Editorjal | Vitals il-ġerħa tal-Gvern Laburista

Il-fatt li Robert Abela xorta waħda jagħżel li jiddefendi l-ftehim billi jsemmi l-ftit li Steward għamlu f’pajjiżna minn dak li kien obbligat minnhom juri li huwa maqtugħ mir-realtà

Ħadd ma jista jifhem kif ħadd mill-kabinett ma ħaseb li dan kien ‘scam’ mill-bidu sa’ l-aħħar. L-imħuħ ta’ din l-iscam kienu Muscat u Schembri. Konrad Mizzi kien il-pastaż tagħhom li jieħu d-deċiżjonijiet.  

Dan il-ftehim miżgħud bil-qerq ma ta ebda valur lill-poplu Malti li ħallas għalih, u bbenefika biss lil dawk b’intenzjonijiet li jħaxxnu buthom. 

Ram Tumuluri u Mark Pawley, id-diretturi ta’ Vitals kienu fost dawk li bbenefikaw bil-kbir, hekk kif ħadu miljuni minn fondi pubbliċi u għadhom jgħixu ħajja ta’ lussu. 

Tlifna snin twal fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Wieħed jista’ jara dan f’Għawdex, hekk kif sena wara sena, l-Għawdxin għadhom bil-wegħda vojta ta’ sptar ġenerali ġdid.  

Il-fatt li Robert Abela xorta waħda jagħżel li jiddefendi l-ftehim billi jsemmi l-ftit li Steward għamlu f’pajjiżna minn dak li kien obbligat minnhom juri li huwa maqtugħ mir-realtà. 

Min-naħa l-oħra, l-iskuża ta’ Chris Fearne li elementi minn dan il-ftehim saru min-wara daru ma jfissirx li m’għandux għal xix iwieġeb. 

Għalfejn il-Gvern kellu jistenna lil Adrian Delia biex jiftaħ kawża? Huwa possibbli li l-Gvern Laburista ma kellux ħjiel ta’ dan il-qerq? U kif jista’ dan il-Gvern ma jistħix jibqa’ jsostni li kien hu li ġab l-isptarijiet lura minn Steward?  

Abela jeħtieġ jiskuża ruħu quddiem il-poplu Malti. Bħal kif kien għamel fl-2021 meta skuża ruħu f’isem l-istat għall-fallimenti li wasslu għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Abela għandu bżonn ibaxxi rasu u jitlob skuża għall-wieħed mill-akbar skandli li ra pajjiżna fl-aħħar snin. 

Id-diskors tiegħu fil-Parlament wera li ma kellu l-ebda rimors. Anke f’kummenti li ta lill-ġurnalisti donnu jrid jagħti l-impressjoni li dan l-iskandlu waqa’ mis-sema u ħadd m’hu risponsabbli. U anke wara dan kollu Abela jibża’ jikkkundanna u anke jsemmih b’ismu lil Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu li ħadem dan il-ftehim. 

Issa l-pass li jmiss f’din is-saga hija l-inkjesta tal-Maġistrat li qed tinvestiga jekk kienx hemm kompliċità kriminali min-naħa ta’ rjus kbar fil-Gvern ta’ Muscat, bħal Chris Cardona, Konrad Mizzi, u Muscat innifsu. 

L-inkjesta tal-Maġistrat ser toħloq irwiefen kbar fil-Gvern, fil-Partit Laburista u anke fil-pajjiż, u r-reazzjoni ta’ Robert Abela għal dan se tiddetermina kollox. 

More in Politika