Editorjal | Rapport li ma jagħmilx ġieħ lil min għamlu

L-istat tal-midja Maltija mhix waħda perfetta jew idonja. U iva jeħtieġ li jkunu hemm l-istrutturi biex naraw li jkollna ġurnalisti ħielsa u oġġettivi. U jkollna politika li tirrispetta l-ġurnaliżmu ħieles.  Hemm bosta problemi u dawn telgħu aktar fil-quċċata wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

l-Editorjal
l-Editorjal

L-istat tal-midja Maltija mhix waħda perfetta jew idonja. U iva jeħtieġ li jkunu hemm l-istrutturi biex naraw li jkollna ġurnalisti ħielsa u oġġettivi. U jkollna politika li tirrispetta l-ġurnaliżmu ħieles.  Hemm bosta problemi u dawn telgħu aktar fil-quċċata wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Imma kien u huwa żball madornali li kull problema u soluzzjoni hija marbuta mal-kwistjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-assasinju ta’ Caruana Galizia. 

Il-ġustizzja fil-konfront ta’ dak li ġara ma’ Caruana Galizia mhux l-uniku mod kif għandna nħarsu lejn l-istat ta’ kemm hi ħielsa l-istampa f’Malta. U f’dan il-kuntest irridu nħarsu lejn ir-rapport tar-Reporters Sans Frontiers (RSF) li ta’ kull sena joħorġu indiċi ta’ fejn ikunu l-pajjiżi u għaliex. 

Ħaġa tal-iskantament, Malta spiċċat fl-84 post. Qabel Malta, insibu l-Polonja, l-Ungerija, il-Maċedonja, il-Montenegro, il-Panama, l-Armenja, il-Kongo, il-Malawi, l-Ukrajna, il-Kosta tal-Ivorju, il-Moldova u bosta pajjizi oħra li alla jħares naraw kif jitrattaw id-drittijiet tal-bniedem aħseb u ara l-ħelsien tal-istampa.

Malta bin-nuqqasijiet kollha tagħha għandha midja vibranti u diversa. Li taħdem kontra l-kurrent fejn il-ġurnalisti tagħha jiġu jaqgħu u jqumu mill-konsegwenzi. Għandha kmamar tal-aħbarjiet fejn l-Edituri għandhom il-possibilità li jiktbu li jridu. Għandha xandir pubbliku, vera mhux perfett immonitorjat minn Awtorità tax-Xandir, immexxija miż-żewġ partiti ewlenin, u għandna wkoll żewġt ikmamar tal-aħbarjiet tal-partiti politiċi ewlenin.

Hija ovvja li l-RSF straħet fuq sors wieħed u sors li (allajbierek) hija magħrufa għall-antipatija li turi lejn il-kollegi tagħha fl-istess kamp.

Ejja nibdew, inħarsu lejn l-ilmenti tal-RSF:

1. L-RSF titkellem fuq t-talbiet ta’ Freedom of Information Requests (FOI). Li ma tgħidx, huwa li dawn isiru dejjem mix-Shift News u dejjem ikunu kontra din l-istess mediahouse (MediaToday) u qatt fuq media houses oħra. FOIs li huma imminati biex jagħmlu ħsara kummerċjali lil din il-media house. Li jpinġu r-riklamar fil-media tagħna bħala xi att abużiv.

2. L-RSF tgħid ċar u tond li ġurnalisti Maltin ikollhom ħafna SLAPPS. Fl-istorja ta’ Malta qatt ma ngħata bidu għall-ISLAPP action waħda. L-uniku waħda li seta’ kien hemm, kienet kontra din il-media house mill-Istewards. It-theddida vera għall-istampa Maltija ġejja mil-libelli minn Maltin kontra Maltin stess u ħafna drabi minn ġurnalisti kontra ġurnalisti.

