Clive Farrugia | Il-perċezzjoni tas-Servizz Pubbliku

Jikteb Clive Farrugia li huwa l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni

Is-Servizz Pubbliku jmiss kull aspett tas-soċjetà tagħna, b’servizzi f’kull stadju ta’ ħajjitna. Biex jirnexxilu jagħmel dan, is-Servizz Pubbliku jimpjega eluf ta’ impjegati. Bħala l-ikbar organizzazzjoni li tħaddem nies, forsi hemm perċezzjoni sfavorevoli li l-uffiċjali pubbliċi ma jaħdmux daqs il-kollegitagħhom fis-settur privat. Jien kont wieħed minn dawk li ħsibt b’dan il-mod, iżda issa nista’ nikkonferma kemm kont sejjer żbaljat.

L-identità tas-Servizz Pubbliku għadha fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa. Wieħed jista’ jargumenta li s-Servizz Pubbliku jinsab f’kull rokna tas-soċjetà tagħna u mhux biss qiegħed hemm biex joffri servizz iżda biex jiżgura li l-Amministrazzjoni Pubblika timxi bla xkiel id f’id mal-Gvern. Għandna r-rwol li nissalvagwardjaw liċ-ċittadini tagħna, iżda b’mod parallel jeħtieġ ukoll li mmexxu ’l quddiem proġetti u inizjattivi mmexxija mill-Gvern. Din il-prattika ilha għaddejja sa mill-bidu tas-Servizz Pubbliku. Madankollu, tibqa’ l-mistoqsija, għal xiex qegħdin hawn? 

Irridu li jkollna Servizz Pubbliku modernizzat fejn iċ-ċittadini kollha jkunu moqdija permezz tal-użu tal-għodod l-aktar effiċjenti biex jakkomodaw il-ħtiġijiet u t-talbiet tagħhom. Ma nistgħux nibqgħu aktar id-dipartiment tal-burokrazija jew tal-karti. Irridu nisfidaw lilna nfusna biex insibu soluzzjonijiet aktar malajr, u biex noffru servizzi aktar rapidi, effiċjenti, u aċċessibbli. Dan joħloq sfida; dik li tinbidel il-perċezzjoni tan-nies dwar is-Servizz Pubbliku. 

Clive Farrugia
Clive Farrugia

Aħna lkoll nafu li qed ngħixu f’era teknoloġika li fiha nnifisha tħeġġeġ soluzzjonijiet u tweġibiet immedjati u dan iwassalna biex inwettqu riċerka interna dwar il-prestazzjoni tagħna u kif għandna bżonn nimmodernizzaw l-istrutturi tagħna. Fil-fatt, twaqqaf kumitat għad-diġitalizzazzjoni bil-għan li jipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi aħjar. Madankollu, it-teknoloġija mhix l-uniku punt fokali tagħna. L-ewwel u qabel kollox hija l-mentalità. Jeħtieġ li nipprovdu liċ-ċittadini tagħna soluzzjonijiet loġiċi, rapidi u mingħajr karti. 

Ir-rekord tagħna juri li aħna fost l-aħjar fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-eGovernment u fil-fatt ilna nakkwistaw l-ewwel post għal għadd ta’ snin. Aħna se nkomplu nibnu fuq il-ġid li għamel is-Servizz Pubbliku iżda issa se mmexxu wkoll bl-eżempju. Ma nistgħux nippriedkaw dwar l-adozzjoni ta’ sistemi mingħajr karti meta internament ikollna sistemi li għadhom ibbażati fuq il-karta, u għalhekk se nintroduċu sistema ġdida online biex nibbukkjaw il-leave tal-vaganzi b’mod dirett għall-35,000 utent tagħna. Ma nistgħux nippriedkaw dwar vetturi elettriċi meta aħna xorta nużaw karozzi tal-fjuwil u għalhekk, qed naraw kif se nżidu l-karozzi elettriċi anke għall-pożizzjonijiet ta’ kapijiet fis-Servizz Pubbliku. Dawn huma biss l-ewwel passi lejn Servizz Pubbliku aħjar. 

Is-Servizz Pubbliku jeħtieġ li jkollu interazzjoni aħjar mal-klijenti tiegħu, jiġifieri maċ-ċittadini Maltin kollha. Qed ninvestu f’mezzi diġitali aħjar biex nipprovdu għarfien aħjar dwar x’qed nagħmlu. F’dawn l-aħħar ħames xhur, irnexxielna nippromwovu firxa ta’ kampanji, immirati lejn l-anzjani u ż-żgħażagħ, kif ukoll dwar l-ambjent, dwar l-għajnuna legali, l-isport u aktar. Irnexxielna wkoll inżuru diversi dipartimenti tal-Gvern u se nkomplu nżuru ħafna aktar. Barra minn hekk, qed nużaw dan l-ispazju bħala parti minn kollaborazzjonijiet ġodda fil-gazzetti. Aħna wkoll nidhru fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali li jippromwovu dak li jkun għaddej f’dak il-mument, iżda l-aktar importanti aħna qegħdin hemm, preżenti, nisimgħu lill-pubbliku. 

Azzjonijiet bħal dawn ma jittiħdux għall-pubbliċità, iżda biex jagħtu leħen lil dawk l-għalliema li jissagrifikaw il-karriera tagħhom għal edukazzjoni aħjar, lil dawk l-infermiera u t-tobba li jżommu s-sistema tas-saħħa tagħna f’postha, lil dawk l-uffiċjali tal-pulizija li jipproteġuna kuljum, lil dawk il-ħaddiema tal-uffiċċju li jamministraw inizjattivi ewlenin, lil dawk il-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif li jagħmlu l-ambjent tagħna aħjar, lil dawk l-impjegati pubbliċi kollha li jintesew u jipprovdu xogħol siewi lejn kull wieħed u waħda minna. 

Iva, għandna bżonn li nibdlu l-perċezzjoni tiegħek dwar dak li nagħmlu. Iva, irridu nkomplu nimbuttaw’il quddiem għal Servizz Pubbliku aħjar. Iva, aħna lesti li nisimgħu u naġixxu għal Servizz Pubbliku modern.

More in Politika