Editorjal | Il-falliment tal-proċess ġudizzjarju

Ir-raġuni għal dan id-dewmien esaġerat jista’ faċilment jintefa’ f’ħoġor il-pulizija jew il-ġudikatura imma bla dubju ta’ xejn hija wkoll riflessjoni fuq il-politiku li baqa’ qatt ma fehem il-bżonn li jirriforma l-liġijiet biex il-proċeduri ġudizzjarji jinbiddlu

Li jkun hemm każijiet magħrufa ta’ qtil li ma jkunux solvuti hija mistennija u normali, sa ċertu punt.  Imma li jkollok każ ta’ persuna li nqatlet kiesaħ u biered b'żewġ persuni akkużat u għaddew 18 il-sena, għax sempliċiment kien hemm proċeduri ġudizzjarji li tawlu l-proċess, hija storja kompletament differenti.   

Albert Brian Rosso inqatel 18 il-sena ilu f’ċirkustanzi misterjużi. Dan seħħ wara li kien stqarr kemm il-darba mal-Pulizija Maltin li kien se jinqatel minn persuni magħrufa. Meta nqatel sar magħruf li kien ilu qed jibża’ li jispiċċa ħażin anke għax kien fetaħ qalbu mal-mara tiegħu.   

U minkejja dan kollu l-pulizija ma tantx tidher li għamlet xi ħaġa konrekta biex tevita dan l-omiċidju. 

Minn 2005 sa 2023, apparti li għadda wisq snin, kien hemm numru ta’ rikorsi u proċeduri li fl-aħħar minn l-aħħar għamluha aktar diffiċli li jibda l-ġuri u li jkun hemm il-ħaqq u l-ġustizzja bħal ma hu mistenni f’soċjetà ħanina u ġusta. 

Sadanittant iż-żewġ akkużati, f’dawn is-snin kollha kienu barra fuq il-pleġġ, jgħixu ħajja normali u lbieraħ ġew meħlusa minn kull akkuża. Dan filwaqt li l-familjari u l-ħbieb ta’ Rosso kienu qed jisperaw li xi darba tasal il-ġurnata fejn jaraw jew tal-inqas isir magħruf x’ġara minnu.  

Ir-raġuni għal dan id-dewmien esaġerat jista’ faċilment jintefa’ f’ħoġor il-pulizija jew il-ġudikatura imma bla dubju ta’ xejn hija wkoll riflessjoni fuq il-politiku li baqa’ qatt ma fehem il-bżonn li jirriforma l-liġijiet biex il-proċeduri ġudizzjarji jinbiddlu.  Għalkemm jidher ċar li issa hemm sforz serju biex din il-problema ta’ dewmien ma jkomplix.  

Dan kien falliment totali minn naħa ta’ min mexxa l-ġustizzja f’pajjiżna dak iż-żmien, li ma għarafx il-ħtieġa urġenti li jsiru biddliet radikali biex il-proċess ġudizzjarju jitħaffef u li ma jkunux proċeduri mhux bżonnjużi mill-avukati u min hu akkużat biex il-kawża ma tibdiex. 

Huwa għalhekk li din il-gazzetta tilqa’ kull inizjattiva li tbiddel il-proċess biex min ħaqqu, jiskonta dak li ħaqqu u fejn hemm nuqqasijiet jiġu indirizzati u fejn hemm familji jew tfal li qed jitkarrbu għall-ġustizzja, verament issir u jingħalaq kapitlu ieħor.  

More in Politika