Robert Aquilina | Bolzano, Valletta, Ewropa: flimkien kontra l-kriminalità organizzata

Ilna nappellaw lill-Prim Ministru biex jinħela inqas fuq il-propaganda rħisa u jkollu l-kuraġġ li tassew jbiddel ir-rotta li qabad pajjiżna. Jista’ jibda billi mingħajr aktar telf ta’ żmien iniedi konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdiliet li hemm bżonn isiru lil-liġi li tipproteġi l-whistleblowers

Din il-ġimgħa, fuq stedina tal-Fondazione Falcone u tar-Reġjun tal-Alto Adige, kelli l-privileġġ nieħu sehem u nindirizza attivita’ li saret fl-Universita’ ta’ Bolzano. Din l-attivita’ kienet qed issir biex ħadd ma jinsa l-istraġi wara l-oħra li għaddiet minnhom l-Italja minħabba l-Mafja.

F’Bolzano rajt ċar kristall li min iħobb lil pajjiżu ma jaħbix il-problemi taħt it-tapit, iżda joħroġhom għad-dawl tax-xemx biex iktar nies jarawhom, jagħrfu l-kruha tagħhom, u jiċħduhom.

Lill-istudenti żgħażagħ preżenti fl-Aula Magna ta’ din l-Università, irrakkontajtilhom min kienet Daphne Caruana Galizia u spjegajtilhom l-għaliex ġiet assassinata. Għedtilhom li Daphne nqatlet għax kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni u l-mod kif il-kriminalità organizzata kienet infiltrat il-politika u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Ħeġġiġthom jibqgħu jiftakru u jfakkru d-diżastri li għamlet il-kriminalità orgaizzata f’pajjiżhom bl-istess mod kif aħna, hawn Malta, nibqgħu nfakkru lil oħtna Daphne f’kull okkażjoni li jkollna. Jekk tassew irridu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jeħtieġ li lkoll kemm aħna, mill-ikbar fosta sal-iżgħar fostna, ma ninsew qatt dak li għaddejna minnu.

Jeħtieġ fuq kollox nagħtu appoġġ sħiħ lil dawk fl-istituzzjonijiet li jħaddnu u jipprattikaw il-valuri tal-onestà; lil dawk li jaħdmu bla heda, spiss b’sogru personali għalihom, biex iwassluna għall-verità u l-ġustizzja. Għalhekk, anke f’Bolzano, bgħatt messaġġ ta’ kuraġġ lill-uffiċjali tal-pulizija, lill-Maġistrati u lill-Imħallfin tagħna li kuljum qed jaqdfu kontra l-kurrenti qawwija tal-ħażen biex iwasslu lil pajjiżna fit-triq tal-fejqan.

Ħadt gost nara li f’Bolzano huma dawk li jiġġieldu għas-sewwa li huma meqjusa bħala eroj u mhux bil-maqlub. Kien ta’ sodisfazzjon kbir ninnota li għal dawn iż-żgħażagħ it-tradituri mhumiex dawk li jikxfu l-ħażin iżda dawk li jagħmluh. Fuq kollox, kont impressjonat bl-impenn u bid-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-komunità ta’ Bolzano fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Bżonn ta’ proġett Ewropew kontra l-kriminalità organizzata

Dan l-impenn jeħtieġ insaħħuħ. Bħalma l-kriminalità organizzata llum hija organizzata internazzjonalment, il-ġlieda kontriha jeħtieġ intellgħuha fuq livell internazzjonali wkoll. Hekk biss nistgħu nindirizzawha u niġġildulha bis-serjetà u b’mod effettiv: Flimkien.

L-isforzi tagħna l-Maltin jeħtieġ ngħaqqduhom mal-isforzi tat-Taljani u ta’ Ewropej oħra fi proġett komuni Ewropew li jiġġieled il-kriminalità organizzata. Biex dan isir, jeħtieġ qabelkollox li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-diversi mafji li jeżistu fit-territorju bħala fenomenu li jhedded u li jfaqqar il-kontinent kollu.

Il-ħidma kontra l-kriminalità organizzata m’għandiex tieqaf mal-fruntiera ta’ pajjiż jew ieħor. Wasal iż-żmien li dawn l-organizzazzjonijiet kriminali jkunu miġġielda bi sforz u bi strumenti li jinvolvu l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha u anke pajjiżi oħrajn li magħhom għandna relazzjoni mill-qrib.

Jeħtieġ ukoll nibnu kultura Ewropea kontra dawn il-mafji. Dan nistgħu nagħmluh billi nibdew niċċelebraw dawk l-eroj nazzjonali li ġġieldu kontra l-kriminalità organizzata f’pajjiżhom bħala eroj Ewropej: B’mod simili għal kif Daphne Caruana Galizia hija mfakkra fil-Parlament Ewropew.

