Carmel Cacopardo | Il-gwerra man-natura hi suwiċidali

Kull ma hawn jgħix fid-dinja hu sostnut min-natura: imma xorta waħda in-natura qed taqlagħha kullimkien. Ir-rata tal-estinsjoni tal-ispeċi hi waħda astronomika

Jekk irridu nagħmlu progress fil-ħidma biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll jeħtieġ li l-gwerra li għaddejja kontra n-natura tintemm l-iktar kmieni possibli. Dan ġie emfasizzat minn Inger Anderson, id-Direttur Eżekuttiv tal-United Nations Environment Programme (UNEP) meta kienet qed tindirizza l-laqgħa tal-istati membri li kienu qed jipparteċipaw fil-konferenza dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq id-Diversità Bijoloġika, liema konferenza preżentement qed tiltaqa’ f’Montreal.

Dan ġie emfasizzat ukoll minn numru mhux żgħir ta’ kelliema f’okkazjonijiet oħra, partikolarment f’dawk dwar il-klima: l-iktar riċenti f’Sharm El Sheikh waqt il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-pajjiżi diversi dwar il-konvenzjoni dwar it-tibdil tal-klima.

Il-konvenzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika huma tnejn mill-bosta inizjattivi tal-komunità internazzjonali fl-isforz li ilu għaddej biex dan l-assalt kontinwu tal-bniedem kontra in-natura jintemm, il-lum qabel għada.

Saru passi żgħar ‘il quddiem, imma dawn huma ferm inqas milli hu meħtieġ biex ikun hemm xi forma ta’ impatt u tieqaf il-ħsara li qed issir kif ukoll jibdew jitwettqu l-miżuri li bihom tissewwa l-ħsara li saret.

It-triq ilha għat-telgħa għal iktar minn 50 sena. Kien fi Stokkolma, f’Ġunju 1972, li l-komunità internazzjonali qablet għall-ewwel darba li l-ambjent kien materja ta’ importanza kbira u li kien jimmerita li jkun ikkunsidrat bħala parti mill-aġenda politika globali.

Il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Ambjent Uman, li saret fi Stokkolma fl-1972, ħejjiet it-triq għall-governanza ambjentali internazzjonali. Il-Konferenza ta’ Stokkolma kienet responsabbli biex l-ambjent beda jifforma parti mid-dizzjunarju politiku kontemporanju.

Meta din il-ġimgħa kif qed jagħti bidu għall-konferenza dwar il-Bijodiversità f’Montreal, Antonio Guterres, Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda qal li l-bniedem kien qed jittratta lin-natura daqs li kieku kienet latrina. In-natura, saħaq Guterres, hi l-ikbar ħabib tal-bniedem: imma mingħajr in-natura m’aħna xejn u m’għandna xejn!

In-natura qed tiġi mheddha b’diversi modi: bl-urbanizzazzjoni, bid-diforestazzjoni, bl-agrikultura intensiva, b’kull xorta ta’ tniġġiż, bit-tibdil fil-klima kif ukoll permezz tal-firxa ta’ diversi speċi invażivi. Possibilment dawn huma l-għodda ewlenin fil-ġlieda qalila tal-bniedem kontra in-natura.

Hemm bżonn li flok ma niġġieldu man-natura nibdew nimxu id f’id magħha. Man-natura, imma, ma hemmx possibilità li noqgħodu ninnegozjaw. Irridu nfittxu li nistabilixxu l-paċi mill-iktar fis possibli u dan qabel mal-istess natura iżżid il-qawwa tar-ritaljazzjoni tagħha. Dan diġa beda jseħħ, imma is-sitwazzjoni, bla dubju, għad tkun ferm agħar milli hi illum.

Kif għidna, man-natura ma tistax toqgħod tinnegozja. Dak li n-natura trid hu ċar u sempliċi: kapitulazzjoni bla kundizzjoni. Jeħtieġ li nibdlu l-imġieba tagħna. In-natura tista’ tkun ħabib li nistgħu nafdaw. Imma jekk nittrasformawha f’għadu taf tkun qalila kif qed naraw kontinwament bl-impatti tat-tibdil tal-klima.

Kull ma hawn jgħix fid-dinja hu sostnut min-natura: imma xorta waħda in-natura qed taqlagħha kullimkien. Ir-rata tal-estinsjoni tal-ispeċi hi waħda astronomika.

Li nestendu ż-żoni protetti mhux biżżejjed biex inwaqqfu l-ħsara li qed issir lin-natura. Jeħtieġ li nibdlu l-imġieba tagħna bis-serjetà b’hekk inkunu qed nindirizzaw diversi theddid ambjentali.  Jeħtieġ li nwaqqfu l-firxa tal-ispeċi invażivi kif ukoll id-deforestazzjoni. Tinħtieg protezzjoni ta’ vera lill-art agrikola.  Hu assolutament meħtieġ li ndaħħlu ftit sens fl-ippjanar għall-użu tal-art. Anke s-sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali jeħtieġu l-attenzjoni tagħna biex jiġu eliminati, darba għal dejjem. Għandna fuq kollox nipproteġu dak li baqa’ mir-riżorsi naturali li huma fdati f’idejna!

Huwa biss meta dak li nagħmlu jaqbel ma dak li kliem sabiħ li nlissnu li nistgħu nibdew ikollna r-riżultati. Sa dakinhar nibqgħu noqorbu lejn suwiċidju kollettiv.

More in Politika