Editorjal| Il-każ tal-Mosta

Il-każ tal-Mosta huwa sintomu ta’ x’qed jiġri fil-pajjiż kollu. Toroq maqlugħin, krejnijiet kullimkien, toroq imblukkati, trab u skart, karozzi kullimkien, bini u kostruzzjoni u sentiment ta’ klawstrofobija

Il-każ tal-Mosta jtina ċ-ċans li niddiskutu u naraw ħafna aspetti u angoli differenti tal-ħajja soċjo-politika Maltija. 

Il-protesta tal-grupp Graffitti u ta’ nies oħra qajmet furur kbir u dan bir-raġun. 

Imma nemmnu li din il-protesta kienet xprunata minn: 

  1. rabja fuq il-mod ta’ kif qed jiġi mħares l-ambjent u s-siġra tal-Ficus mkażbra bla ħdura ġiet tissimbolizza l-ambjent degradat Malti.  

  1. il-Mostin kienu ilhom imdejqin u mdardrin bix-xogħlijiet fil-Pjazza tal-Mosta u t-triq prinċipali li kien beda u qatt ma jidher li kien ser jiġi konkluż. 

  1. l-attitudni xejn ħelwa tas-Sindku tal-Mosta. 

Ejjew niċċaraw xi punti importanti. 

Is-siġar tal-Ficus mhux postu f’żona Urbana. Jagħmlu ħsara kbira u huma inqas adattati minn siġar oħra. Ma jridux ħafna ilma, u għalhekk jiġu ppreferuti minn siġar oħra indiġeni; siġar li huma iżgħar u aktar addattati għall-urban u wisq aktar għall-pjazez – fejn ħafna drabi hemm veduti u visti sbieħ tal-arkitettura Maltija l-ġmiel tagħha. 

Jidher li kien hemm il-ħsieb li s-siġar jiġu mneħħija u flokhom ikun hemm siġar oħrajn. Imma ma kienx hemm komunikazzjoni ċara. Tidher li din hija problema endemika u ċentrali tal-Gvern lokali. 

In-nies ħafna drabi huma trattati ta’ bhejjem u fuq kollox qisu kollox jgħaddi. Il-każ tal-Mosta huwa sintomu ta’ x’qed jiġri fil-pajjiż kollu. Toroq maqlugħin, krejnijiet kullimkien, toroq imblukkati, trab u skart, karozzi kullimkien, bini u kostruzzjoni u sentiment ta’ klawstrofobija. 

Biex inżidu ma’ dan kollu, tmexxija fil-kunsilli lokali arroganti u bla rispett lejn il-komunità. Mhux il-Mosta biss qed jiġru dawn l-affarijiet. Malta kollha taħt assedju. 

Biex tgħaxxaq kollox, imbagħad hemm l-azzjoni tal-Pulizija li jarrestaw lil Andre Callus u li kompliet tħawwad il-borma; reazzjoni stupida ta’ uffiċjal tal-Pulizija li qajmet furur sħiħ. 

Huwa minnu li l-ebda deċiżjoni ma tkun direttament ġejja mill-Prim Ministru, minn xi Ministru jew inkella minn xi Kummissarju tal-Pulizija, imma jibqa’ l-fatt li r-responsabbiltà taqa’ fuqhom. Bħalma taqa’ fuq is-Sindku Chris Grech, perit bħala professjonist u elett f’isem il-Partit Laburista. 

Imma bid-differenza li fil-każ tiegħu postu mhux denju ta’ sindku. 

Irridu nuru aktar rispett lejn il-komunitajiet li mmexxu. 

Irridu nkunu aktar sensittivi għal kollox. 

More in Politika