Biex tintrebaħ il-kultura tal-mafja jeħtieġ nibnu kultura iktar b’saħħitha minnha. Jeħtieġ li l-mudelli li jispiraw iż-żgħażagħ tagħna ma jkunux dawk li jagħmlu l-flus b’modi illeċiti iżda dawk li jitħabtu għas-sewwa, għall-ġustizzja u għall-ġid komuni.

Fl-għaqda bejnietna nistgħu nsibu ħafna u ħafna iktar saħħa u determinazzjoni milli għandna llum. L-għaqda bejnietna tista’ twassalna ferm aktar minn kemm nistgħu naslu waħidna.

Il-ħabib ta’ Pilatu f’Kastilja

Din il-ġimgħa wkoll, fil-Qorti, komplejt niżvela x’instab permezz tal-Inkjesta Pilatus. Żvelajt li meta fl-2016 Ali Sadr Hasheminejad – dak tal-bagalja – ried jiftaħ fergħa f’Londra, l-MFSA ma ħallitux minħabba investigazzjoni li kienet qed issir mill-FIAU.

Ma nafx jekk kemm dam Malta Ali Sadr tgħallimx xi kelma jew tnejn b’ilsienna, iżda donnu l-qawl ‘aħjar ħabib fis-suq minn mit skud fis-senduq’ kien jafu sewwa! Il-ħabib li kellu tal-Pilatus kien ipoġġi fis-suq ta’ Kastilja, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u kien jismu Keith Schembri.

Fil-Qorti ppreżentajt email li turi li Ali Sadr talab lill-ħabib tiegħu Keith Schembri biex jintervjeni u jirranġalu mal-MFSA. Żvelajt ukoll li minn tfittxija li saret fis-servers tal-MFSA instab li fl-istess żmien Keith Schembri kien fil-fatt kiteb lill-MFSA u li kien ukoll irċieva emails lura.

Oħroġ il-għaġeb, ftit tal-ġimgħat wara, l-MFSA ħarġet il-permess lill-Pilatus Bank biex jiftaħ il-fergħa li ried Ali Sadr f’Londra.

Magħmula biex ma jsir xejn

Meta daħħal il-liġi li suppost tipproteġi lill-whistleblowers, fl-istess żmien li kienu qed jitwieldu l-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Mr & Ms Egrant, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat tgħidx kemm ftaħar li b’din il-liġi kienet se tkun miġġielda l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel.

Għaddew kważi għaxar snin minn fuq din il-liġi u l-uniku darba li ntużat kien biex isir frame-up fuq ir-raġel tal-Eks Ministru Giovanna Debono.

Flimkien mal-Whistleblower International Network, Repubblika ppubblikat studju li juri biċ-ċar li din il-liġi kienet iddisinjata biex żgur ma taħdimx. Prattikament, għamluha biex żgur ma jsir xejn.

Ibda biex din il-liġi ma tinkludix bosta rekwiżiti tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. L-agħar ħaġa li fiha din il-liġi hija l-influwenza kbira li għandu l-gvern tal-ġurnata fuq jekk persuna għandhiex tingħata l-istatus ta’ whistleblower jew le.

Kull fejn ikun u ma’ kull nifs li jieħu, il-Prim Ministru tal-lum Robert Abela jiftaħar li, kemm ilu li ħa t-tron lil sieħbu l-Prim Korrott, l-affarijiet f’pajjiżna marru ’l quddiem. Kultant, jien u nisimgħu jitkellem, nibda nissuspetta li Abela jrid jagħti l-impressjoni li fl-2019 kien qed jipprotesta magħna fit-toroq tal-Belt Valletta. Imbagħad noqros lili nnifsi u niftakar li dak iż-żmien Abela ma kien ikun imkien ħlief spalla ma’ spalla ma’ Muscat bħala l-konsulent ewlieni tiegħu!

Kull min joqros lilu nnifsu u josserva mill-qrib x’jiġri tassew f’dawn il-gżejjer tagħna jaf li bejn il-kliem tal-Prim Ministru u l-fatti li ngħixu kuljum hemm baħar jikkumbatti.

Ilna nappellaw lill-Prim Ministru biex jinħela inqas fuq il-propaganda rħisa u jkollu l-kuraġġ li tassew jbiddel ir-rotta li qabad pajjiżna. Jista’ jibda billi mingħajr aktar telf ta’ żmien iniedi konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdiliet li hemm bżonn isiru lil-liġi li tipproteġi l-whistleblowers. Aħna l-proposti tagħna diġà bdejna nagħmluhom però nafu li jeħtieġ nisimgħu iktar u mingħand iktar nies.

Jekk dan jibqa’ ma jagħmlux aħna nifhmu li, bħalma għamel ta’ qablu, Abela se jżomm miftuħin beraħ il-bibien għall-korruzzjoni u l-abbużi.

More in Politika