Andy Ellul | Pass storiku fl-istorja tad-Djalogu Soċjali f’pajjiżna

Aħna bħala Gvern nirrapreżentaw lis-soċjetà inġenerali; kemm lill-ħaddiem, u anke lil min iħaddem. Għaldaqstant, irridu nassiguraw li filwaqt li ma nitfgħux piżijiet kbar fuq in-negozji tagħna, kull ħaddiem ikollu biżżejjed dħul biex jgħix ħajja diċenti

Ftit ġimgħat ilu ħabbart it-twaqqif b’mod uffiċjali tal-Low Wage Commission. Kummissjoni li l-għan tagħha huwa li sal-aħħar tas-sena, tagħti rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm reviżjoni tal-paga minima f’pajjiżna. 

Lura fl-2017 ġie ffirmat ftehim storiku bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, fejn għall-ewwel darba f’ għexieren tas-snin, il-paga minima għoliet b’mod li jmur oltrè miż-żidiet tal-COLA.  Dakinhar il-Gvern kien irnexxielu jilħaq ftehim sabiex tiġi ffurmata l-Low Wage Commission, liema kummissjoni tkun inkarigata li tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha kull erba’ snin, bl-ewwel rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward isiru sal-aħħar ta’ din is-sena. 

Li għamilna l-ġimgħa l-oħra kien li rregolajna din il-Kummissjoni permezz ta’ Legal Notice speċifika. Il-Kummissjoni ser tkun ippreseduta miċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb filwaqt li ser ikollha rappreżentanti tal-unjins f’pajjiżna, ta’ min iħaddem kif ukoll rappreżentanti tal-Gvern, u esperti oħrajn li mingħajr dubju ta’ xejn għandhom ħafna x’joffru fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet li trid tipprovdi din il-Kummissjoni. 

Bħala Segretarjat ħassejt li għandi nagħti s-sapport u l-għodda kollha neċessarja lil din il-Kummissjoni. Għaldaqstant, fil-liġi li ġiet ppubblikata din il-gimgħa għamilniha possibbli li din il-Kummissjoni tingaġġa esperti, liema esperti jkunu jistgħu jgħinuha b’kalkoli u analiżi speċifiċi fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-Kummissjoni. Ovvjament, għandek diversi interessi fil-pajjiż, liema interessi huma lkoll rappreżentati f’din il-Kummissjoni. Fis-sena li ilni f’din il-kariga, mhux l-ewwel darba li kellna kwistjonijiet fejn ikollok interessi differenti, li ġieli anke jkunu totalment opposti għal xulxin. Madanakollu, kuntent ngħid li kompromess dejjem sibna. Din id-darba, m’għandhiex tkun differenti.  

Irrid ngħid li bħalma dejjem għamel, il-Gvern se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Aħna bħala Gvern nirrapreżentaw lis-soċjetà inġenerali; kemm lill-ħaddiem, u anke lil min iħaddem. Għaldaqstant, irridu nassiguraw li filwaqt li ma nitfgħux piżijiet kbar fuq in-negozji tagħna, kull ħaddiem ikollu biżżejjed dħul biex jgħix ħajja diċenti. Din hija xi ħaġa li naħseb kemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, u anke min iħaddem jaqblu magħha.  

Għaxar snin ilu, qabel ma’ ħadna f’idejna t-tmun tal-pajjiż kienu jgħidulna li Gvern Laburista ser jiffriża l-paga minima, però mhux talli Gvern Laburista rnexxielu jilħaq kunsens nazzjonali sabiex setgħet tiżdied il-paga minima wara ħafna snin, iżda ukoll qegħdin f’pożizzjoni li nħabbru din il-Kummissoni bl-għan li kull erba’ snin tagħti rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm reviżjoni tal-paga minima f’pajjiżna. Nistgħu nagħmlu dan kollu għaliex f’pajjizna minkejja l-isfidi internazzjonali li kulħadd jaf bihom għandna klima ekonomika tajba.  

B’hekk dak li ħabbarna l-ġimgħa l-oħra mhux biss huwa pass importanti lejn soċjetà aktar ġusta, imma wkoll huwa pass storiku fl-istorja tad-Djalogu Soċjali f’pajjiżna. Pass li jirrifletti l-impenn bla waqfien ta’ Gvern Laburista  biex itejjeb il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli fostna. 

More in Politika