Daniel Borg | Id-Diġitalizzazjoni, realta’ ġdida li qed naffaċċjaw lkoll flimkien

Id-diġitalizzazjoni għandha u se jkompla jkollha sehem importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Dan ifisser li anke l-għaqdiet mhux governattivi jridu jagħrfu l-importanza tagħha u jarawha bħala għodda biex itejbu l-operat tagħhom. 

Id-diġitalizzazjoni għandha sehem importanti għan-negozji u l-Għaqdiet mhux Governattivi kemm f’Malta u kemm f’Għawdex.  Għalhekk għar-realtajiet tagħna, speċjalment dawk fi gżejjer bħal Għawdex, id-diġitalizzazjoni għandha u se jkollha sehem importanti.  Bħala Kamra fl-2019 konna organizzajna l-Forum tal-INSULEUR (l-għaqda Ewropeja li tirrapreżenta il-Kmamar tan-Negozji fil-gżejjer) f’Għawdex.  F’dan il-forum konna ddiskutejna l-opportunitajiet li d-diġitalizzazjoni toffri lill-gżejjer.  Tema mportanti li ħarġet mid-diskussjoni hi li d-diġitalizzazjoni tista’ tgħin biex tegħleb dawk id-diffikultajiet li ġeneralment huma assoċjati mal-insularita.  Kif?  Basta wieħed isemmi t-trasport u l-aċċessibilita, li huma l-iktar żewġ affarijiet li jaffaċċjaw dawk l-entitajiet li huma stabbiliti fil-gżejjer.  Dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż u d-diffikultajiet li jaffaċċjaw kemm in-negozji kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi fil-gżejjer. 

F’dan ir-rigward nemmen li l-pandemija tal-COVID-19 introduċiet dimensjoni ġdida tal-mod kif nipperċepixxu l-affarijiet.  Illum huwa normali per eżempju li laqgħat isiru onlajn.  Kemm għal negozji kif ukoll għall-għaqdiet mhux governattivi li huma stabbiliti f’Għawdex il-fatt li nistgħu nattendu laqgħat onlajn fisser nuqqas ta’ spejjeż u skariġġ żejjed.  Id-diġitalizzazjoni fissret ukoll li llum huwa iktar faċli li nsemmgħu l-vuċi tagħna b’mod iktar effettiv u effiċjenti.  Dan japplika kemm għan-negozji u kemm għall-għaqdiet mhux governattivi.  Illum ma għadx baqagħlna bżonn tal-midja stampata, imma nistgħu nsemmu l-vuċi tagħna permezz tal-midja soċjali.  Id-dinja nbidlet.  Imma dan ifisser ukoll li għandna bżonn l-għodda neċessarji u l-ħiliet biex nadattaw lilna nfusna għal dawn ir-realtajiet. 

Bħala Kamra permezz tal-programm LEADER (parti mill-fondi għall-iżvilupp rurali 2014-2020) u amministrat mill-Gozo Action Group Foundation, stajna nissieħbu ma’ Harbour Solutions  fi proġett interessanti  li se joffri pjattaforma diġitali minn fejn negozji u għaqdiet mhux governattivi Għawdxin jistgħu jippromwovu l-attivitajiet u x-xogħol tagħhhom.  Imma x’inhu li se jkun qed jiddistingwi  din il-pjattaforma minn pjattaformi oħrajn diġitali?  Filwaqt li pjattaformi oħrajn jagħtu l-informazzjoni fuq dak li wieħed ikun qed ifittex u għalhekk wieħed imur għalihom għax huma repożitorji ta’ informazzjoni, din il-pjattaforma se tkun differenti.  L-informazzjoni li wieħed se jkun qed jingħata se tkun permezz ta’ timeline.  Illum ilkoll nafu kemm it-turisti jew viżitaturi f’lokalita ifittxu nformazzjoni konċisa.  Jekk wieħed per eżempju se jkun qed ifittex l-informazzjoni fuq post partikolari, din se tkun qed tagħtih l-iktar dati mportanti marbutin ma’dak il-post.  Mhux hekk biss, imma dak li jkun ikun jista’ jara xi ħaġa mhux biss fid-dawl tal-istorja ta’ Għawdex, imma fid-dawl ta’timelines oħrajn, bħal dik li hija storja Ewropeja jew dinjija. 

Din se jkollha numru ta’ effetti pożittivi.  Wieħed se jkun qed jara l-istorja ta’ post jew l-istorja ta’ Għaqda fid-dawl ta’ dik l-istorja li lilu tinteressah l-iktar.  Hekk per eżempju jekk wieħed ikun qed jara it-tempji tal-Gġantija wieħed se jkun jista’ jqabbel mal-istorja tal-Ewropa.  Din tkompli tagħti iktar importanza lill-istorja tagħna, biex wieħed japprezza li minkejja ċ-ċokon ta’ post, l-istorja ta’ Għawdex hi waħda ta’ rilevanza kbira kbira f’kull aspett. 

Hekk per eżempju għaqda tista’ ddaħħal l-istorja tagħha u l-punti prinċipali marbutin mal-Għaqda.  Għaqda tkun tista’ ddaħħal ukoll l-avvenimenti prinċipali marbutin ma’ dan il-post, inkluż l-avvenimenti li hi se tkun qed torganizza.  U għalhekk wieħed ikun jista’ jara l-avvenimenti kollha li seħħew u li għadhom iridu jseħħu.  Kuħadd jaf kemm l-aspett tal-volontarjat f’Għawdex huwa mportanti u kemm ħafna mill-avvenimenti kulturali organizzati f’Għawdex jiġu organizzati minn għaqdiet volontarji.  Din il-pjattaforma għalhekk se sservi biex jiżdied l-għarfien fuq l-attivitajiet organizzati minn dawn l-għaqdiet, kif ukoll fuq l-istess għaqdiet biex dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu dan.  Filwaqt li fil-passat l-għaqdiet kienu jserrħu kompletament fuq nies tal-lokal, illum qed naraw barranin li jgħixu f’Għawdex, u wkoll Maltin li ddeċidew li jirrelokaw jew b’mod permanenti jew parzjalment f’Għawdex li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom. 

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex organizzat żewġ sessjonijiet fid-29 u t-30 ta’ Lulju biex iżżid l-għarfien fuq din il-pjattaforma u kif ukoll tisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-għaqdiet non governattivi Għawdxin u n-negozji biex din il-pjattaforma li qed tiġi żviluppata tkompli titjieb.  Id-diskussjoni kienet waħda pożittiva ferm.  Din il-pjattaforma se tiġi mnedija b’mod uffiċċjali fit-30 ta’ Settembru. 

Id-diġitalizzazjoni għandha u se jkompla jkollha sehem importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Dan ifisser li anke l-għaqdiet mhux governattivi jridu jagħrfu l-importanza tagħha u jarawha bħala għodda biex itejbu l-operat tagħhom. 

Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-programm Leader li jagħmel parti mir-‘Rural Development Programme 2014 -2020’, u kif ukoll mill-NGO Co-financing Fund. 

More in Politika