Editorjal | 44 sena mill-Ħelsien

Dik it-torċa li kien xegħel fuq l-Għolja tal-Ħelsien l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff għadha qed tixgħel, anzi qed tixgħel aktar minn qatt qabel. Għalhekk ejja naraw li l-44 sena li ġejjin ta' Malta ħielsa jkunu snin ta' prosperità u progress. Ta' għarfien tal-iżbalji li għamilna u ta' determinazzjoni li ma nerġgħu nagħmluhom qatt

Din il-ġimgħa fakkarna l-44 sena anniversarju minn meta Malta saret ħielsa, meta telaq l-aħħar vapur Ingliż u b'hekk - minkejja li konna diġà ksibna s-sovranità politika - Malta qatgħet kull forma ta' rabta, anke dik ekonomika minn mal-Imperu Ingliż.  

Illum, 44 sena wara, x'tagħlimiet ħadna? Kif sirna pajjiż aħjar?  

Dawn l-44 sena raw pajjiż jipprogressa f'ħafna oqsma b'mod speċjali dak ekonomiku, imma mhux biss. Rajna ekonomija żgħira, iżda ħafna ikbar mid-daqs tal-pajjiż u ħafna ikbar minn ekonomiji żgħar bħal tagħna. Rajna għalhekk pajjiż li fetaħ l-ekonomija beraħ fid-90ijiet, xi ħaġa li ġabet magħha x-xogħol u l-ġid.  

Mix-xejn, fuq art mingħajr riżorsa naturali, bnejna ekonomija li baqgħet fil-wiċċ quddiem kriżijiet serji, jekk hux dik finanzjarja fl-2008, jekk hux il-pandemija jew inkella l-instabilità politika fit-Tramuntana tal-Afrika, hekk imsejħa r-Rebbiegħa Għarbija.  

F'dawn l-aħħar 44 sena Malta bniet sistema politika li għalkemm fiha nuqqasijiet, għalkemm għadha tagħti wisq poter lill-politiku u għalkemm baqgħet wisq dipendenti fuq in-nepotiżmu, fir-realtà iffjorixxiet. Għandna Parlament li jiffunzjona u jiffunzjona sew, minkejja li anke hemmhekk hemm bżonn ta' bidliet. Id-demokrazija f'pajjiżna hija ħajja u vibranti, ta' poplu li jiddiskuti, li jipprotesta, li jivvota bi ħġaru u midja li taqdi l-irwol ta' għassies. Inħolqu l-Kunsilli Lokali, il-Kumitati reġjonali u d-demokrazija baqgħet tbiddel u taġġorna biex tkun dejjem aktar rappreżentattiva. Fadal? U dażgur. Wasal iż-żmien li tkun aktar rappreżentattiva, speċjalment ukoll tal-partiti ż-żgħar. Hemm bżonn li jinfetaħ il-bieb biex isir aktar faċli li partiti żgħar ikunu fil-Parlament, kif sar riċentement fuq in-nisa.  

Rajna 44 sena ta' pajjiż li jagħti wens, b'waħda mill-iktar sistemi ta' Welfare State b'saħħithom fl-Ewropa biex ma ngħidux fid-dinja. Miċ-Children's Allowance, sal-benefiċċji tal-qgħad, minn Sptar bl-aqwa servizzi u ta' kwalità għolja għal skejjel b'xejn fi kważi kull raħal u belt u l-Kulleġġi. Miċ-Ċentri tas-Saħħa, sal-pensjonijiet u żidiet fil-pensjonijiet, minn għajnuna lil ġenituri li jadottaw għal għajnuna lil min jieħu ħsieb lill-ġenturi anzjani tiegħu. U meta ġie l-mewġ rajna Gvernijiet li minn hawn u minn hemm dejjem kellhom minn fejn joħorġu l-flus biex jilqgħu għad-daqqiet. Biżżejjed inħarsu lejn l-elenku ta' miżuri li nieda l-Gvern waqt il-pandemija.  

Dan il-pajjiż tgħallem japprezza - jew qiegħed jitgħallem japprezza - il-wirt kulturali u storiku tiegħu. Biżżejjed naraw proġetti ta' restawr li saru madwar il-pajjiż, minn Pjazza Ħelsien fejn sar il-Parlament, sa Pjazza Tritoni sar-restawr tas-swar. Minn knejjes sa palazzi, sa djar privati li ġew irrestawrati. Biżżejjed? Dażgur li le. Il-Belt Valletta - biex insemmu l-Kapitali biss - għad hemm tant u tant xogħol xi jsir. 