3. L-RSF tilmenta li l-Gvern jagħti intervisti esklussivi lil dawk il-ġurnalisti tal-għażla tagħhom. Din hija gidba. Intervisti ta’ politiċi jidhru kullimkien. Li ġurnalist veteran b’35 sena fuq ġurnalist li għadu ġej fid-dinja jingħata aktar importanza hija mistennija!  Imma din mhix ċensura.

4. L-RSF tgħid li l-għajnuna tal-Covid-19 ingħatat lill-media tal-partiti politiċi. Gidba oħra! L-għajnuna ngħatat lil kullħadd, kull min għandu xi forma ta’ għarfien bħala media house u jimpjega lin-nies rċieva għajnuna.

5. L-RSF tilmenta fuq diskriminazzjoni fl-għoti tal-fondi pubbliċi. Imma l-fatti juru li kullħadd irċieva fondi: It-Times of Malta, in-Net, il-Lovin Malta u Newsbook. Saħansitra anke dawk li huma kritiċi tal-gvern jirċieva kampanji ta’ riklamar u joffru wkoll sponsored content.  Imma l-RSF mid-dehra ma tafx.

6. L-RSF tilmenta li rappreżentanti ta’ gruppi ta’ minorità ma jaħdmux fin-newsrooms. Mhu veru xejn, anzi ħafna nies fin-Newsbook, MaltaToday u anke Lovin Malta huma nies li kienu jimmilitaw fi gruppi. U hemm taħlita ta’ nies li huma ambjentalisti, mill-komunita LGBTQ u ta’ kull fehma politika.

7. L-RSF tgħid li n-newsrooms huma dominati mill-irġiel. Hekk hu, imma mhux Malta biss. Imma wieħed irid igħid li fit-Times of Malta, MaltaToday, PBS u anke Newsbook hemm nisa f’postijiet maniġerjali.

8. L-RSF tgħid li r-rakkomandazzjonjiet tal-Kummissjoni Caruana Galizia ma ġewx implementati.  Xi wħud le u xi wħud iva. Imma wieħed irid igħid li jekk li media commission li tant ġiet ikritikata ressqu l-proposti kollha lill-Gvern u ma kien hemm ebda ostaklu jew pressjoni.

9. L-RSF tgħid li l-Gvern joħroġ press cards u mingħajrhom ma tistax tattendi konferenzi stampa. Apparti li ħadd ma jistaqsik għall-press card illum,  ta’ min nistaqsu, liema pajjiż fl-Ewropa ma għandhomx xi forma ta’ identità għall-ġurnalisti tagħhom? Ibda bil-Kummissjoni Ewropea u kompli sa kull pajjiż fl-EU.

Il-kumment tal-aħħar dwar dan l-indiċi jew rating tal-RSF hija waħda. L-RSF għandhom ikunu aktar oġġettivi u ma jitħallewx li jintużaw minn individwu jew tnejn. Filwaqt li naqblu li fadal ħafna x’isir, is-sitwazzjoni mhix ħażina daqs kemm ġiet deskritta fir-rapport li ġie ippreżentat. U ċertament nemmnu li l-istat ta’ l-istampa Maltija hija ferm aħjar milli dik fl-Armenja, il-Congo u l-Malawi apparti ħafna pajjiżi oħra.

Li verament jeħtieġ f’pajjiżna huwa ta’ aktar għaqda bejn il-midja u l-ġurnalisti. Kif ukoll deċiżjoni konxja mill-Gvern biex jgħin finanzjarjament il-media houses biex qabel ma nibdew nitkellmu fuq stampa ħielsa ma nisparixxux minn wiċċ id-dinja.

Ngħixu f’ambjent ġurnalistiku fejn ma hemmx il-biża’ ta’ qabel, kieku ma jkunx hemm episodji fejn anke jiġu ppubblikati data ristretta u b’divjet tal-Qorti.

L-RSF għandha toqgħod attenta li ma tintużax bħala paraventu minn dawk li għandhom preġuddizji kbar u għira għal min hu aktar kapaċi u għaqli bħala ġurnalist jew media house.

More in Politika