Jerome Caruana Cilia | ‘Min jissikka ċ-ċinturin u min qed ikompli jisraq mill-fondi pubbliċi’

L-ironija hi li qegħdin f’sitwazzjoni fejn hemm min qed ikollu jissikka ċ-ċinturin iżda imbagħad hemm min qed ikompli jberbaq u jisraq mill-fondi pubbliċi. Kuljum għadna nisimgħu b’każi xokkanti ta’ ħela, tberbiq u korruzzjoni minn flusna

Sa l-aħħar ta’ Lulju, id-dejn tal-finanzi pubbliċi kien ta’ € 8.56 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €709.4 miljun fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan ifisser żieda ta’ 9%. Jekk inħarsu lejn l-istess perjodu ta’ sentejn ilu, jiġifieri minn Jannar sa Lulju tal-2020, id-dejn kien jammonta għal €6.62 biljun. Dan ifisser żieda ta’ 29.2% f’sentejn jew €1.94 biljun. Jekk nagħtu ħarsa iktar lura, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-Lulju tal-2012, id-dejn kien jammonta għal €4.82 biljun, dan ifisser żieda ta’ 77.7% jew €3.74 biljun mill-2012 sal-2022. Ta’ min jinnota li fl-aħħar tal-2021, Malta kellha l-ogħla rata ta’ defiċit fost il-pajjiżi kollha, membri tal-Unjoni Ewropea: defiċit ta’ 8%.

F’Settembru tas-sena l-oħra, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien qal li l-pandemija ġiet tiswa lill-pajjiż €1.5 biljun f’sentejn. Ejja noqogħdu fuq il-Ministru Caruana, dan ifisser li bejn l-2012 u l-2022, jekk tneħħi l-ispejjeż tal-pandemija, id-dejn żdied b’€2.24 biljun jew żieda ta’ 46.5%. Dan ifisser li matul dan il-perjodu, jekk tneħħi l-impatt tal-pandemija, id-dejn żdied b’mod qawwi ħafna. 

Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, il-Gvern daħħal iktar flus mit-taxxi kif wieħed jistenna waqt perjodu ta’ inflazzjoni għolja: 

  • €634 miljun f’VAT, żieda ta’ €130.99 miljun jew 20.65% fuq is-sena li għaddiet; 
  • iktar minn biljun f’income tax, żieda ta’ iktar minn €120 miljun jew 11.2% fuq is-sena li għaddiet;
  • €198 miljun f’liċenzji, taxxi u multi, żieda ta’ €7 miljuni jew 3.5% fuq l-2021.

Fejn marru dawn it-€2.24 biljun?

Naturalment wieħed jistaqsi fejn marru dawn it-€2.24 biljun ta’ dejn li żdied? Fejn intefqu? X’ħa minnhom il-poplu? Nerġa’ nisħaq, biex inkunu ċari, dawn it-€2.24 biljun skont il-Ministru tal-Finanzi stess hu d-dejn akkumulat lil hinn mill-effett tal-pandemija. Bir-raġun nistaqsu. Ma nistgħux nibqgħu nwaħħlu fil-pandemija jew f’xi fatturi oħra. Iż-żmien tal-ħela jrid jinqata’. Iż-żmien tat-tberbiq lil dawk viċin ta’ xi ministru jrid jispiċċa.

Tassew ħasra li fi żmien fejn is-sitwazzjoni dwar id-dejn tjiebet matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern Laburista berbaq kemm felaħ. Ġie jaqa u jqum, u ra li tal-qalba jiffangaw kemm jifilħu. Ma ħasibx għal żmien iebes. Kemm hu kruċjali li naraw li jkun hemm buffer li jkun jista’ jiġi utilizzat fi żminijiet diffiċli bħal dawn.

Min fejn se jqaċċat il-€200 miljun?

Riċentament il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li diġà naqqas €100 miljun mill-budget allokat għal din is-sena. Ftit ilu qalilna li jrid iqaċċat mal-€200 miljun u saħansitra din il-figura tista’ titla’ wkoll għal €250 miljun. Jista’ l-Ministru tal-Finanzi jgħidilna minn fejn qaċċat dawn il-miljuni? Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji sar dan it-tnaqqis? Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikkonsultax mal-MCESD? 

Fost numru ta’ oqsma, jista’ l-Ministru jgħid jekk naqqasx ukoll mill-qasam tas-Saħħa? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-forzi tal-ordni f’pajjiżna? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għal qasam soċjali? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għal Għawdex? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-infrastruttura? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-qasam tal-Kultura u l-Gvern Lokali? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-agrikoltura u s-sajd? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-anzjani, l-inklużjoni jew d-drittijiet tat-tfal? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għal qasam ambjentali? Jekk naqqasx ukoll mill-budget allokat għall-intrapriżi u l-qasam tax-xogħol?

Il-budget hu approvat mill-Parlament u għaldaqstant, il-Ministru għandu minnufih jgħid minn fejn se jqaċċat dak li diġà kien preżentat fil-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta. Il-Ministru tal-Finanzi ma jistax iħalli pajjiż jistenna ġimgħat sħaħ biex ikun jaf fejn sar dan it-tnaqqis.

Min jissikka ċ-ċinturin u min iberbaq

Waħda mill-ikbar problema, tidher, li m'għandniex biżżejjed biex nikkumbattu l-kriżi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dak li ilna ngħidu, sa minn xħur u snin ilu, sar rilevanti iktar minn qatt qabel. Ripetutament, bi kliem jew ieħor, qed jgħidulna biex nissikkaw iċ-ċinturin. Naturalment li tkun bil-għaqal hu importanti, mhux biss f’ċirkostanzi bħal dawn, imma dejjem. Iżda l-ironija hi li qegħdin f’sitwazzjoni fejn hemm min qed ikollu jissikka ċ-ċinturin iżda imbagħad hemm min qed ikompli jberbaq u jisraq mill-fondi pubbliċi. Kuljum għadna nisimgħu b’każi xokkanti ta’ ħela, tberbiq u korruzzjoni minn flusna. 

Min, kif qalet il-Ministru, qed ikollu jdur minn post għall-ieħor biex jara kif se jifranka xi ftit mill-prezzijiet dejjem jogħlew, u min jara kif se jkompli jisloħ minn flus il-poplu. L-istess flus li nħallsu mit-taxxi tagħna. L-istess flus li kieku ninvestu fil-familji, il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli. L-istess fondi li issa l-Ministru tal-Finanzi jrid jara minn fejn se jqaċċat a skaptu taż-żgħir... a skapitu tiegħek.

More in Politika