Robert Aquilina | Sena ġdida, l-istess manuvri u kontijiet qodma

Aħna ta’ Repubblika ġġilidna qatigħ u se nibqgħu niġġieldu b’saħħitna kollha biex l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jissaħħu u jkunu tassew għassiesa tal-Gvern u mhux pupazzi tiegħu

Waqt li lkoll konna mehdijin bl-ikliet u r-rigali tal-Milied, bil-festi ta’ solidarjetà li jsiru f’dawn iż-żminijiet u biċ-ċelebrazzjoni ta’ sena ġdida, fil-fran ta’ Kastilja kienet qed tinħema liġi oħra li se tkompli tnaqqar mid-demokrazija f’pajjiżna. Qiegħed nirreferi għall-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu l-Gvern irid jieħu f’idejh il-poter li jaħtar lil min irid bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

Lil min tafu tistaqsix għalih, jgħid il-Malti. 

Kull min jgħix f’dawn il-gżejjer jaf tajjeb ħafna kif iġib ruħu l-Gvern meta jkollu poter assolut, jaħtar lil min irid f’karigi pubbliċi. F’pożizzjonijiet maħluqin biex ikunu għassiesa tal-Gvern u biex iżommu lill-membri tiegħu kontabbli, jitpoġġew persuni speċjalizzati fir-‘rajt ma rajtx’ u s-‘smajt ma smajtx’; jitpoġġew pupazzi li l-pjan ta’ ħidma tagħhom ikun jikkonsisti f’li jħarsu lejn in-naħa ’l oħra meta jaraw it-tmermir u jagħlqu mnifsejhom meta jxommu r-riħa tinten seba’ pesti tal-korruzzjoni u tal-amministrazzjoni ħażina. 

Kulħadd f’pajjiżna jirrikonoxxi li persuna li żgur ma ġabitx ruħha b’dan il-mod kienet il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler. Matul l-aħħar snin, permezz tal-ħidma tal-Kummissarju Hyzler, sirna nafu b’bosta abbużi mwettqa minn politiċi li kienu, u wħud minnhom għadhom, spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat u ma’ Robert Abela. 

L-abbużi ta’ politiċi bħal Justyne Caruana, Carmelo Abela u Rosianne Cutajar kienu esposti u lkoll kellhom jerfgħu il-piż tar-responsabbiltà politika. B’mod jew ieħor, dawn it-tlieta ma baqgħux jokkupaw karigi Ministerjali u waqt li Abela u Cutajar irnexxielhom iżommu s-siġġu l-aħdar tal-Parlament, Caruana kellha tirtira mill-ħajja pubblika. 

Manuvra biex ipoġġu pupazz 

Aħna ta’ Repubblika ġġilidna qatigħ u se nibqgħu niġġieldu b’saħħitna kollha biex l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jissaħħu u jkunu tassew għassiesa tal-Gvern u mhux pupazzi tiegħu. Irnexxielna naslu dwar il-ħatriet tal-Maġistrati u l-Imħallfin u r-riżultati tal-bidliet li l-Gvern kien imġiegħel jagħmel diġà bdew jidhru. 

Barra minn xtutna u f’ċertu ambjenti, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri tiegħu jħobbu jiftaħru li dawn ir-riformi għamluhom huma b’inizjattiva tagħhom; għax jemmnu fihom u mhux għax gegħilnihom aħna. Dan mhu xejn għajr ftaħir fieragħ li m’għandu xejn mis-sewwa. Il-verità hi li l-Gvern Laburista kien, għadu u jibqa’ Gvern li ma jridx li l-istituzzjonijiet jaħdmu għalina iżda jridhom jaħdmu għall-interessi partiġġjani tiegħu. 

Ma’ kull opportunità li jkollu, il-Prim Ministru Abela, b’kontinwità ma’ ta’ qablu, jimmanuvra biex idgħajjef lil dawk l-istituzzjonijiet li jistgħu jikxfu l-ħmieġ li jagħmlu dawk li jpoġġu ħdejh u jċapċpulu. Permezz tal-abboz ta’ liġi li ħema waqt li l-poplu kien qed jiekol il-logs u l-panettone, Abela nkixef u wera lil kulħadd li l-interess ewlieni tiegħu mhuwiex il-funzjonament tad-demokrazija iżda li jitgħatta l-ħmieġ ta’ sħabu fil-Gvern u fil-Partit Laburista. 

Dawn il-manuvri ma huma xejn ġdid. Drajniehom u sirna nagħrfuhom mill-ewwel. Drajna wkoll niġġilduhom, u hekk se nkunu qed nagħmlu fiż-żmien li ġej. 

