Robert Aquilina | Il-kbar jegħrqu mal-vapuri

Iktar ma jkun kbir l-isforz ta’ dawn l-irjus kbar li jaqbżu minn fuq il-vapur qabel jegħreq bihom b’kollox, iktar qed juru lil kulħadd kemm huma ġrieden u mhux politiċi; iktar qed juru lil kulħadd kemm huma opportunisti u kemm l-uniku interess tagħhom huwa s-siġġu tal-poter u mhux il-ġid tal-poplu tagħna

Wara li mort inwaħħal tabella bil-kliem ‘Prim Korrott’ mal-uffiċċju f’Sa Maison minn fejn suppost qed jagħti l-pariri Joseph Muscat, kienu bosta dawk li qalu x’kienu jagħmluli kieku kelli mmur inwaħħal tabella simili mal-bieb tagħhom. Min kiteb li jwaddabli barmil ilma u jġibni qisni fellus u min hedded li jagħmel bħall-Mafjużi u jwaddabli l-aċtu. M’għandniex xi ngħidu, lit-tieni wieħed irraportajtu lill-pulizija.   

Lill-eroj ta’ dawn l-individwi ma bdejtx insejjaħlu korrot fl-ewwel ta’ Marzu ta’ din is-sena, meta mort inwaħħal it-tabella mal-bieb tal-uffiċċju li tah il-Prim Ministru Robert Abela ftit wara li grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali għażluh bħala l-iktar politiku korrott fid-dinja. Lil Muscat ili nsejjaħlu ‘korrott’, anzi ‘Prim Korrott’, ix-xhur u s-snin.   

Minkejja li f’kull intervista li jagħti, f’kull kumment li jikteb fuq Facebook u f’kull xandira li jagħmel mill-washroom Muscat jisħaq li m’għandux minn xiex jibża’, sal-lum għadu ma sabx il-kuraġġ iċempel lil Pawlu Lia jew lil xi avukat ieħor ta’ fiduċja tiegħu u jqabbdu jagħmilli kawża ta’ libell. 

Ir-raġuni għal din l-imġiba hija ovvja u m’għandha x’taqsam xejn mal-libertà tal-espressjoni. Muscat ma jagħmillix libell għax jaf li ma jistax jirbħu. Muscat jaf li jekk idaħħalni l-Qorti jien se nkun qed inressaq pataflun evidenza li turi li l-kliem ‘Prim Korrott’ għandhom jitnaqqxu fuq irħama minn dawk li jitwaħħlu biswit il-bibien b’mod permanenti. 

Għalhekk, minflok jibda battalja li jaf li se jitlef, Muscat iqabbad lill-ftit li għadhom leali lejh, bħal Manuel Cuschieri u Alfred Grixti biex joqogħdu jseħlulu “Prim Invictus” u biex joqogħdu jawgurawli affarijiet sbieħ bħal li “nifga”. 

Waqt li b’ħafna tqanżih jibqa’ jipprova jpinġi lilu nnifsu bħala xi persunaġġ kbir tal-politika Maltija, il-fatt huwa li Muscat illum huwa mwerwer li l-vapur tiegħu qed jegħreq u li hu se jinżel fil-qiegħ miegħu. Issa iktar minn qatt qabel, Muscat jinsab imwerwer li l-ġustizzja dalwaqt tħabbatlu biebu.  

Tentattiv patetiku u ddisprat biex jiskredita l-inkjesti 

Muscat għadu jagħmel xi ftit arja għax jaf li fit-tmun tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għad hemm nies li ma jridux imissu mal-politiċi u aktar u aktar miegħu. Minkejja l-paroli u l-pożi kollha, il-Kummissarju Gafà qed juri li ma jiswiex karlin iktar minn ta’ qablu filwaqt li l-Avukat Ġenerali Buttigieg qed tkun fl-aħbarijiet biss għall-gaffs u għall-maħfriet inspjegabbli lill-kriminali.   

Però Muscat jaf ukoll li mhux kulħadd fl-istituzzjonijiet huwa bħal Gafà u Buttigieg. Jaf li l-Maġistrati li qed imexxu l-inkjesti mitluba minna ta’ Repubblika mhumiex pupazzi tiegħu. Jaf li wara snin jisfidana u jqabbad lis-segwaċi tiegħu jistaqsuna ‘fejn huma l-provi?’ aħna ħadna kull prova li kellna f’idejna lil dawn il-Maġistrati biex dawn jinvestigaw iktar fil-fond bl-għodda u bil-poteri li jiġu mal-karigi tagħhom.   

Mhux ta’ b’xejn li Muscat u sħabu għamlu minn kollox biex iwaqqfu dawn l-inkjesti milli jsiru! Kien hemm mumenti fejn għaddiet tagħhom imma aħna bqajna ninsistu u bqajna naħdmu sakemm neħħejna l-bsaten mir-roti u l-inkjesti komplew.  

