Editorjal | X'inhu jiġri fit-toroq tagħna?

Ejja ma niħdux l-attitudni ta' "u iva mhux xorta" jew "xi trid tagħmel?" għax jekk is-sitwazzjoni fit-toroq sejra għall-agħar, dan qed jiġri għal kulħadd

X'inhu jiġri fit-toroq tagħna? Xi ħaġa qed jiġri biex ta' kuljum filgħodu, f'nofsinhar u filgħaxija qed nirrapportaw inċidenti - ħafna minnhom koroh - li qed iseħħu fit-toroq. Inċidenti li nfakkru li ħallew aktar minn 23 persuna bla ħajja - nies, ħafna minnhom fiż-żgħożija jew fl-aqwa ta' ħajjithom. Imwiet li jħallu warajhom uġigħ ta' qalb kbira, sens ta' rabja u sens ta' telf. 

Minn nhar it-Tnejn sal-bieraħ seħħew mhux wieħed jew tnejn imma tmien inċidenti li ħallew nies l-isptar - li minnhom wieħed kien saħnsitra fatali. 

Nhar it-Tlieta seħħ inċident fis-Siġġiewi li ħalla raġel ta' 35 sena jsofri minn ġrieħi gravi, nhar il-Erbgħa li għadda raġel ieħor - sewwieq ta' mutur - iweġġa' gravi wkoll wara inċident fil-Mosta.

Il-Ħamis imbagħad tkun l-agħar ġurnata tal-ġimgħa hekk kif filgħodu l-Kmamar tal-Aħbarijiet qamu għall-aħbar ta' inċident ieħor fatali, li din id-darba seħħ f'Tas Sliema u ħalla raġel - sewwieq ta' mutur ieħor - ta' 32 sena mejjet. Persuna oħra involuta f'dan l-inċident iddaħħal l-isptar bi ġrieħi gravi.  Iktar tard fl-istess jum, nirċievu l-aħbar li żewġt irġiel oħra ddaħħlu l-Isptar - wieħed minnhom f'qagħda gravi - wara inċident fil-Gżira. 

Il-Ġimgħa qomna għall-aħbar mid-Dipartiment tal-Midja tal-Pulizija li mara inqalbet bil-karozza f'Ħal Qormi u li fiha kien hemm ukoll żewġt itfal - bil-mara issofri minn ġrieħi gravi wkoll.  Aktar tard ħabta oħra fl-Għarb tħalli raġel ieħor l-Isptar bi ġrieħi gravi. 

U nkomplu... il-Ġimgħa vann mimli studenti jibqa' dieħel ġo ħajt wara li x-xufier tilef il-kontroll.

Is-Sibt qomna għall-aħbar ta' ħabta oħra bejn żewġ karozzi f'Għawdex - li ħalliet żagħżugħ bi ġrieħi serji, li jfisser illi kien f'qagħda ħażina ħafna. 

U min jaf dalgħodu int u taqra dan l-editorjal, qomniex għal aktar inċidenti, nies l-isptar jew allaħaresqatt vittma oħra. 

Din ġimgħa waħda biss!

Qed nirrealizzaw kemm qed inħallsu prezz għoli għal dawn l-inċidenti? Prezz morali imma anke finanzjarju. 

Nies li qed jispiċċaw l-Isptar bi ġrieħi li jafu jħalluhom b'diżabilità għal għomorhom. Filli persuna b'saħħitha, tmur għax-xogħol, filli ma tistax timxi jew tispiċċa tiddependi minn nies u mill-benefiċċji soċjali. Qed nikkunsidraw il-prezz għoli li qed jitħallas għal dawn l-inċidenti kollha? Mhux biss l-ogħla prezz tal-ħajja, imma anke l-prezz ekonomiku u finanzjarju.

U x'inhu jiġri fit-toroq tagħna? 

Daqshekk sar hawn ġenn u frattarija li kulħadd jagħmel li jrid u jsuq kif irid? Kulħadd moħħu fil-mowbajl - biex iċempel jew itella' ritratt waqt li qed isuq - imbagħad jitlef il-kontroll? Kulħadd jiġi jaqa' u jqum hux qed isuq fis-sakra jew le (meta llum hawn għal servizz wieħed, ħamsa ta' taxis - ħafna minnhom bi prezzijiet raġonevoli)?

Daqshekk qed jiffrustra nies dan it-traffiku kważi kuljum, f'ħafna partijiet ta' Malta, speċjalment in-naħa ta' isfel? Daqshekk qed tinħoloq frustrazzjoni fit-toroq li qed twassal għal dawn l-inċidenti kollha?

Irridu nistaqsu x'inhu jiġri. Il-Gvern irid jistaqsi x'inhu jiġri. Min isuq irid jistaqsi x'inhu jiġri. 

