ Blue Flag. Qed isir tindif ukoll fuq promenades u żoni turistiċi permezz ta’ Electric Pedestrian Sweepers. 

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ħadet ħsieb li tbiddel il-kontenituri tal-iskart kollha madwar promenades l-aktar li huma turistiċi u li kellhom il-bżonn. Bħalma jiġri kull sena, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija inkarigata mill-għamara tal-baħar. Għalhekk fil-bidu tas-sajf ħadet ħsieb li twaħħal l-għamara tal-baħar fuq ix-xtut biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-bajjiet b’mod aktar sigur. F’Ottubru bdew jinqalgħu dawn l-istess għamajjar tal-baħar, fosthom slielem tal-baħar, railings u twapet tal-baħar, sabiex ikun jista’ jsirilhom il-manutenzjoni li jkollhom bzonn. Fil-bidu tas-sajf ukoll, id-Diviżjoni ħadet ħsieb li tneħħi l-alka minn fuq bajjiet ramlin. Il-maġġoranza ta’ din l-alka tingħata lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jużawha bħala fertilizzant. 

Dan il-proġett nazzjonali jinvolvi wkoll kampanja edukattiva u soċjali mal-Gżejjer Maltin permezz tal-karattru “Xummiemu” biex tissaħħaħ l-importanza tal-indafa pubblika mas-soċjetà Maltija u Għawdxija.  

Il-proġett se jimmarka investiment rekord ta’ €5.2 miljun f’apparat teknoloġiku u ambjentali bi ħsieb li jtejjeb bil-kbir l-effiċjenza u r-rapidità fix-xogħlijiet li jsiru minn Clean Malta. Iva, huwa importanti li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tkompli tinvesti fir-riżorsi tagħha.  

Dan ser isir billi jinxtraw 4 Fully Electric City Sweepers u 8 Fully Electric Compact Sweeper, li se jkunu qed jintużaw fit-toroq Maltin biex jikinsu b’mod mekkanizzat, anke f’toroq jew postijiet li jkunu dojoq. Se naraw li jkollna wkoll 23 Electric Pedestrian Sweepers li huma ta’ benefiċċju kbir għall-promenades u ż-żoni turistiċi.  

Se jinxtraw 15-il Fully Electric Scrubber Robots u 5 Fully Electric Sweeper Robots, li se jkunu l-ewwel tax-xorti tagħhom f’Malta. Dawn l-iscrubbers u sweepers se jintużaw fuq promenades u żoni turistiċi fejn dawn ir-robots jistgħu jiġu pprogrammati rotot bil-kapaċità li jaħdmu waħedhom. Riċentement, inxtraw 3 Electric Vacuum Leaf Collectors. Dan huwa makkinarju li huwa bjonjuż f’dawk it-toroq li l-aktar li jwaqqgħu weraq tas-siġar. 

L-indafa pubblika hija ta’ prijorità għal pajjiżna, kemm għal Maltin kif ukoll għat-turisti. Għaldaqstant, dawn ix-xogħlijiet u investimenti kollha qed isiru sabiex inkomplu nimxu ’l quddiem u ntejbu s-servizz u kwalità ta’ tindif f’pajjiżna. 

L-ewwel ma tiekol l-għajn. Inutli, noħolmu li jkollna l-isbaħ lukandi, ħwienet, restoranti, bajjiet u xtut jekk ikollna pajjiż li huwa maħkum minn diżubbidjenza ta’ xi wħud. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jgħaqqad u jeduka. Filwaqt li l-edukazzjoni dwar dan is-suġġett ser tintensifika fix-xhur li ġejjin. Daqstant ieħor se naraw li jsir l-infurzar neċessarju għal min jiddeċiedi li jabbuża.  

Dan il-proġett qiegħed isir grazzi għas-sostenn kontinwu tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Anthony Gatt, id-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta Ramon Deguara, rappreżentanti tal-entitajiet pubbliċi msemmija u l-imsieħba soċjali.  

L-indafa u ż-żamma tal-komunità tagħna hija prijorità dejjiema għaliex pajjiż iżjed nadif u organizzat ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar u attraenti. Fuq kollox Malta isbaħ. Huwa għalhekk li dan il-proġett nazzjonali dwar l-indafa għandu jkun opportunità li permezz tiegħu nibagħtu messaġġ ċar li ż-żamma tal-indafa pubblika u l-manutenzjoni għandha tkun essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum. Kulħadd jista’ jkun ta’ eżempju. Għalhekk, ejja nżommu nadif flimkien.  

More in Politika