Editorjal | Stabilità u ċertezza, iva... Imma huwa future-proof?

Dan l-editorjal jemmen li minkejja l-għajnuniet biex intaffu t-tbatija finanzjarja tal-lum, għadu mhux isir biżżejjed biex ikun assigurat li meta jerġa' jkollna pressjonijiet inflazzjonarji qawwija fil-futur inkunu preparati

Il-Baġit li għadu kif ressaq il-Gvern kien id-duwa neċessarja biex tkun indirizzata l-isfida kbira tal-għoli tal-ħajja. L-għoli tal-ħajja li tnaqqar minn dak li jkun għad fadallu l-ħaddiem fil-but u li wara kollox idgħajjef il-pagi. 

Għalhekk dan kien baġit li permezz tiegħu l-Gvern mhux biss irrikonoxxa l-problema iżda indirizzaha. Ta' min infakkru li meta ngħidu inflazzjoni qed ngħidu li pakkett għaġin li kien jiswa' €1 ġimgħa ilu, illum sar jiswa' €1.20, li xirja laħam kienet tiswa' €60 is-sena l-oħra, illum tiswa' €80 u probabbilment s-sena d-dieħa se tkun tiswa' €100, qed ngħidu li proprjetà li s-sena l-oħra kienet tiswa' €175,000 illum tiswa' €200,000 u s-sena d-dieħla se tkun tiswa' €230,000. Qed ngħidu li ikla għal tnejn f'ristorant bi prezzijiet medji, f'Jannar kienet tiswa' €60 u llum qed tiswa €70.

Għalhekk miżuri bħall-għajnuna lil individwi u koppji vulnerabbli u dawk li jaqilgħu inqas minn €17,700, żieda fiċ-children's allowance, ċekkijiet ta' rifużjoni, €9.90 żieda fil-COLA - l-ogħla fi 22 sena żgur - żieda ta' €12.50 fil-ġimgħa lill-pensjonanti u estensjonijiet ta' skemi bħal dawk tal-First u Second Time Buyers u skema ta' €10,000 lil First Time Buyers - huma kollha miżuri pożittivi. Kollha huma għajnuna għal dan l-impatt qawwi tal-inflazzjoni, kif naturalment huwa pożittiv il-fatt li l-Gvern qed jissussidja il-prezzijiet tal-enerġija li jfisser illi qiegħed iservi ta' lqugħ biex il-familji u speċjalment in-negozji ma jiffaċċjawx għoli fil-kontijiet tad-dawl propju eżatt malli qed jieħdu l-ewwel nifsijiet wara pandemija, li ma ġabitx ekonomija għalkopptejha għax il-Gvern ippompja l-flus f'vouchers, Wage Supplement u għajnuniet oħrajn. 

Minkejja dan iżda, dawn l-għajnuniet qed jindirizzaw is-sitwazzjoni kurrenti biss. Bħal soluzzjoni stop gap, li qed tindirizza r-realtà inflazzjonarja tal-lum. Iżda għall-futur? Qed nippreparaw lill-ekonomija biex tkun futur-proof - kif kien jgħid dan il-Gvern stess li għandha tkun? 

Dan l-editorjal jemmen li minkejja l-għajnuniet biex intaffu t-tbatija finanzjarja tal-lum, għadu mhux isir biżżejjed biex ikun assigurat li meta jerġa' jkollna pressjonijiet inflazzjonarji qawwija fil-futur inkunu preparati. 

Nemmnu li biex nilqgħu għal dan hemm bżonn li 1) il-Gvern jaħdem biex il-pajjiż isir ħafna aktar indipendenti fil-fornitura tal-ikel, billi jimmasimizza l-potenzjal agrikolu tal-pajjiż. 2) Jattira dejjem aktar swieq li jħallsu pagi għolja u 3) Ikun aċċertat suq ugwali tax-xogħol fejn kulħadd huwa mħallas skont il-liġi u jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali. 

