Robert Aquilina | Il-mument tant mistenni mill-Kummissarju Gafà

 Minkejja li fuq l-uniformijiet il-ġodda Gafà żamm il-motto ‘Domine Dirige Nos’, l-istil tat-tmexxija tiegħu huwa iktar ispirat minn dan il-proverbju Malti. Dik li hu jsejħila ‘strateġija ta’ trasformazzjoni’ mhi xejn għajr sprej għall-karozzi, uniformijiet, u żebgħa li maż-żmien se teqdiem u se jkollha bżonn titgħatta b’żebgħa ġdida

Fis-sebgħa ta’ filgħodu ta’ Jum l-Epifanija, il-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija rċevew email. Ma ntbagħtitilhomx mingħand is-Slaten Maġi iżda mingħand l-amministrazzjoni tal-Korp. Dawk li fetħuha sabu ma’ wiċċhom kartolina ddisinjata bħal billboard li mdorrijin naraw fit-toroq Maltin u Għawdxin meta toqrob l-elezzjoni. 

Jippoża f’dan l-ispeċi ta’ billboard, bi tbissima li b’ħafna immaġinazzjoni tista’ xxebbaħha ma’ dik tal-Mona Lisa, ma kien hemm ħadd ħlief il-Kummissarju Angelo Gafà. Fl-isfond kellu sett karozzi tal-pulizija miżbugħin b’isfar jgħajjat u maħsulin ħasla nobis għall-okkażjoni tar-ritratt ma’ dak li ordna li jinżebgħu, jinħaslu u jitpoġġew warajh. 

Fuq il-lemin tal-Kummissarju, liebes il-qmis tal-uniformi l-antika, mingħajr ingravata u bil-beritta mpoġġija fuq rasu bl-invell, il-pulizija sabu miktub messaġġ b’ittri kapitali kbar kif jixraq għal okkażjonijiet storiċi bħalma kienet il-wasla tar-rejiet fil-grotta ta’ Betlehem. Il-messaġġ kien jaqra ‘Wasal il-Mument Tant Mistenni’. 

Il-mument tant mistenni  

Bejn bela’ kafè u kisra ħobż mixwi, il-pulizija bdew jaqraw x’kellu daqstant importanti xi jgħidilhom il-Kummissarju b’din il-pompa kollha. “Għeżież kollegi,” bdiet l-email ta’ Gafà, “f’Jum l-Epifanija huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li naqsam magħkom l-aħbar li ħafna minnkom ilkom tant tistennew”. 

Tassew ilna ħafna nistennew. 

Gafà ilu Kummissarju tal-Pulizija għal 32 xahar sħaħ. Qabel dawn it-32 xahar fit-tmun tal-Korp bħala Kummissarju, Gafà kien, għal erbgħa snin sħaħ, fit-tmun tal-Korp bħala Kap Eżekuttiv. F’dan il-perjodu ma nafx x’ma ġarax f’pajjiżna. Inqatlet ġurnalista, pulizija nqabdu li għaddew informazzjoni sensittiva lill-kriminali, ministri u politiċi nqabdu jiftħu kumpaniji sigrieti l-Panama, Prim Ministru kellu jirriżenja, Kummissarju tal-Pulizija mar fenkata, id-Deputat tiegħu mar jara partita futbol ma’ min kellu jinvestiga, kriminali magħrufa akkużaw Ministru li qabbadhom joqtlu ġurnalista, serqulna tliet sptarijiet u lista twila ta’ oxxenitajiet oħrajn li jekk tarahom f’film tibda tħossu eżaġerat u jibda jdejqek. 

Fid-Depot, minn fejn intbagħtet l-email tal-Epifanija ta’ Gafà, matul dawn is-snin waslu rapporti tal-FIAU, waslu provi fuq provi, u waslet saħansitra inkjesta li swiet lill-poplu Malti miljuni kbar ta’ ewro. Bix-xieraq, wieħed kien jistenna li l-mument tant mistenni li kien se jħabbar Gafà kien li fl-aħħar se jressaq lil xi ħadd il-Qorti. Muscat? Cardona? Cutajar? Schembri? Fenech? Valletta? Mizzi? Ali Sadr? Lil min se jkaxkar il-Qorti Gafà? 

Iżda l-email ta’ Gafà tkompli hekk: “Proprju fis-sitta ta’ filgħaxija (1800 HRS) ta’ nhar it-Tlieta 10 ta’ Jannar 2023 ser tidħol fis-seħħ l-uniformi l-ġdida”. 

Jekk int u taqra xraqt, qlibt għajnejk, ħakkejt rasek jew bdejt taqra mill-ġdid biex tkun ċert li qrajt sewwa, ma nagħtikx tort. Jien l-istess reazzjonijiet kelli. 

