Editorjal | Mhux il-kuntratturi miljunarji ħżiena imma min qed iħallihom jagħmlu li jridu!

Il-mistoqsija pertinenti tibqa': Imma hemm xi ħadd li jista' jagħmel dan? Jew kulħadd moħħu fl-interess strett, personali u politiku tiegħu? Jew il-viżjoni tal-politika f'Malta sa hekk biss tasal? Sa 'x'jaqbel lili', 'x'jaqbel lill-partit', 'kif se nibqa' popolari'? 

Dan l-aħħar ir-rabja u d-dwejjaq tal-Maltin dwar l-ambjent qed tibda tinħass sew. Mhux biss fuq il-midja soċjali - li wara kollox tista' tkun bħal "bużżieqa soċjali" distakkata mir-realtà - imma anke fit-toroq, il-pjazzez u waqt konverżazzjonijiet privati. Settur dejjem jikber tal-poplu qed iħossu mħasseb jew oltrè minn hekk - imqalla' - bil-kostruzzjoni għaddejja l-ħin kollu, kważi kullimkien. Żoni bħall-Qawra, per eżempju, huma miżgħuda siti ta' kostruzzjoni kull kantuniera u krejnijiet u anke jekk uħud minn dawn il-blokok qed jieħdu post appartamenti qodma li ħadd mhu se jħoss in-nuqqas tagħhom wisq, jew inkella żoni abbandunati mimlijin ħmieġ, il-biża' xorta tibqa' illi minkejja li l-prodott finali jkun aħjar jew ikun "preżentabbli", malli tispiċċa tinbena blokka, dlonk taqa' oħra, terġa' tfeġġ ħofra daqshiex, jerġa' jitla' krejn u t-triq terġa' tibda l-proċess ta' storbju, trabijiet, inkonvenjenza u ħmieġ. 

Darba ċerta turisti kienu jgħidu "Malta will be beautiful, when its finished!" Il-problema li qisu qatt mhu se tispiċċa din ir-rota ta' kostruzzjoni, u eluf ta' Maltin u anke barranin fostna qed ikollhom jgħixu f'toroq jew żoni li qishom siti perpetwi ta' kostruzzjoni. 

Ħafna agħar minn hekk iżda. Ħafna agħar mill-bini ta' mijiet ta' appartamenti u xogħol ta' kostruzzjoni f'post bħal Qawra, li ormai dejjem kienet "lokalità" riservata għal bini ta' appartamenti, hemm il-qerda tal-karattru ta' rħula, twaqqigħ ta' bini mill-isbaħ biex minflok jitilgħu kaxxa fuq kaxxa. U agħar minn hekk imbagħad hemm it-tidwir mal-liġi u t-tqanżiħ skandaluż tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinħarġu permessi li 1) Ma messhom qatt ħarġu, 2) Li jiftħu preċedent ikrah u 3) Li ħafna drabi jqajmu d-dubju jekk verament din l-awtorità hix vera l-poodle tal-kuntratturi. 

Pero' jkun faċli li nwaħħlu fiċ-Ċaqnu, u f'Żaren Vassallo u b'mod speċjali bħalissa f'Joe Portelli. Imma ejja nieqfu għal ftit u nistaqsu lilna nfusna: Il-permess biex dawn jibnu torrijiet jew jgħollu l-bini jew jagħmlu xi pixxina f'tarf wied kontra kull parir tal-Case Officer jew biex minn kamra nagħmlu lukanda f'nofs wied, min tahulhom? Mhux dan l-editorjal żgur. Mhux int li qed taqra, li taqlagħha u tikolha. Mhux int li kellek tħallas il-mijiet biex tissanzjona tieqa ta' binja li nbniet snin ilu u żgur mhux int li għax bla vuċi għamlu teatrin bik u bl-illegalità li bnejt (li tibqa' ugwalment ħażina, ħa nagħmluha ċara). Dawn il-permessi tathom l-Awtorità tal-Ippjanar. 

U l-Awtorità tal-Ippjanar fuq liema policies timxi? Min jagħmel il-policies li fuqhom (suppost!) ikun determinat permess jingħatax jew le? Il-politiku li qiegħed jew li kien fil-Gvern. 

Mela ejja nieqfu nħaġġru lill-kuntratturi. Għax il-kuntratturi jinħass li qed jagħmlu li jridu, jinħass li qed jagħmlu xalata u jinħass li qed iduru ma' kull toqba fil-liġi biex jieħdu l-permess li forsi mhux suppost ħadu, għax xi ħadd ħalliehom! Għax xi ħadd għamilielhom jew qed jagħmilielhom faċli biex iduru mal-liġi, għax xi ħadd mhux qed ikun kuraġġuż biżżejjed u jara li policy li ddaħħlet u li kienet ta' ħsara kbira (iċ-ċaqlieq fil-konfini tal-iżvilupp fl-2006) tinbidel. Minflok qiegħed bilqiegħda u sempliċiment jgħid "ħeq mhux tal-PN għamlu din il-froġa?" U vera, hekk hu. Imma llum int qiegħed fil-Gvern, mhux il-PN. Qed jagħmlu li jridu jew hekk hi l-perċezzjoni popolari għax xi ħadd biddel il-politika rurali fl-2014, imbagħad kellu jerġa' jbiddilha meta x'kumbinazzjoni indunajna li b'dik il-bidla għorfa f'ODZ tista' tinbidel f'villa! 

Mela allura hija s-sistema li hija mnawwra, mhux min - għax makkak - qed jinqeda b'dik is-sistema. Huwa min jagħmel il-policies tal-ippjanar u dawk fl-awtorità li jaħtu għas-sitwazzjoni preżenti. 

Il-Malti qed jixba' bil-kostruzzjoni bla rażan, id-diżrispett lejn il-karatteristika Maltija u l-qerda tal-ambjent u dan qed jurih kull sondaġġ u qed jisma' dan il-kliem kull min qed jindenja ruħu jisma' x'qed jgħid il-poplu. 

Hemm bżonn riforma mill-qiegħ u bidla mill-qiegħ fis-settur tal-ippjanar. Hemm bżonn ta' deċiżjonijiet iebsin, li jaf anke jidhru xi ftit eseġerati imma li hemm bżonnhom biex insalvaw dak li għad fadlilna, biex ma nkomplux neqirdu dak li fadal. Hemm bżonn ta' xi ħadd fil-Parlament li jkun il-vuċi vera ta' dan id-dwejjaq u tħassib u jieħu l-pass tant meħtieġ biex iwettaq jew iwiegħed din il-bidla. 

Il-mistoqsija pertinenti tibqa': Imma hemm xi ħadd li jista' jagħmel dan? Jew kulħadd moħħu fl-interess strett, personali u politiku tiegħu? Jew il-viżjoni tal-politika f'Malta sa hekk biss tasal? Sa 'x'jaqbel lili', 'x'jaqbel lill-partit', 'kif se nibqa' popolari'? 

Għad fadal xi ħadd f'dak il-bini xħin tidħol il-Belt Valletta fejn hemm 79 persuna li suppost jirrapreżentawna, li jinteressah, li jimpurtah? 

More in Politika