Editorjal │ Demokrazija li qed tiddgħajjef u li teħtieġ check-up malajr!

Huwa fl-interess tal-Gvern - ta' kull Gvern - u allura fl-interess tal-pajjiż li min imexxi jkollu lil min jisfidah, lil min iżommu fuq ponot subgħajh u min iżommu kontabbli

L-2022 - wieħed jista' jargumenta - kienet is-sena li matulha rajna d-demokrazija fl-aqwa tagħha għaliex il-poplu għamel l-għażla tiegħu u reġa' b'qawwa kbira għażel lill-Partit Laburista biex imexxi lil dan il-pajjiż. Wieħed allura jista' jargumenta li fuq dak il-front kollox sejjer tajjeb, ma hemmx problemi u allura ma hemmx x'jinbidel jew inkella x'jiġi aġġornat, ladarba Malta pajjiż demokratiku fejn l-elezzjonijiet isiru b'trasparenza u l-poplu jkollu l-jedd jagħżel u dik l-għażla tkun irrispettata.  

Anke jekk dan huwa tassew korrett, huwa argument xi ftit jew wisq superfiċjali jekk jieqaf hemmhekk għaliex id-demokrazija u l-istat tagħha jeħtieġ nevalwawha u nagħmlulha check-up, kuljum, kull xahar u kull sena mhux kull ħames snin biss.  

U fhiex tinsab id-demokrazija llum?  

Fl-opinjoni ta' dan l-editorjal l-istat demokratiku ta' pajjiżna ddgħajjef u ddgħajjef, primarjament u qabel kollox għaliex iddgħajfu żewġ kolonnji tagħha: L-oppożizzjoni u l-midja indipendenti.  

L-2023 għandha tkun test għal min xogħlu jżomm lill-Gvern kontabbli 

Żewġ kolonni li xogħolhom huwa li jaraw illi l-eżekuttiv iwettaq dmiru b'lealtà lejn il-poplu u lejn dak li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni, kif ukoll li jikxfu u jikkundannaw il-qerq, il-korruzzjoni u n-nepotiżmu sfaċċat imħallas mit-taxxi tal-poplu.  

Nibdew mill-Oppożizzjoni. Kważi, kważi s-sitwazzjoni tant hija mwiegħra li wieħed lanqas għadu jista' jgħid li huwa persuna waħda jew sitwazzjoni waħda li taħti. Li hu żgur, huwa li l-partit fl-Oppożizzjoni ilu jaqla' tkaxkiriet ta' aktar minn 30,000 vot 13-il sena (sa mill-2009 meta tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'33,000 vot) u sal-elezzjoni ġenerali li ġejja se jkun ilu 14-il sena fl-oppożizzjoni u jekk - dejjem jekk - jirbaħha l-elezzjoni tal-2027 ikun rebaħ l-ewwel elezzjoni fi kważi 20 sena (l-aħħar li rebaħ b'1,500 vot kienet l-elezzjoni tal-2008). Il-PN irid jifhem li hija l-gravità assoluta ta' dawn in-numri l-ispejgazzjoni għaliex fost l-għeruq  - u allura fost in-nies li jsostnuh, li jwasslu l-messaġġ tiegħu, li jaħdmu għalih u li finalment jivvotawlu u jħeġġu oħrajn jivvotawlu - hemm diżillużjoni assoluta u totali. Minflok joqgħod jipprova jara f'min se jwaħħal u minflok il-PN jidħol aktar f'qoxortu kull darba li ssirlu kritika hemm bżonn jara x'sejjer ħażin biex għal dawn l-aħħar 13-il sena l-poplu rriġettah għal darba, darbtejn, għaxra... 

U għaliex għandu jagħmel dan? 

Ir-risposta tinsab madwarna. Għadna Gvern b'saħħa liema bħalha, saħħa li l-ebda Gvern qatt ma kellu sa mill-Indipendenza filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm biss qtigħ il-qalb. Titkellem ma' min titkellem li huwa votant nazzjonalist kważi kulħadd jgħidlek: "Il-Gvern se ndumu ħafna ma nerġgħu narawh."  

Meta l-partit fl-Oppożizzjoni mhux kapaċi jimmobilizza folol kbar ta' nies, meta l-partit fl-Oppożizzjoni - skont il-Kap innifsu -  mgħerreq b'dejn li kapaċi jikkrollah, meta partit fl-Oppożizzjoni jsofri telfa wara oħra u jibqa' ma jevalwax għaliex u ma jagħmilx eżami serju tal-kuxjenza u meta membri (jew eks membri) jgħidu li l-PN "weġġagħhom aktar mill-kanċer" jew li "għamluli ħajti infern" jew li Grech huwa "mażżra ma għonq il-partit", ma tistax tistenna għajr li l-Oppożizzjoni tkun mdgħajfa. 