Fuq l-ewwel punt huwa importanti illi l-Gvern mhux biss jgħaddi l-Liġi tal-qbiela imma jaċċerta wkoll permezz tagħha u lilhinn minn hekk li tkun protetta u użata sal-massimu tagħha l-art agrikola, mhux għandna għelieqi u art (u mhux ftit!) li tinsab f'abbandun totali. Il-Gvern għandu wkoll ikompli - b'modi li huma permessi mill-UE -  jippromovi u jgħin kemm jista' lill-bdiewa, raħħala, lil dawk li jixtiequ jsiru bdiewa u raħħala (b'inċentivi jekk tieħu kors universitarju relatat), b'għajnuniet lil dawk li jkabbru qmugħ, ċereali, ħaxix u frott, dwieli u aktar. 

Naturalment qatt mhu se nkunu f'pożizzjoni ta' indipendenza assoluta fil-forniment tal-ikel, għal diversi raġunijiet fosthom id-daqs tal-pajjiż, imma ħarsa madwarna malajr turik li altru milli qed nilħqu l-potenzjal tagħna. 

It-tieni huwa li l-Gvern ikompli jattira lejn il-pajjiż swieq u industriji li jħallsu tajjeb, b'pagi tajbin bħal ma hi l-industrija tal-Gaming, tal-Biomedika, tal-Kannabis Medika, tal-Avjazzjoni u oħrajn.

It-tielet punt huwa li l-Gvern jaċċerta li jkun hemm ġlieda fuq l-abbuż. Meta l-abbuż u t-tħaddim tan-nies mingħajr drittijiet u mingħajr l-osservanza lejn il-liġi tax-xogħol tkun ipperpetwata, għax il-Gvern iħallih għaddej, ikun qed joħloq diżlivell fis-suq u jagħti vantaġġ lil min qed jitħaddem kontra l-liġi fuq min jitħaddem bil-paga skont il-liġi u bil-benefiċċji kollha relatati bħal leave, sick leave, bonuses u aktar. L-abbuż ibati minnu kulħadd, mhux min qed jiġi abbużat biss. L-iskjavitù jweġġa' lis-suq xogħol kollu - mhux "lil dak il-barrani" biss! Iweġġa' lilek ukoll. Għalhekk kien pass ferm pożittiv dak tal-Gvern li permezz tiegħu qed jirregolarizza lill-ħaddiema tal-pjattaforma. 

Huwa importanti wkoll li l-Gvern jaċċerta illi f'kull każ u f'kull sitwazzjoni jkun hemm ħlas ugwali għal xogħol ugwali. La l-ħlas isir skont il-valur tax-xogħol mogħti, jekk il-valur tax-xogħol huwa ugwali l-paga għandha tkun ukoll. Ma hemmx skużi!

Inkella se nibqgħu għaddejjin fit-tiġrija għal qiegħ! U min se jbati? Il-ħaddiem Malti u barrani li jkollu pagi baxxi u meta jkollna l-inflazzjoni ma jkunx jiflaħ għaliha u jkollu jistenna ċ-ċekkijiet u l-għajnuna. 

Naturalment dan kollu jista' jseħħ jekk l-ekonomija tibqa' tingrana u tikber. Minn daqshekk il-Gvern preżenti għandu l-kredenzjali u l-kredibilità, hekk kif rajna mhux biss 10 snin ta' tkabbir ekonomiku - xi minn daqqiet wisq kbir għar-riżorsa tagħna - imma wkoll snin illi matulhom l-ekonomija baqgħet fil-wiċċ minkejja l-akbar daqqa għall-pajjiż mit-Tieni Gwerra Dinjija (Pandemija Covid-19) 

Issa hemm bżonn iżda li l-Gvern Laburista juża din il-kredibilità li kiseb biex jippjana għal pajjiż ħafna iktar future-proof. 

More in Politika