Ivan Castillo | ‘Ma kinux onesti magħna’

Ir-rabja fost il-ħaddiema tal-Airmalta tfakkarna tassew li l-ħaddiem Malti ta’ kull settur jew professjoni jistħoqqlu aħjar. Tfakkarna li qabel xejn jistħoqqlu Gvern li jibża’ għalih u għall-għajxien tiegħu

Hekk qalli dil-ġimgħa ħaddiem tal-Air Malta li b’tant inċertezza għalih u għall-familja tiegħu għandu l-impjieg tiegħu mal-Air Malta. 

Hekk qaluli wkoll għexieren ta’ ħaddiema fil-ġimgħat li għaddew li taw ħajjithom għal-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna. “Xħin jiġu għas-si u n-no, qatt ma jżommu kelmithom kif inkunu ftehmna; eżatt bħalma ġralhom il-piloti fix-xhur li għaddew, minkejja ftehim iswed fuq l-abjad.” 

Din ir-rabja, l-inċertezza u l-istress qed jgħixuhom kuljum mijiet ta’ ħaddiema li mingħalihom kellhom futur ċert kif ġew imwiegħda meta riedu l-vot tagħhom, u issa qed jiskopru li b’mod mill-aktar sfaċċat, il-Gvern Laburista se jirrombla minn fuq kulħadd biex tgħaddi tiegħu. 

Wegħdiet li l-ħaddiema kienu se jiġu trasferiti sa Awwissu u ma kinux, bl-eċċezzjoni ta’ ftit qrib il-PL. Iwiegħed li s-sitt ftehimiet kollettivi kollha jingħalqu sa Ġunju iżda l-ebda wieħed għadu ma ngħalaq. 

Dawk li applikaw għall-iskema tat-trasferiment volontarju qalulhom li l-iskemi tal-irtirar ma kinux se jkunu disponibbli, biex imbagħad ġew introdotti wara lil dawk li applikaw biss.  

Diskriminazzjoni ma’ dawk li ma applikawx għax li kieku kienu jafu kienu japplikaw, li kellha ssir disponibbli u issa mhux qed jingħataw l-opportunità huma wkoll. Skemi tal-irtirar li jekk titkellem mal-impjegati ssib li huma wkoll diskriminatorji meta tqabbel it-tul tas-servizz u l-età. “Minn dak li fthemna, hemm differenza enormi.” Uriehom id-debba u qabbżilhom il-ħmara. 

Saħansitra – b’tant inċertezza wkoll fuq il-linja tal-ajru stess – il-Partit Nazzjonlista flimkien ma’ xi ġurnali lokali qed jirrapportaw li l-Gvern se jkun qed jagħlaq l-Airmalta. U issa? Il-ħaddiema li baqa’ x’se jiġri minnhom? Se jispiċċaw jirreġistraw dawn?  

Hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba. Għaliex saret id-data ta’ Awwissu meta l-Gvern kien jaf biċ-ċar li dan ma kienx fattibbli? Kien hemm xi ħadd interessat fl-Airmalta u qabeż il-vapur fl-aħħar minuta? 

Jekk dak li nemmen hu minnu, li l-Air Malta għandha tispiċċa, għaliex qed jiġu diskussi l-ftehimiet kollettivi? L-Air Malta se tkun verament likwidata jew se jkun hemm trasferiment tan-negozju lil Malta Med Air? Dan jagħmel sens? X'għandu jiġri mill-assi tal-kumpanija? Kemm għandha dejn l-Air Malta? Ma' min? Mal-banek? Liema banek? Jekk se jkun hemm trasferiment ta' negozju x'se jiġri minn dan id-dejn? iI-kumpanija l-ġdida se titgħabba bih hi? X'inhi l- pożizzjoni tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat? Bl-iskemi tal-irtirar introdott (li wieħed jista' jqishom bħala għajnuna mill-istat u li ma nżommux iż-żmien imwiegħed), eliminajna ċ-ċans għall-għajnuna mill-Istat? 

Kemm hu l-ammont veru li l-pajjiż se jħallas biex isostni l-iskemi tal-irtirar u l-iskemi ta’ trasferiment volontarju? Kif se jkun imqassam dan? X’sar mill-kumpanija tas-servizzi tal-avjazzjoni Air Malta AAS mwaqqfa minn Konrad Mizzi? Fejn marru dawk is-sitt miljun ippumpjati fih? Għalxiex intużaw? Fondi pubbliċi li jridu jiġu ġġustifikati! L-Awdituri Ġenerali talab li ssir investigazzjoni għall-ġustifikazzjoni tal-infiq ta' dawn il-flus? 

Il-Prim Ministru u l-Ministru stqarru li  Malta se jkollha linja nazzjonali tal-ajru iżda qatt ma semmew liema linja tal-ajru. Ma qalux jekk hux se tibqa’ tkun l-Air Malta jew le. X’se jkun il- business model u l-business plan ġdid tal-linja nazzjonali tal-ajru? Waqt l-aħħar konferenza stampa li saret mill-Ministru, stqarr b’mod ċar li ma għandu l-ebda informazzjoni ġdida x’iżid u ma jistax iwieġeb l-ebda mistoqsija. 

