Editorjal | Bżonn maturità kbira mill-Gvern

Din hi r-realtà, jiġifieri li llum għandna ‘nanny state’ u għandna quddiemna poplu li huwa mdorri fil-ħela, fl-affarijiet b’xejn u fuq kollox b’għotjiet li huma bla loġika. Kollox qisu qiegħed għal dejjem

L-għoli tal-ħajja f’pajjiżna huwa inevitabbli bl-inflazzjoni u r-riċessjoni u fuq kollox meta hemm realtajiet globali li għandhom influwenza diretta fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Qed nitkellmu fuq l-era post-Covid u l-effett tal-gwerra fl-Ukrajna. Dawn ġabu magħhom terremoti kbar fil-mod kif issir l-ekonomija. 

Huwa ċar li t-tkabbir ekonomiku f’Malta fl-aħħar għaxar snin kien mgħaġġel u bla preċedent imma kien hemm ukoll ħafna miżuri mill-Gvern biex jingħataw servizzi u għotjiet b’xejn lill-poplu. Servizzi b’xejn u b’valur fiskali baxx – mingħajr l-iċken ħsieb għall-futur. Jew inkella l-impressjoni li l-bir m’għandux qiegħ. 

Il-gvernijiet Maltin fuq medda ta’ żmien – imma dan il-Gvern partikolarment – sabu li l-aħjar mod kif iżżommu lin-nies magħhom – u dan qed ngħidu f’termini elettorali – kien li żżoqqhom u tkompli tagħtihom kollox, jew bi prezz ridott, jew inkella litteralment b’xejn. 

Il-poplu Malti kellu togħma ħelwa tal-għasel għal żmien twil u kien nesa x’jiġifieri jduq il-qares.  

Din hi r-realtà, jiġifieri li llum għandna ‘nanny state’ u għandna quddiemna poplu li huwa mdorri fil-ħela, fl-affarijiet b’xejn u fuq kollox b’għotjiet li huma bla loġika. Kollox qisu qiegħed għal dejjem. 

Dan l-istat ta’ fatt wassal biex kull inizjattiva li tista’ tittieħed biex ikun hawn anqas ħela jew flejjes ħerġin mill-Istat hija kważi impossibbli minħabba l-biża’ kbira li n-nies iduru kontra l-Gvern tal-ġurnata u jikkalpestawh permezz ta’ vot kontrih f’elezzjoni ġenerali.  

U jekk nerġgħu nittrattaw l-ewwel suġġett – l-għoli tal-ħajja – jekk il-Gvern irid verament jindirizza din il-problema jrid isib il-flus biex itaffi mill-uġigħ ta’ min għandu salarju, ta’ min huwa impjegat, min għandu familja u min jissellef mill-banek. Il-Gvern irid jassigura li l-klassi medja ma tibqax lura u li tkompli tiġġenera attività ekonomika. Għax wara kollox hija l-klassi medja li tmexxi l-ekonomija tal-pajjiż.  

Il-Gvern ma jistax ikompli jagħti l-impressjoni falza li l-pajjiż miexi fuq ir-rubini. Irid jaffaċċja l-problemi b’maturità kbira. 

More in Politika