Carmel Cacopardo | Inħarsu l-art agrikola: kollha

Nistieden lill-Gvern biex jippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex iħassar l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni approvat mill-Parlament fl-2006  

Tul is-snin il-Gvern dejjem kien fuq quddiem fil-ħidma biex tinqered il-biedja. Kontinwament il-Gvern jagħmilha iktar faċli biex art agrikola tingħata għall-iżvilupp. Huwa l-Gvern li kontinwament jidentifika art agrikola tajba għal toroq ġodda (mhux meħtieġa) inkella biex jestendi toroq eżistenti.

Il-White Paper li ippubblika iktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministeru tal-Agrikultura, intitolata Riforma fil-Qasam tar-Raba’  tfittex li tirregola l-assalt tas-settur privat fuq l-art agrikola. Imma ma jssemmi xejn dwar l-assalt li għaddej mis-settur pubbliku: Dak għall-Gvern hu aċċettabbli! Imma m’għandux ikun għax ir-raba’ kollha teħtieġ li tkun imħarsa.

Awtoritajiet eżistenti, bħall-Awtorità tal-Ippjanar, diġa għandhom il-poteri bil-liġi biex jieħdu passi u ma jħallux l-art agrikola tinbidel f’art għall-picnics jew għall-barbeques! Imma tul is-snin din l-awtorità ma għamlet xejn minn dan. Għalqet għajnejha.

Id-Dipartiment tal-Agrikultura imbagħad, dejjem jispiċċa jiddefendi id-deċiżjonijiet tal-Gvern favur il-qerda tar-raba’ għal toroq inutli. Is-Central Link hi waħda mill-aħħar eżempji li miegħu aħna familjari. Hemmhekk raba’ saqwi f’Ħ’Attard inqered fl-interess tal-karozzi. L-għixien ta’ numru ta’ bdiewa inqered. L-anqas ħoss mill-awtoritajiet fid-Dipartiment tal-Agrikultura ma nstema’ biex jiddefendu lill-bdiewa li laqqtuha.

B’dawn it-tip ta’ awtoritajiet li mhux kapaċi jaħdmu, x’sens hemm fil-ħolqien ta’ iktar awtoritajiet bħalhom? Mhux aħjar li jitneħħew is-sriep mill-Awtorità tal-Ippjanar u mid-Dipartiment tal-Agrikultura u flokhom ikunu ngaġġati persuni kwalifikati u motivati biex jaħdmu? Għax jekk l-Awtorità tal-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Agrikultura jitħallew jaħdmu sewwa, bi tmexxija tajba u kapaċi, parti mdaqqsa mill-kontenut tal-White Paper ma jkunx hemm ħtieġa għalih!

Lejn l-aħħar tas-sena 2021 l-Imħallef Wenzu Mintoff, f’deċiżjoni tiegħu dwar applikazzjoni kostituzzjonali fuq raba’ fil-Qrendi kien emfasizza li l-valur realistiku tar-raba’ għandu jkun rifless ta’ dak li l-istess raba’ tista’ tipproduċi. Dan hu punt li l-White Paper tibni fuqu meta titkellem dwar il-valur esaġerat li r-raba’ qed jinbiegħ jew jiġi stmat kif ukoll dwar kif għandha tkun ikkalkulata l-valur tal-qbiela. Il-White Paper fil-fatt tipproponi li l-qbiela għandhom ikunu 1.5% tal-valur realistiku tar-raba’. Għad irridu naraw, iżda, kemm dan kollu ser jiflaħ għall-battalji legali li inevitabilment ser ifaqqsu da parti ta’ min ma jridx din ir-regolamentazzjoni.

Punt interessanti li joħrog mill-White Paper hi l-introduzzjoni ta’ taxxa li hu propost li titħallas fuq ir-raba’ li ma tibqax tintuża għal skop agrikolu. Din il-proposta hi simili għall-proposti tal-partit tiegħi dwar taxxa fuq proprjetajet vojta liema proposti saru f’diversi manifesti elettorali tul is-snin. 

Safejn niftakar, din hi l-ewwel darba li l-Partit Laburista qed jipproponi li jagħmel użu mit-tassazzjoni bħala għodda biex jilħaq oġġettiv politiku: F’dan il-każ il-ħarsien tar-raba’.  Ma naħsibx li din il-proposta partikolari ser timmaterjalizza u dan minħabba li l-Partit Laburista kontinwament jitkellem b’ċerta qawwa kontra l-użu tat-tassazzjoni bħala strument politiku fi kwalunkwe forma. Imma l-fatt li l-proposta qed issir, minnu nnifsu hu pass tajjeb.

Il-proposti fil-White Paper fuq ir-riforma meħtieġa dwar ir-raba’ huma l-ewwel pass lejn diskussjoni serja u matura. Imma għadhom il-bogħod  minn dak li hu meħtieġ. 

L-ewwel pass għandu jsir biex ikun stabilit element ta’ rieda tajba. B’dan il-ħsieb nistieden lill-Gvern biex jippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex iħassar l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni approvat mill-Parlament fl-2006 u li permezz tiegħu eluf ta’ metri kwadri ta’ raba’ spiċċaw tajba biex jinbnew. Naħseb li l-Ministru tal-Agrikultura tal-lum, Anton Refalo, għandu l-kredibilità biex jagħmel dan il-pass. Hu wieħed mill-ftit Membri Parlamentari li għadhom fil-Kamra u li fl-2006 kienu ivvutaw kontra li din l-art tingħata għal-iżvilupp. Għamel dan flimkien ma sħabu tal-Grupp Parlamentari Laburista ta’ dakinnhar!

Bħala t-tieni pass il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar għall-Iżvilupp tal-Art jista jħaffef ftit il-pass li bih għandhom ikunu reveduti r-regoli dwar id-disinn għall-iżvilupp rurali (Rural Design Guidelines). Forsi, ma tafx kif, jingħalqu darba għal dejjem it-toqob fir-regoli, li bihom qed ikun imħeġġeg l-iżvilupp fil-kampanja.

Imbagħad, kieku dan kellu jsir, il-Gvern ikun kredibbli fil-proposti li qed jagħmel dwar il-ħarsien tar-raba’.  Għax ir-raba’ kollha teħtieġ il-ħarsien mingħandna. Dan hu meħtieġ dejjem, mhux biss meta jkun politikament konvenjenti.

More in Politika