Din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli. Dan mhux mod kif tiggverna l-pajjiż. 

Il-ħaddiema li tkellmu miegħi qed iħossuhom ttraduti u ingannati wkoll li fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni, tal-Labour b’ħafna pompa qalulhom li qed iwaqqfu l-impjiegi mal-Gvern biex jagħmlu spazju għall-ħaddiema tal-Air Malta li se jiġu trasferiti. U llum ilkoll qed jirrealizzaw li effettivament, ma kien qed isir l-ebda spazju għalihom, u din ma kienet xejn għajr gidba sfaċċata.  

Fejn se jiġu trasferiti dawn il-ħaddiema? Saru proċessi ta' tqabbil tal-pagi? Se jkun hemm paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali fost il-ħaddiema tal-Air Malta u l-ħaddiema tas-Servizz Ċivili eżistenti? 

Jekk le kemm hu ġust dan fuq il-ħaddiema tas-Servizz Ċivili? Il-Gvern se jkun kostrett li jgħolli l-pagi? u dan kif se jaffettwa mhux biss id-defiċit dejjem jikber tal-pajjiż iżda s-settur privat li issa qiegħed f'kompetizzjoni diretta mal-Gvern għall-ħaddiema? 

Minkejja li dawn il-ħaddiema għarfu s-sitwazzjoni prekarja tal-linja tal-ajru tagħna (tant meħtieġa għas-settur turistiku f’pajjiżna u għall-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin), fl-aħħar xhur baqgħu jikkoperaw mal-Gvern u jagħmlu s-sagrifiċċji biex kollox jimxi mingħajr skossi. Iżda issa qed jirrealizzaw li l-Gvern qed jerġa’ jiġbdilhom it-tapit minn taħt saqajhom. 

Daqqa ta’ ħarta lis-settur turistiku 

Din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza turi eżattament kif il-Gvern suppost soċjalista jittratta lill-ħaddiema. Din mhux qed tagħmel ġid lill-eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li l-introjtu u l-għajxien tagħhom jiddependi direttament jew indirettament fuq it-turiżmu.  

Il-Ħaddiema għandhom dritt ikunu jafu fejn qegħdin. Id-direttiva tal-Kunsill tax-Xogħol Ewropew 2002/14/KE stabbilixxiet qafas sabiex l-impjegati jkollhom id-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. 

Il-ħaddiema għandhom dritt jitolbu anke permezz tal-unjin rispettiv tagħhom il-mistoqsijiet kollha li għamilt f’dan l-artiklu, u d-dritt għat-tweġibiet! 

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha għal qalbha ferm il-linja tal-ajru Air Malta bħalma jixhed il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-Air Malta li kien ippreżenta Gvern Nazzjonalista fil-passat u approvat il-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant mill-ġdid, se nkunu hemm għall-ħaddiema, se nibqgħu viġilanti u nsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni biex il-ħaddiema jingħataw dak li ħaqqhom. 

Kif qed jitberbqu t-taxxi li jħallsu l-ħaddiema tagħna? 

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha għal bosta snin imħassba wkoll dwar il-mod kif il-Gvern Laburista qed iberbaq il-flus tal-ħaddiema tagħna. 

Filwaqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin – “bl-għaraq ta’ ġbinhom” kif jgħid il-Malti – jaħdmu sigħat twal fil-ġurnata biex jiżguraw għajxien diċenti għalihom u għall-familja tagħhom... 

U filwaqt li eluf ta’ ħaddiema jnaqqru mill-ħin tal-familja u tal-mistrieħ biex itejbu l-karriera tagħhom b’xi kors jew taħriġ, jew biex javvanzaw fil-pożizzjoni tagħhom għal paga aħjar... 

U filwaqt li lkoll inħallsu t-taxxi għal kull ewro li naqilgħu mix-xogħol, mis-sahra jew mill-part-time li nagħmlu, jew għal kull prodott jew servizz li nipprovdu... 

... il-Gvern Laburista, bit-tberbiq tiegħu, tassew qed jirnexxilu jirrovina s-sagrifiċċji u l-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema tagħna. 

Inutli nkunu l-aktar ħaddiema ħawtiela u ħabrieka u beżlin, jekk il-flus li nħallsu bit-taxxi tagħna ma jintefqux bil-għaqal, jew saħansitra jispiċċaw fil-bwiet ta’ persuni li ma nafux min huma. 

Ir-rabja fost il-ħaddiema tal-Airmalta tfakkarna tassew li l-ħaddiem Malti ta’ kull settur jew professjoni jistħoqqlu aħjar. Tfakkarna li qabel xejn jistħoqqlu Gvern li jibża’ għalih u għall-għajxien tiegħu. 

Iżda fuq kollox tfakkarna fid-dover tagħna l-politiċi li nistinkaw għal suq tax-xogħol li jagħraf il-potenzjal qawwi li għandhom ir-riżorsi umani biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull waħda u wieħed minna. 

More in Politika