U b'Oppożizzjoni dgħajfa jkollna Gvern laxk, Gvern li jaħseb li jista' jagħmel li jrid u jgħaddi romblu, Gvern li mhux se jfittex li jkun eċċellenti u li mhux se jfittex li jkun l-aqwa verżjoni tiegħu nnifsu. Għax jaf li tajjeb jew ħażin, medjokrità jew eċċellenza, umiltà jew arroganza hu se jibqa' jmexxi.  

Imma anke l-midja indipendenti qed tiffaċċja sfidi kbar li jeħtieġ tevalwa.  

L-ewwelnett u l-akbar sfida huma l-finanzi. Mingħajr flus u finanzjament la tista' tħallas pagi li jattiraw lill-aqwa mħuħ u lanqas tista' tiffinanzja l-operat tiegħek. Dan ifisser li sidien u edituri ta' gazzetti u midja indipendenti qed ikollhom jaraw minn fejn se jiġi l-finanzjament, jipprovaw jiddiversifikaw sabiex jibqgħu jieħdu nifs, jibqħu jħallsu l-pagi. Issa l-mistoqsija hija: Minn fejn se jiġu l-flus biex jitħallas l-operat?  

Għax il-bużillis hi li jekk Kamra tal-Aħbarijiet ikollha programmi fuq ix-Xandir Nazzjonali jew tirbaħ tenders ta' PR jgħajjruha mixtrija u korrotta. Jekk titlob finanzjament mill-pubbliku, dan ma jasalx u xorta jgħajjruha, 'bigilla' jew 'mixtrija' u jekk tikseb riklamar mill-Gvern, bħal kull Kamra tal-Aħbarijiet oħra jakkużawha li tinsab "fil-but tal-Gvern."  

F'dan il-pajjiż irridu niddeċiedu: Irridu midja li tgħid l-affarijiet kemm jista' jkun kif inhuma? Li tikxef il-qerq, is-serq u lill-korrotti? Irridu midja li tanalizza u jkollha mano libera li tagħmel dan? Irridu editorjali - bħal dan - li ma jogħmodhiex, ma joqħodx jibża' il-kliem kif se jaffetwa lil xi partit? Irridu midja li tirrispetta l-intelliġenza ta' min mhux pappagall? Jew irridu biss inċens f'għajnejna ħalli min qiegħed fil-poter jagħmel li jrid? Ħalli l-abbuż u s-serq isir fil-kwiet? Ħalli min irid ikompli jkisser lil dan il-pajjiż bil-kostruzzjoni jitħalla?  

It-tieni sfida tal-midja hija d-deżert li riesaq lejha f'termini ta' riżorsa. Jitilqu ġurnalisti ta' esperjenza li magħhom jieħdu il-kuntatti u s-sorsi u ma jiġux mibdula bl-istess talent għax ma hemmx nies, bil-konsegwenza li r-riżorsa f'ħafna Kmamar tal-Aħbarijiet qed tiġġebbed iktar minn biċċa lakstu. Dan ifisser li ġurnalist la għandu ħin jinvestiga, la għandu ħin jikkoreġi l-ortografija, la għandu ħin biex jipperfezzjona storja u fl-aħħar mil-aħħar jispiċċa inqas ħin għalih. Dan jitrażmetti fl-'Ejja ħa mmorru' u fin-nuqqas ta' serjetà.  

Imbagħad naturalment hemm il-fenomenu tal-midja soċjali, fejn l-aħbar ma tistenniex lill-Kamra tal-Aħbarijiet għax ikun diġà xerridha xi ħadd. U allura tibda l-famuża ġirja ta' min se joħroġ l-ewwel bl-aħbar, xi kultant anke jekk il-kontenut ma jkunx ikkonfermat jew inkella anke jekk il-kontenut ikun miktub ħażin.  

Għal min jitgħaxxaq bid-dittaturi u għal min jara sal-ponta ta' imnieħru fl-għamad politiku assolut u fl-injoranza ta' kif suppost taħdem demokrazija, dan l-Editorjal jaf huwa mużika għal widnejh.  

Pero' għal min vera jħobb id-demokrazija, għal min vera jħobb il-politika u fl-aħħar mill-aħħar ukoll għal min vera jħobb lill-Partit Laburista, dan l-editorjal għandu jħasseb u jinkwieta.  

Huwa fl-interess tal-Gvern - ta' kull Gvern - u allura fl-interess tal-pajjiż li min imexxi jkollu lil min jisfidah, lil min iżommu fuq ponot subgħajh u min iżommu kontabbli.  

Għalhekk l-2023 għandha tkun is-sena ta' eżami ta' kuxjenza serju għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista u għal midja kollha speċjalment dik indipendenti. Għandhom isaħħu l-irwol tagħhom ta' gwardjani tal-verità u tal-onestà fil-politika.  

More in Politika