Editorjal | Fejn ifalli l-privat, il-Gvern għandu jintervjeni

Fejn xi ħadd ma jasalx u dawn ix-xogħlijiet għandhom impatt fuq il-komunità jew inkella l-inħawi, il-Gvern għandu jindaħal u jekk hemm bżonn jieħu f’idu l-proġett. Hekk għandu jsir fil-pitch tal-waterpolo tal-Belt. Jekk verament hemm serjetà min-naħa tal-Gvern u verament huwa motivat li jħares il-Belt, mela allura għandu jintervjeni

Il-gazzetta ILLUM qed tiżvela l-aħbar li l-pitch tal-waterpolo tal-Belt spiċċa fi stadju ta’ abbandun wara li l-proġett ta’ ristrutturar kellu jiġi sospiż. Dan wassal għal straġi fl-inħawi u kaos totali. Dan kollu fil-Belt Valletta ftit passi biss ‘il bogħod minn fejn eluf ta’ turisti jaslu meta jaqbdu l-lanċa minn Tas-Sliema. 

Il-veru każ ta’ pajjiż rieqed u miegħu Gvern rieqed, qisu ma jimpurtahx mill-Belt Valletta. Dik li kienet il-Belt Kulturali, issa spiċċat fi stat tal-biki. 

Il-proġett imsemmi, kellu jiġi sospiż wara li l-persuna li ħadet f’idha x-xogħol tal-pitch tal-waterpolo ma ħallasx lill-kuntrattur. L-investitur huwa Dominic Micallef li nafuh minn żmien l-iskandlu tal-Mistra u għandu attivitajiet kummerċjali li għadhom għaddejin, fosthom stabbiliment kbir ta’ divertiment u anke stabbilimenti f’numru ta’ bajjiet. 

Il-Gvern huwa fid-dover li jaġġixxi anke jekk dawn il-proġetti mhumiex fir-responsabbilità tiegħu. Id-dehra tal-pajjiż hija r-responsabbilità tal-Gvern u dan ma jistax jaħrab minnu. Naraw diversi proġetti fuq art tal-Gvern li forsi ngħataw bħala konċessjoni li mhux biss spiċċaw żdingati imma wkoll fi stat tal-biki. 

Nafu iżda li meta niġu għad-dehra tal-pajjiż, dan il-Gvern qed jibgħat il-messaġġ li ma jimpurtahx. Pajjiż mifni bil-bini, krejnijiet u kostruzzjoni bla rażan. 

Dan huwa pajjiż li tilef kull sens ta’ valur. Kulħadd kuntent li jabbuża mis-sistema u min-nuqqas kbir ċiviki. Fost dawk bl-inqas indiċi fil-ħsieb ċiviku nsibu lill-politiċi. 

Kulħadd igerger li dan huwa pajjiż minsi u traskurat u imbagħad tara lil kulħadd jagħmel li jista’ biex jikkontribwixxi għal dan kollu. 

Dan hu pajjiz fejn kulħadd jagħmel flusu minn dan il-pajjiż ċkejken, jistuprah u imbagħad erħielu jsiefer u jaħrab għal vaganzi twal barra mill-pajjiż u jgerger kemm hi kerha Malta. 

Ma rridux ninstemgħu drammatiċi, imma l-każ tal-pitch tal-belt huwa każ tipiku li għandu jservi ta’ test għal kulħadd.  

L-ewwel nett, meta xogħlijiet jingħataw fuq art importanti jew konċessjoni tal-Gvern, il-Gvern permezz tad-Dipartiment tal-Artijiet għandu jimponi due diligence serju fuq l-operatur. Min ma għandux biex jasal finanzjarment, ma għandux jitħalla jidħol għal proġetti bħal dawn. 

It-tieni, fejn xi ħadd ma jasalx u dawn ix-xogħlijiet għandhom impatt fuq il-komunità jew inkella l-inħawi, il-Gvern għandu jindaħal u jekk hemm bżonn jieħu f’idu l-proġett. 

Hekk għandu jsir fil-pitch tal-waterpolo tal-Belt. Jekk verament hemm serjetà min-naħa tal-Gvern u verament huwa motivat li jħares il-Belt, mela allura għandu jintervjeni. 

Snin ilu, fil-bidu tal-Gvern Laburista, kien hemm l-intervent tal-Gvern biex ditta privata li kellha dejn minħabba diżastru fiskali li għamlet fil-Kafe Premier fil-Belt tiġi mgħejjuna. Ma kienx hemm għalfejn, għax iż-żewg sidien, żewġ Nazzjonalisti magħrufin, kellhom assi biżżejjed. 

L-għajnuna kienet skandaluża. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat daħal biex iħallas id-dejn ta’ dawk iż-żewġ negozjanti li llum qed idoqqu l-Aida.  Ir-raġuni għaliex Muscat kien għamel hekk, Alla biss jafha. 

F’dan il-każ, il-Gvern għandu verament jintervjeni, imma minflok ma jħallas hu, għandu jżomm lil min daħal għal dan il-proġett responsabbli ta’ għemilu. 

Dan ikun qed jagħmlu għal raġunijiet differenti mill-każ tal-Kafe Premier fejn hemm riħa kbira tinten.   

Ikun qed jagħmlu biex il-Belt tingħata lura ftit dinjità u biex id-dilettanti tal-waterpolo fil-belt ikollhom post denju ghall-isports tagħhom. 

Il-Gvern irid iqum mir-raqda li qiegħed fiha.  Jinduna li d-dinja tibqa’ ddur fis-sajf u li dan il-pajjiż għandu bżonn minn imexxih bis-serjetà ... u mhux biss meta xi ħadd isabbat saqajh jew jhedded bil-vot! 

More in Politika