Alicia Bugeja Said| Emendi favur l-empatija lejn l-annimali

Jgħidu li t-tiġrija sal-barkun. Ser inwegħdukom li sal-aħħar ta’ din il-leġislatura, ser nagħmlu dak kollu possibbli biex naraw il-progress tant bżonnjuż għal pajjiżna, jitwettaq u jħalli l-frott tant mixtieq

Il-ħidma Parlamentari ta’ dan il-Gvern baqgħet għaddejja b’ritmu mgħaġġel. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, seħħ fost l-oħrajn it-tieni qari tal-abbozz li jemenda l-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali, pass ieħor importanti għas-saħħa u l-benessere tal-ikbar ħbieb tagħna. 

Dan huwa settur li, filwaqt li mhux l-iktar li jidher u jissemma fuq il-midja, huwa essenzjali għaliex jesebixxi biċ-ċar l-empatija u l-umanità ta’ pajjiżna. Qegħdin nipproponu dawn l-emendi biex niżguraw l-aqwa protezzjoni legali favur l-annimali tagħna. Fl-istess ħin, qegħdin nassiguraw li l-infuzar tal-liġi ikun qiegħed jindirizza b’mod korrett id-diversi kwistjonijiet li d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali jiffaċċja fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum. 

Bħala Gvern, dejjem sħaqna li l-abbuż qatt m’għandu jiġi ttollerat. F’dan is-settur speċifiku, aħna konxji fuq il-bżonn li nitrattaw l-annimali bid-dinjità u l-imħabba li tixraqilihom. Għalhekk, bid-deċiżjonijiet kollha li ħadna, urejna toleranza zero għal dawk il-prattiċi li b’xi mod jew ieħor, ma jħarsux id-dinjita` tal-annimali. 

Biex wettaqna dan l-abbozz, konna konxji wkoll fuq wieħed mill-elementi l-iktar kruċjali: Il-konsultazzjoni. F’settur li jinvolvi eluf ta’ individwi, minn impjegati, voluntiera kif ukoll għaqdiet volontarji, kienet neċessità li nagħtu widen għax-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Mill-ewwel ġranet ta’ ħidma tiegħi bħala Segretarju Parlamentari, tennejt l-importanza li l-kommunita b’saħħitha involuta f’dan is-settur ġewwa pajjiżna, għandha mhix biss tingħata widen, iżda wkoll irwol essenzjali fl-ixprunar ta’ dan l-abbozz. 

Il-politika tagħna tkun tajba meta tkun iggwidata mill-bżonnijiet tas-soċjetà. Mhix dejjem naqblu fuq il-kif, iżda l-għanijiet ħafna drabi huma l-istess. Bħala Gvern, għandna track record b’saħħtu fejn jidħol l-ixprunar tal-progress f’pajjiżna, għaliex nafu li d-deċiżjonijiet tagħna jolqtu fil-laħam il-ħaj. 

Emendi kruċjali li qegħdin nintroduċu f’dan l-abbozz huwa li qegħdin nagħtu lill-Qorti il-poter biex tipprojbixxi lill-persuna żżomm aktar annimali, waqt is-smiegħ ta’ proċeduri fil-konfront tiegħu fuq reati mniżżlin fdan l-att. B’hekk, ser inkomplu nnaqqsu l-possibilità li xi annimali jispiċċa vittma ta’ xi tip ta’ abbużż li jkun qiegħed jiġi possibilment investigat. 

Qegħdin ukoll inniedu reġistru, biex fih jitniżżlu l-persuni kollha misjuba ħatja ta’ reat taħt l-imsemmi liġi. 

Dan ir-reġistru ser jinżamm għand il-Kummissarju tal-Harsien tal-Annimali. Aħna rridu li l-Qorti tipprojbixxi, kemm b’mod permanenti, jew għal perjodu ta’ żmien speċifiku, lil kull individwu li jkun diġa instab ħati ta’ akkuża ta’ abbuż fuq l-annimali, milli jżomm annimali. 

Saħħaħna wkoll l-operat tad-Direttur responsabbli ta’ dan id-Dipartiment. Grazzi għal dan l-abbozz, jekk id-Direttur iħoss li għandha sseħħ investigazzjoni bir-reqqa f’każ ta’ moħqrija gravi, huwa ser ikollu d-diskrezzjoni li jagħmel dan fi kwalunkwe ħin u data, mingħajr il-bżonn ta’ preavviż. B’hekk, il-possibilità li dawn ir-reati jseħħu jkompli jonqos, u l-protezzjoni tal-annimali issa ser tkompli tinfirex u tissaħħaħ. Wieħed jifhem li dan il-preavviz huwa dejjem a favur ta’ min għandu x’jaħbi – bit-tneħħija ta’ dan l-avviż f’sitwazzjonijiet partikolari, l-investigazzjonijiet ser ikomplu jseħħu bl-iktar mod effikaċi. 

Żammejna wkoll f’moħħna l-irwol kruċjali li l-għaqdiet volontarji, kif ukoll setturi oħra privati, għandhom biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijet tagħhom. Għal dan il-għan, assigurajna li d-Direttur, kif ukoll l-uffiċjali nominati minnu, għandhom il-poter u l-obbligu li jitolbu l-għajnuna ta’ kwalunkwe għaqda volontarja, u anke s-settur privat, biex jwettqu kwalunkwe funzjoni ta’ bżonn waqt l-investigazzjoni tagħhom. 

It-tnedija ta’ dan l-abbozz speċifiku mhix ser ikun it-tmiem tagħna mill-aspett leġislattiv fuq dan is-settur. Taħt il-poteri li hemm preżentament f’dan l-att, ħdimna diġa fuq numru ta’ liġijiet sussidjarji, bil-għan li jkomplu jsaħħu l-ħidma fejn jidħol il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali. Kif ħabbarna wkoll waqt il-Baġit, se nippubblikaw numru ta’ liġijiet li jirregolaw il-professjonijiet tal-pet sitters, dawk li jrabbu lill-annimali, iz-zoos, u kif ukoll il-groomers. Dawn kollha jinsabu fl-istadju finali tagħhom qabel il-pubblikazzjoni, u nħares 'il quddiem biex fi żmien qarib, dawn il-liġijiet jitniedu u jħallu l-effett pożittiv li qegħdin naspiraw għalih. 

Dan li qiegħed insemmi llum huwa biss pass żgħir mill-ħidma li dan il-Gvern qiegħed jipproponi, kemm għal din is-sena u kif ukoll għall-bqija ta’ din il-leġislatura. Il-proġetti infrastrutturali, l-għajnuniet finanzjarji, kif ukoll l-emendi legali saru diġa tessut importanti ta’ dan il-Gvern. 

Jgħidu li t-tiġrija sal-barkun. Ser inwegħdukom li sal-aħħar ta’ din il-leġislatura, ser nagħmlu dak kollu possibbli biex naraw il-progress tant bżonnjuż għal pajjiżna, jitwettaq u jħalli l-frott tant mixtieq. 

Nawgura s-Sena t-Tajba, lilkom il-qarrejja u lill-għeżież tagħkom. 

More in Politika