Huwa inaċċettabbli f’demokrazija li l-għażla tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika issir mill-Prim Ministru jew mill-Gvern tal-ġurnata. Huwa inaċċettabbli li l-Prim Ministru Abela jibdel il-liġi biex jieħu dan il-poter f’idejh u jkun jista’ jpoġġi pupazz f’istituzzjoni li teżisti biss biex tgħasses fuqu u fuq sħabu. 

Il-Malti jgħid ukoll li l-ġurnata minn filgħodu turik. Il-fatt li l-ewwel mossa politika tal-Prim Ministru għall-2023 kienet dan l-abbozz ta’ liġi anti-demokratiku ma tantx jawgura tajjeb għall-kumplament tas-sena.  

Kontijiet mhux imħallsa 

Kull min jgħix f’dawn il-gżejjer jaf ukoll li għad baqa’ bosta kontijiet li tħallew jinġemgħu matul is-snin li għaddew li għadhom mhumiex imħallsa. Bdejna sena ġdida u ġustament nistennew li sakemm nerġgħu niftħu x-xampanja biex nilqgħu sena ġdida oħra, uħud minn dawn il-kontijiet mal-ġustizzja jibdew jitħallsu. 

Mat-tokki ta’ nofsillejl tal-ewwel ta’ Jannar, aħna ta’ Repubblika ġeddidna r-riżoluzzjoni tagħna li nibqgħu nfakkru f’dawn il-kontijiet qodma u nibqgħu nħabirku u ninsistu biex il-ġustizzja li għandha ssir, issir. Wegħidna lil xulxin li mhux se nillimitaw ruħna li nagħmlu dak li nistgħu, iżda se nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex fl-2023 naslu. 

Pereżempju ma nsejniex u m’aħna se nħallu lil ħadd inessi li kien hemm uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija li ttradew il-ġurament li ħadu lejn il-poplu Malti u fixklu b’mod kriminali l-investigazzjonijiet tal-pulizija stess dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Nirrepeti dak li għidt fid-dimostrazzjoni li għamilna fil-Belt Valletta f’Ottubru li għadda: il-Kummissarju Angelo Gafà għandu f’idejh biżżejjed provi biex imexxi fil-Qorti fuq mill-inqas żewġ eks uffiċjali għolja tal-Korp. Nirrepeti li wieħed minn dawn l-eks uffiċjali mhu ħadd ħlief il-predeċessur ta’ Gafà, Lawrence Cutajar. 

Dan kollu nafu għax qaluhuli nies tal-affari tagħhom fil-Korp stess. Dan nafu għax hemm bosta pulizija serji li huma mxebbgħin sal-ponta ta’ mneħirhom b’Kummissarju li qed iħalli lil min ħammeġ l-uniformi jiġri barra qisu qatt ma kien xejn. Dan nafu għax kull min iħobb tassew lil pajjiżu ma jridx li l-impunità tibqa’ ssaltan. 

Hemm bosta kontijiet oħra li, minkejja li qed ikomplu jeqdiemu, aħna se nkomplu ninsistu li jitħallsu.  

Dalwaqt se tkun għaddiet sena mit-tfittxija li ordnat il-Maġistrat Inkwirenti fid-dar ta’ Joseph Muscat b’rabta mal-inkjesta li tlabna aħna dwar l-iskandlu tat-tliet sptarijiet. Dan il-kont mal-ġustizzja jeħtieġ jitħallas. Iħambqu kemm iħambqu l-protetturi ta’ Muscat u sħabu, aħna se nibgħu ninsitu li l-ġustizzja ssir. 

Jeħtieġ jitħallsu wkoll il-kontijiet mal-ġustizzja dwar skandli oħra li fnew lil pajjiżna fl-aħħar snin.  

Biżżejjed infakkar li l-Kummissarju Gafà għadu ma ressaq lil ħadd il-Qorti dwar il-korruzzjoni li minħabba fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia. Biżżejjed infakkar li xi ħadd bħal Konrad Mizzi, li tkeċċa mill-Partit Laburista wara r-rivelazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-Montenegro u l-kumpanija 17 Black, għadu ma rifisx l-għatba tal-Qorti. 

L-awguri mhumiex biżżejjed 

Irrid nagħlaq dan l-ewwel artiklu tas-sena l-ġdida billi nagħti l-awguri tiegħi lill-qarrejja kollha tal-ILLUM. 

Konxju li l-awguri mhumiex biżżejjed biex ikollna sena aħjar minn ta’ qabilha, sena li matulha naraw ir-riżultati u mhux biss kliem u pożi li ma jfissru xejn, manuvri antidemokratiċi li xbajna naraw bħalhom, aktar tkaxkir tas-saqajn u aktar kontijiet qodma jakkumulaw. Għalhekk, mal-awguri jeħtieġ insaħħu d-determinazzjoni u nżidu l-ħidma. 

Hekk biss jista’ jkollna sena ġdida tassew tajba għal pajjiżna.

More in Politika