Lara Calleja | Erba’ snin wara l-qtil ta’ Lassana Cisse: Il-gvern Malti u r-retorika tal-vjolenza

Nistgħu nagħżlu li ngħidu li l-każ kien omiċidju u nieqfu billi nakkużaw u ninkriminaw lill-allegati. Imma biex verament nindirizzaw il-kuntest sħiħ tal-qtil ta’ Lassana Cisse, u l-vjolenza li jiffaċċjaw l-immigranti kuljum, irridu nifhmu xi rwol jaqdi l-gvern Malti f’dan kollu, u kif dak li qegħdin jgħidu u jagħmlu l-mexxejja tagħna,  qiegħed ikompli jipperpetwa din il-vjolenza

X’messaġġ tkun qed tgħaddi meta tħalli lin-nies imutu fl-ibħra? U meta titkellem fuq grupp ta’ nies bħala sors ta’ problema, u tinsa tuża l-kliem, il-pronomi u l-verbi neċessarji biex tidentifikahom bħala nies? X’messaġġ tkun qed tgħaddi meta tagħlaq nies trawmatizzati ġo kwartieri militari mingħajr faċilitajiet sanitarji u iġjeniċi u mingħajr privatezza u titrattahom agħar mill-annimali tal-merċa?

X’messaġġ qiegħed jgħaddi l-gvern lill-poplu b’dan l-aġir u dawn il-miżuri? Li orrajt li titratta n-nies b’dan il-mod? Li ġustifikat li tuża l-intimidazzjoni u l-vjolenza fiżika, verbali u psikoloġika għax huma immigranti? Mela l-immigranti mhumiex umani? Mela Malta mhux stat demokratiku? Mela f’Malta mhux suppost li kull bniedem, irrispettivament mill-qagħda soċjali, etnika u mill-ġeneru, għandu d-dritt bażiku u fundamentali li jiġi trattat b’dinjità?

Hawn mhux infisser biss id-dritt għall-ikel u għal saqaf taħt rasek imma li tiġi trattat, nerġa’ ngħid, b’dinjità. Allura nistaqsi mill-ġdid, x’messaġġ qiegħed iwassal il-gvern, mhux biss lill-poplu, imma anke lill-istituzzjonijiet li jaqduh, inkluż il-Forzi Armati, ID Malta u d-dipartimenti tal-impjieg, meta fir-retorika tiegħu jonqos milli jirreferi għall-immigranti bħala umani u repetittivament jiitrattahom ta’ ħafna inqas minn hekk?

Sentejn ilu, jiena u sħabi l-attivisti, ktibna ittra li nqrat lill-familja ta’ Lassana Cisse meta ttieħed lura f’art twelidu ġewwa l-Ivory Coast sabiex jindifen. Lassana Cisse kien raġel ta’ 42 sena u missier ta’ tlett itfal. Huwa nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’April 2019. Cisse u sħabu Ibrahim Bah u Mohammed Jallow, intlaqtu minn sparar immirat lejhom li kien ġej minn karozza misjuqa minn żewġ suldati li fl-allegat reat qatlu lil Cisse kiesaħ u biered. 

Nistgħu nagħżlu li ngħidu li l-każ kien omiċidju u nieqfu billi nakkużaw u ninkriminaw lill-allegati. Imma biex verament nindirizzaw il-kuntest sħiħ tal-qtil ta’ Lassana Cisse, u l-vjolenza li jiffaċċjaw l-immigranti kuljum, irridu nifhmu xi rwol jaqdi l-gvern Malti f’dan kollu, u kif dak li qegħdin jgħidu u jagħmlu l-mexxejja tagħna,  qiegħed ikompli jipperpetwa din il-vjolenza.

Skont Neil Falzon, attivist u fundatur tal-aditus foundation, il-lingwa, il-politiki u l-liġjiet lokali relatati mall-immigrazzjoni huma bbażati fuq in-narrattiva li l-immigranti huma ‘bnedmin inqas minna’. Skont Falzon, din in-narrativa ilha ingranata ’il fuq minn għoxrin sena, u f’dawn l-aħħar snin kompliet tiggrava. 

Hawn qegħdin ngħixu f’kuntest fejn l-esperti u l-esperjenzi traġiċi tan-nies jindikaw mod u l-awtoritajiet jistqarru mod ieħor. Għalhekk pereżempju l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri kontinwament jiċħad li f’Malta għandna problema kbira ta’ razziżmu u jisħaq li l-politika tal-immigrazzjoni lokali hija ġusta.

Nistieden lill-Ministru Byron Camilleri jersaq viċin l-istess komunità ta’ immigranti li taqa’ taħt l-amministrazzjoni tiegħu sabiex jifhem ir-razziżmu li jolqothom kuljum u jifhem ukoll kemm huwa inkorporat fil-qafas tal-politika u l-azzjoni ġenerali li jieħu repetittivament il-gvern fil-konfront ta’ dawn in-nies. Nistieden lil Byron Camilleri sabiex jieħu l-ħin biex jifhem kif din ir-retorika ta’ vjolenza qed tinfluwenza l-istess istituzzjonijiet li jaqgħu taħt it-tmexxija tiegħu u li r-riżultat ta’ dan kollu huwa razziżmu perpetwu u trawmi fuq komunitajiet li diġà raw biżżejjed.

Bħala Ministru għall-Ugwaljanza, nistieden lil Camilleri jaħseb f’pajjiż fejn ħadd ma jispiċċa sfruttat u marġinalizzat għax minn retorika li tħares f’kull kelma tagħha il-ħajja ta’ kull bniedem, jiggwadanja kulħadd.

More in Politika