Editorjal | Wasal iż-żmien li l-legat ta’ Muscat jispiċċa'

Li tagħmel is-sewwa qatt ma tista tkun xi haġa faċli. Robert Abela jrid ikollu l-kuraġġ li jagħmel dak li hu sewwa. Għal ġid fit-tul tal-Partit u għal ġid immedjat tal-pajjiż

Ma jistax ikun li jkun hemm min ikompli jaħseb li l-Partit Laburista jista' jkompli fi triqtu mingħajr ebda rikonnoximent għat-taħwid kollu ta’ Joseph Muscat li kien Prim Ministru ta’ Malta minn 2013 sa 2019. 

Fuq kollox, wara dak li rajna din il-ġimgħa fil-każ tal-Vitals u Stewards. Li Muscat għandu post speċjali fil-qlub ta’ ħafna Laburisti hija mistennija. Imma li wieħed ikompli jiddefendi din il-persuna bħallikieku ma għamlet xejn ħażin huwa ħażin ħafna.

Muscat huwa bniedem li jrid jagħti x’nifhmu li hu ma għamel xejn ħażin. Naħseb li l-iskop ta’ dan l-editorjal mhuwiex li nikkonvinċu lil xi ħadd dwar dan il-fatt. Il-fatti jitkellmu waħedhom.

Il-problema aħħarija hi li Partit Laburista jrid jaffaċċja r-realta’ li taħt l-amministrazzjoni Muscat ġraw ħniżrijiet kbar, Panama, Electrogas, Vitals u l-qtil ta’ ġurnalista.

Li kieku l-Partit Nazzjonalista hu aktar attrajenti għal votant, kieku l-Labour ħa daqqa kbira u illum mhux qed jiggverna. Imma sa issa l-PN mhux tħeddida, grazzi għat-tmexxija fjakka tiegħu. 

Imma hija kwistjoni ta’ żmien qabel il-PN isib il-mument u jerġa jgħolli rasu.

Jekk il-Labour iridu jinvestu fuq l-affarijiet tajba li għandna bħalissa fil-pajjiż, irid jaċċetta li t-triq li għandu quddiemu hi waħda biss, u dik li hi kuraġġuża u tirrekjedi li taqta' mill-legat ta’ Muscat.

Din id-deċiżjoni mhux waħda faċli għal Robert Abela.

U ma hemm l-ebda garanzija li ma jkunx hemm reazzjoni għal dan l-aġir minn numru kbir ta’ Laburisti.

Imma li tagħmel is-sewwa qatt ma tista tkun xi haġa faċli.

Robert Abela jrid ikollu l-kuraġġ li jagħmel dak li hu sewwa. Għal ġid fit-tul tal-Partit u għal ġid immedjat tal-pajjiż.

L-għażla f’idejh.

More in Politika