Bnejna Università - u Università mill-aqwa, bnejna ajruport li jixraq lil pajjiż modern - liema ajruport qed jerġa' jiġi modernizzat u mkabbar, bnejna toroq u flyovers, bnejna Port Ħieles u Power Station, bnejna u għadna qed nibnu infrastruttura tal-enerġija li tixraq pajjiż modern. Fadal xi jsir? Bil-wisq. Hemm bżonn li l-Gvern jagħmel aħjar u iktar fil-qasam tat-trasport u wasal iż-żmien li jħares u jwettaq proġett ta' trasport tal-massa u anke tal-baħar. Minkejja titjb qawwi li sar fis-sistema tat-trasport pubbliku, illum b'xejn, għad hemm bil-wisq aktar x'nistgħu nagħmlu biex inkunu pajjiż mill-aqwa f'dan is-settur ukoll.  

Pajjiżna ħareġ minn taħt l-għanqbut rigressiv u tal-injoranza, il-preġudizzji u s-superstizzjoni u llum sar wieħed mill-aqwa pajjiżi fid-dinja fi drittijiet għal persuni LGBTIQ. Rivoluzzjoni soċjali, siekta li saret waqt li l-poplu xorta baqa' jgħożż u jiċċelebra b'orgolju t-tradizzjonijiet reliġjużi tiegħu. Dan il-pajjiż ta d-dritt lil koppja illi tkun separata biex terġa' tibda l-ħajja miżżewġa mill-ġdid. Biżżejjed? Għad fadal xi jsir, speċjalment fejn jirrigwarda d-drittijiet riproduttivi tal-mara u b'mod speċjali fejn jirrigwarda l-abbuż fuq l-immigranti. Għad hawn wisq abbuż - imbuttat mill-xenofobija - fuq ħaddiema barranin f'pajjiżna. Dan hemm bżonn jieqaf.  

Tgħallimna - jew qed nitgħallmu - napprezzaw il-gastronomija Maltija, li qabel konna nqisuha inferjuri meta verament mhijiex.  

F'dawn l-44 sena ħadna postna fejn jixraqilna, fl-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi ewropej fejn ta' kuljum jittieħdu deċiżjonijiet li jaffetwawlna ħajjitna, l-ekonomija tagħna, ix-xogħol tagħna. U mhux biss dħalna fl-UE imma mexxejna l-Presidenza Ewropea u l-ewropa ġiet Malta. 

Sfortunatament dawn l-44 sena raw mumenti koroh ukoll li jħammru wiċċ dan il-poplu: Il-qtil ta' Raymond Caruana, Karin Grech u aktar riċenti ta' Daphne Carauna Galizia huma tebgħa sewda fuq l-istorja ta' Malta ħielsa u indipendenti. Huma avvenimenti u feriti li dan il-pajjiż għadu ma għalaqx.  

44 sena fejn rajna l-apprezzament lejn l-ambjent u n-natura jikber, kif diżgrazzjatament kiber u ħrax l-attakk fuqu ta' bini, storbju, arja mniġġsa u rgħiba.  

Minn pajjiż relattivament fqir, f'dawn l-44 sena rajna l-klassi medja tinfirex, tikber, tistagħna, issiefer, tgawdi u tikkonsma. Imma dan wassal biex parti minn ruħ dan il-pajjiż jintilef f'kaxxa, fuq kaxxa, fuq kaxxa minflok l-isbuħija tad-dar Maltija. 

44 sena fejn bqajna wisq naċċettaw standards baxxi mill-politiċi tagħna u fejn baqgħet wisq tirrenja l-idea ta' "issa aħna hemm fil-Gvern nagħmlu li rridu."  

Malta ma kibritx fid-daqs f'dawn l-44 sena imma kibret fil-profil, kibret fl-għerf, kibret ekonomikament u kibret fl-apprezzament tagħha nnifisha.  

Dik it-torċa li kien xegħel fuq l-Għolja tal-Ħelsien l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff għadha qed tixgħel, anzi qed tixgħel aktar minn qatt qabel. Għalhekk ejja naraw li l-44 sena li ġejjin ta' Malta ħielsa jkunu snin ta' prosperità u progress. Ta' għarfien tal-iżbalji li għamilna u ta' determinazzjoni li ma nerġgħu nagħmluhom qatt.  

Viva Malta Indipendenti u Ħielsa! 

More in Politika