Muscat jaf li fl-inkjesta li tlabna dwar l-iskandlu tat-tliet sptarijiet ippreżentajna xejn inqas minn 153 paġna li fihom spjegajna fid-dettall kif insteraq il-poplu Malti. Huwa konxju li f’dawn il-153 paġna aħna indikajna reati ta’ natura serja ħafna li jġorru pieni twal ta’ ħabs. Fost dawn ir-reati hemm il-ħasil tal-flus, it-tixħim, il-konġura kriminali, is-sħubija f’assaċċjazzjoni kriminali, il-finanzjament ta’ assoċjazzjoni kriminali, l-abbuż mill-influwenza, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti intiżi għal awtorita’ pubblika u l-frodi.   

Il-Prim Korrott jaf iktar minn hekk. Muscat jaf ferm iktar minn dak li konna nafu aħna meta ktibna dawk il-153 paġna. Muscat jaf x’għaffeġ hu flimkien ma’ sħabu Mizzi, Cardona, Schembri u l-bqija u jinsab imwerwer li dak li jaf hu qed issir tafu l-Maġistrat u dalwaqt insiru nafuh aħna lkoll.   

Għalhekk, iddisprat kif inhu, minflok jagħmel il-libelli u jipprova jnaddaf ismu, Muscat, b’mod mill-aktar patetiku, qed jipprova jnissel id-dubji fl-integrità ta’ dawk fl-istituzzjonijiet tagħna li qed jaqdu dmirhom lejn il-poplu u lejn il-ġustizzja. Bil-kitbiet u bid-diskors tiegħu Muscat qed jipprova jiskredita u jimmina l-inkjesta biex mingħalih iwaqqaf il-kors tal-ġustizzja; biex mingħalih iżomm il-vapur tiegħu fil-wiċċ; biex jibqa’ jidher kbir f’għajnejn dawk li għadhom jappoġġawh. 

Wirja ta’ ġrieden jaqbżu mill-vapur 

Iżda jxandar kemm ixandar mill-washroom, u jikteb kemm jikteb fuq Facebook, il-Prim Korrott Muscat qed jinduna li l-appoġġ qed jonqoslu u li kulma jmur qiegħed ikun iktar iżolat. It-Taljani jgħidu li meta l-vapur jibda jegħreq, il-ġrieden ikunu l-ewwel li jaħarbu. Wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti dwar il-kuntratt tat-tliet sptarijiet assistejna għal spettaklu pjetuż ta’ ġrieden lebsin il-ġlekk u l-ingravata jipprovaw jaqbżu mill-vapur ta’ Muscat. 

Il-Prim Ministru Abela dlonk qalilna li meta ġie ffirmat l-ewwel ftehim mal-Vitals hu kien għadu jimpala l-eluf mill-Awtorità tal-Ippjanar, jinnegozja l-propjetà, u jikkampanja biex isir Membru Parlamentari bl-għajta li Muscat, Schembri u Mizzi huma tant kbar li se jibqgħu mfakkra fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer iktar mill-miġja ta’ San Pawl. 

Id-Deputat tiegħu u l-Eks Deputat tal-Prim Korrott, Chris ‘the real deal’ Fearne, ukoll qalilna li ma kellu xejn x’jaqsam ma’ din is-serqa lill-pazjenti Maltin u Għawdxin. Tisimgħu jitkellem illum, lil Fearne tisħajlu kien magħna qed jipprotesta fit-toroq u jiġġieled fil-Qrati biex jinfetħu l-inkjesti. Xejn mhu aktar ’il bogħod mir-realtà. 

Biex iktar jinsulentana, Evarist Bartolo issa għamel video jgħidilna li għandna ħafna x’nitgħallmu minn din l-oxxenità. Li ma qalx Bartolo fil-video hu li dak li mingħalih qed jgħallimna llum, aħna, u qabilna Daphne Caruana Galizia, ilna ħafna snin ngħiduhulu. Li ma qalx hu li dak iż-żmien, meta kellu l-poter jagħmel xi ħaġa, huwa llimita ruħu għall-kwotazzjonijiet minn żmien ir-Rumani. 

Lil Abela, Fearne, Bartolo u l-bqija ngħidilhom li aħna mhux se ninsew li huma ħallew din is-serqa sseħħ. M’aħniex se ninsew u se nibqgħu nfakkru li huma m’għamlu assolutament xejn biex jaqbżu għall-poplu Malti u Għawdxi. Ilkoll kemm huma baqgħu sal-aħħar jiddefendu l-indifensibbli. Abela u Fearne saħansitra marru jdawru lil Muscat ma’ Malta u Għawdex u żammewlu jdejh mgħollija ’l fuq qisu kien xi messija minflok esponewh għal dak li kienu jafu ben tajjeb x’kien. 

Iktar ma jkun kbir l-isforz ta’ dawn l-irjus kbar li jaqbżu minn fuq il-vapur qabel jegħreq bihom b’kollox, iktar qed juru lil kulħadd kemm huma ġrieden u mhux politiċi; iktar qed juru lil kulħadd kemm huma opportunisti u kemm l-uniku interess tagħhom huwa s-siġġu tal-poter u mhux il-ġid tal-poplu tagħna; iktar qed jimbuttaw il-vapur u lilhom infushom ’l isfel, lejn il-qiegħ kiesaħ u mudlam tal-kundanna tal-istorja. 

More in Politika