Sfidi kbar quddiemhom

Fl-isfond tal-pubblikazzjoni tal-istħarriġ politiku tal-Malta Today, is-sondaġġi preċedenti qed juru li l-votant Laburist qed jgħid li ma jridx jivvota u għalhekk dan l-istħarriġ xorta waħda qed jagħti vantaġġ lil Prim Ministru Robert Abela bħala fiduċja b’kuntrast mal-kap tal-PN Bernard Grech

Illum fil-gazzetta oħt MaltaToday qed jiġi ippubblikat stħarriġ politiku. Serje ta’ sondaġġi li bdew minn 2002.
L-ewwel sondaġġ wara tlett xhur fl-Lulju ta’ din is-sena wara l-protesta nazzjonali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-qtugħ tad-dawl u ilma, l-kriżi tal-ġbir ta’ skart, il-kwistjoni tal-liċenzjar tas-sewqan, il-karba ambjentali u t-togħma ħażina fil-kamp politiku.  
Dakinhar meta fis-sondaġġ diġa kien hemm indikazzjoni ċara li kien hemm eluf ta’ laburisti li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw għal partit tagħhom. 
Dan wassal biex għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin il-PN qabeż il-PL bħala partit li jista jiggverna.
Issa qed naraw li l-PN għat-tieni darba u bi ftit u in fila qed jaqbeż ftit il-Labour. Imma mhux għax kien hemm migrazzjoni kbira mill-Labour għall-PN, iżda għaliex il-votant Laburist qed jgħid li ma jridx jivvota.  
Huwa ċar ukoll li f’dan l-istħarriġ xorta waħda qed jagħti vantaġġ lil Prim Ministru Robert Abela bħala fiduċja b’kuntrast mal-kap tal-PN Bernard Grech.
Iżda dan kollu jista' jinbiddel jekk minflok Bernard Grech ikun hemm xi ħadd ieħor bħal per ezempju Roberta Metsola.
Ir-risposta għal ħafna mistoqsijiet dwar għalfejn ħafna laburisti ma jridux jivvutaw hija marbuta ma’ ħafna fatturi. Fuq kollox hemm l-impressjoni li dan hu gvern li ma jagħtix każ u li ma jafx jiddeċiedi.  
Imbgħad hemm il-fattur li ħafna laburisti li kien fiċ-ċentru ġew imwarrba.  
It-tielet li hemm ħafna deċiżjonijiet li urtaw in-nies.  
U r-raba li hemm rabja għal Partit Laburista minn Laburisti stess.
B’reazzjoni għal din ir-realta’ l-Gvern u l-partit Laburista għamel ftit li xejn.  Safrattant lanqas kien huwa kapaċi igħaddu messaġġ li qed jisimgħu l-karba tan-nies u l-weġgħat tagħhom.
Imbgħad meta kien hemm indikazzjoni li kien ġej reshuffle, tal-kabinett assistejna għall-iskandlu dwar il-liċenzji tas-sewqan.  Dan l-episodju sfratta mhux ħażin il-pjanijiet ta’ Robert Abela li jagħmel bidla fil-kabinett.
Is-sondaġġi mhumiex vanġelu imma jagħtu indikazzjoni ċara fejn ikun sejjer partit jew inkella politiku.  Jidher ċar li l-Partit Laburista jrid jara x’ser jagħmel.  U l-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li biex jirbaħ dawk il-votanti tan-nofs irid ibiddel min qed imexxi il-partit.
Li huwa ċar ħafna li jidher li ż-żewġ partiti għandhom sfidi kbar quddiemhom.

More in Politika