Dan l-editorjal jemmen li wasal iż-żmien li  - l-ewwel u qabel kollox - terġa' tiddaħħal id-dixxiplina fit-toroq. Dixxiplina mhux biss ta' kamera - li kulħadd isuq kif suppost quddiemha, imbagħad erħilna nsuqu qisna f'xi Wild West wara! Imma tal-pulizija fit-toroq. Preżenza qawwija ta' pulizija fit-toroq li jaraw illi l-liġijiet qed ikunu mħarsa u min ma jħarishomx iħallas u jħallas prezz qares. 

Kien hemm żmien fejn ħadd ma riedu s-seatbelt u fil-bidu aqta' kemm kien hawn tgergir. Iżda għax kien hemm id-dixxiplina malajr indraw is-seatbelts, tant li llum lanqas biss taħsibha darbtejn biex tilbsu. 

Mela hemm bżonn dixxiplina stretta. Għallinqas sakemm is-sitwazzjoni tikkalma u jonqsu n-numri. 

It-tieni - u qed naraw li l-Gvern diġà beda jagħmel dan - hemm bżonn li tintensifika l-kampanja edukattiva. Bħalissa min isegwi stazzjonijiet Maltin jista' jinnota illi hemm riklamar kontinwu dwar l-importanza li "ssuq bil-galbu" u dan huwa tajjeb u għandu jibqa' jsir b'mod qawwi - bl-istess mod u intensità li bih ġie riklamat il-Baġit. Tiftaħ fejn tiftaħ - mill-Facebook, sa Youtube, sa kull stazzjon televiżiv irridu nibdew naraw ir-riklam "Suq bil-galbu." Il-Gvern ma għandux bżonn lezzjonijiet fuq eżerċizzji ta' Relazzjonijiet Pubbliċi għax huwa espert fuqhom! Mela ejja mmexxu, mhux biss għal sewqan bil-galbu imma wkoll b'rispett.

Pero' għat-tul hemm bżonn strateġija li tnaqqas il-karozzi. U ma hemmx soluzzjoni oħra ħlief din fit-tul. Huwa ta' xejn li noqgħodu inħarsu kullimkien ħlief hawn, għax din hija l-unika soluzzjoni. Imma biex tnaqqas il-karozzi mit-toroq trid viżjoni għat-tul, trid proġetti li qed jaħsbu għat-tul - u kemm jista' jkun iżda proġetti li ma jdumux eternità biex isiru jew eternità nistudjaw fihom! Hemm bżonn allura trasport tal-massa effiċjenti - fuq jew taħt l-art.

Kif aħna m'aħniex inkampaw! U ma nidħkux bin-nies, mhu vera xejn li t-trasport pubbliku b'xejn wassal għal xi żieda qawwija ta' eluf ta' nies li ħallew il-karozza d-dar biex qed jaqbdu tal-linja kuljum. Lilhinn mill-persetaġġi u ċ-ċifri kull min jaqbad tal-linja jaf li porzjon kbir ta' passiġġiera fuq it-traport pubbliku huma u baqgħu (u hekk jidher li se jibqgħu) Maltin li ma għandhomx karozza u pensjonanti, barranin li jaħdmu pajjiżna u li fil-maġġor parti ma jixtrux karozza u l-maġġoranza tat-turisti. Filwaqt li trasport b'xejn kienet u hija inizzjattiva tajba hija biss il-qatra f'oċean ta' dak li hemm bżonn isir u li la dal-Gvern, lanqas ta' qablu u lanqas l-Oppożizzjoni ma jidher li għandhom il-kuraġġ li jagħmlu: Jiġifieri jnaqqsu l-karozzi mit-toroq. 

Ejja ma niħdux l-attitudni ta' "u iva mhux xorta" jew "xi trid tagħmel?" għax jekk is-sitwazzjoni fit-toroq sejra għall-agħar, dan qed jiġri għal kulħadd. 

Nhar is-Sibt anke il-President tar-Repubblika George Vella tkellem u qal li hemm bżonn isir aktar. 

La qalha l-President - l-ogħla awtorità kostituzzjonali - ma jifdalx dubju li min fl-awtoritajiet qed jieħu attitudni ta' "xi trid tagħmel?" u "affarijiet li jiġru!" huwa maqtugħ mir-realtà, arroganti u inkompetenti. 

Irridu neżaminaw dak li qed iseħħ fit-toroq tagħna u nieħdu azzjoni. 

Il-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt se jkomplu jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fit-toroq, kif sar fil-ħarġa tal-bieraħ tal-gazzetta ILLUM - mhux biss bil-kritika, imma wkoll b'aktar għarfien. 

More in Politika