Editorjal | Project Green – tajjeb - imma ma jista’ qatt jissostitwixxi l-ambjent tagħna

Jidher ċar li n-nies huma mxebba’ u mdejqa bl-istupru tal-kampanja Maltija u kif ukoll mid-direzzjoni politika dwar l-ambjent. B’mod speċjali bid-deċizjoni li policies kontroversjali u ħżiena jinżammu u li dawk li jiddeċiedu fl-awtoritajiet jkunu pappagalli tal-Gvern

Xi xhur ilu l-Gvern Laburista nieda proġett li jismu Project Green li jikkonsisti f’proġetti fl-ibliet biex jitħaddru l-inħawi tagħna. Inizjattiva pożittiva. Dawn kollha huma proġetti sbieħ bil-ħsieb li jipprovdu spazji miftuħa fiż-żoni urbani, iżda huma wkoll proġetti li jikkonfermaw il-mod ta’ kif it-tmexxija tal-pajjiż qed tħares lejn l-ambjent ta’ madwarna.  

Dawk ta’ Project Green, huma Proġetti mwielda f’kultura tradizzjonali ta’ żvilupp ‘aħdar’ fl-urban. Minkejja dan, huwa ċar li dak li l-pajjiż għandu bżonn bħalissa – u li jieħu l-priorità fuq kull ħaġa oħra – huma l-protezzjoni u l-aċċessibilità għall-ispazji miftuħa fil-kampanja Maltija u Għawdxija.  Kampanja li qed tispiċċa sfruttata. 

Dan il-poplu Malti u Għawdxi qed jokrob biex jiġi mħares l-ambjent naturali tiegħu u huwa żball madornali li naħsbu li dawn il-ġonna jew żoni ħodor bi’stil kliniku, b’arkitettura moderna u xi kultant kosmetiku jistgħu qatt ikunu sostitut denji għan-natura li joffru l-gżejjer Maltin.  

In-nies illum iridu l-awtentiċità. 

Dan il-poplu qed jitkarrab biex il-ftit art pristina f’Malta, Għawdex u Kemmuna jkunu mħarsa u mhux mittiefsa mill-ħniżrija ta’ bini u rebgħa bla kontroll. U dan kollu minħabba l-isfreġju minħabba policies ħżiena tal-ippjanar u d-direzzjoni politika mill-Gvern ta’ Robert Abela. Direzzjoni politika li hija bażata fuq anarkija totali fil-qasam tal-iżvilupp, fejn l-art agrikola, l-pajsaġġ, il-widien, il-kosta, ix-xagħri u l-irdumijiet huma sekondarji għal gwadann ekonomiku. 

Jekk dan il-Gvern qed jaħseb li dawn l-inizjattivi ta’ Project Green huma s-soluzzjoni għall-karba tan-nies huwa żbaljat bil-kbir. Imorru biex itaffu ftit imma mhumiex is-soluzzjoni. 

Jidher ċar li n-nies huma mxebba’ u mdejqa bl-istupru tal-kampanja Maltija u kif ukoll mid-direzzjoni politika dwar l-ambjent. B’mod speċjali bid-deċizjoni li policies kontroversjali u ħżiena jinżammu u li dawk li jiddeċiedu fl-awtoritajiet jkunu pappagalli tal-Gvern. 

€700 miljun f’Project Green mhuwiex żball u jekk il-Gvern irid ikun sinċier għandu jkun hemm sforz kollettiv f’iniċjattivi ambjentali li jħarsu l-ambjent li diġà għandna u li qiegħed jiġi mhedded mill-iżvilupp żejjed u bla bżonn.   

More in Politika