Is-suf u l-lupu 

Il-Malti jgħid li l-lupu jbiddel sufu u mhux għemilu. Minkejja li fuq l-uniformijiet il-ġodda Gafà żamm il-motto ‘Domine Dirige Nos’, l-istil tat-tmexxija tiegħu huwa iktar ispirat minn dan il-proverbju Malti. Dik li hu jsejħila ‘strateġija ta’ trasformazzjoni’ mhi xejn għajr sprej għall-karozzi, uniformijiet, u żebgħa li maż-żmien se teqdiem u se jkollha bżonn titgħatta b’żebgħa ġdida. Din l-istrateġija ta’ Gafà mhi qed tagħmel xejn biex toqtol il-lupu li nawwar lill-Korp u lil pajjiżna. Dan il-lupu jismu impunità u għadu ħaj u b’saħħtu daqs kemm kien fi żmien il-Kummissarju Cutajar u l-Prim Ministru Muscat. 

Ebda email fis-sebgħa ta’ filgħodu u ebda Kummissarju jagħmilha ta’ mudell mhi se tnessina l-lista ma tispiċċa qatt ta’ każijiet li għadhom ma rifsux l-għatba tal-Qorti. 

Ma nsejniex u se nibqgħu nfakkru li Gafà għandu f’idejh biżżejjed evidenza biex iressaq żewġ eks uffiċjali għolja tal-Korp u jakkużahom b’reati serjissimi, fosthom li wasslu tagħrif sigriet tal-Pulizija b’rabta mal-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ili tliet xhur li żvelajt li wieħed minn dawn l-eks uffiċjali mhuwa ħadd ħlief il-predeċessur ta’ Gafà, Lawrence Cutajar. 

Ili tliet xhur nisfida lill-Kummissarju jaffaċċja lill-ġurnalisti dwar dan minflok joqgħod jippoża għar-ritratti biex jibgħathom lill-pulizija fis-sebgħa ta’ filgħodu. Lil Gafà navżah li fil-jiem li ġejjin se jerġa’ jarani quddiem id-Depot u hemm se nsemmi aktar persuni li dwarhom naf li għandu każ ċar. 

In-nies għandhom dritt ikunu jafu l-verità. Jilgħab kemm jilgħab noli Gafà, din il-verità n-nies se jsiru jafuha għax se nkunu qed ngħiduhielhom aħna. 

Smajtu jixhed lil Vince Muscat, Sur Gafà?

Xi ngħidu mbagħad għal dak li smajna fil-Qorti din il-ġimgħa. 

Ix-xhud tal-Istat Vince Muscat xehed bil-ġurament li l-eks Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kien ikkummissjona l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Semagħha din ix-xhieda Gafà jew kien imħabbat iħejji l-email li beħsiebu jibgħat fl-għodwa tal-Karnival? 

Possibli wasalna fl-istat li jintqal bil-ġurament li eks politiku kkummissjona assassinju u l-Kummissarju jibqa’ jilgħab bl-isprej tal-karozzi u bl-uniformijiet? 

Dawn il-każijiet huma emblematiċi ta’ Korp li kien u għadu maħtuf politikament. Huma emblematiċi ta’ Korp li jimxi b’ponn tal-ħadid maż-żgħir u b’ingwanti tal-qoton mal-kbir, b’mod speċjali mal-kriminali l-kbar u mal-politiċi korrotti. Din mhix ġustizzja. 

Korp demoralizzat 

M’għandniex xi ngħidu, jiftaħar kemm jiftaħar Gafà, dan kollu qed joħloq sens kbir ta’ diżappunt u ta’ demoralizzazzjoni fost il-membri tal-Korp. Waqt li Gafà kien qed jippoża għar-ritratti quddiem il-karozzi jleqqu, membri tal-Korp li mhumiex tal-qalba kienu qed jingħataw il-ġenb. Dawk li ġenwinament kienu qed jpprovaw jaħdmu u jġibu r-riżultati, twarrbu. 

Fl-aħħar xhur assistejna għal eżodu ta’ uffiċjali li xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom u ppreferew jitilqu milli jilbsu l-uniformi l-ġdida li xtralhom Gafà. Tant hemm sens ta’ sfiduċja fil-Korp li ħadd ma applika għas-sejħa li nħarġet għal Deputat Kummissarju, tant li kellha tinħareġ sejħa ġdida. 

Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar minn hekk. Il-pulizija li tassew iħobbu l-uniformi tagħhom, indipendentement hix ġdida jew qadima, jixirqilhom aħjar minn hekk. 

Aħna lkoll jixirqilna Korp u Kummissarju li jaqdu l-interessi tal-ġustizzja u mhux tal-klikka fil-poter u tal-kriminali qrib tagħha. Aħna jixirqilna s-serħan tal-moħħ li l-forzi tal-ordni jimxu b’integrità u qed jiġġieldu l-ħażin u mhux jgħinuh. 

Il-mument tant mistenni minna huwa meta jirnexxielna niksbu dan kollu. Jiena konvint li dak il-mument għad jasal. 

More in Politika