Sean Apap Meli | Il-Kunsilli Lokali għad għadhom irwol x’jaqdu?

Il-Kunsilli Lokali huma gvern lokali u għandhom jingħataw aktar saħħa u importanza, sabiex dak li jiġri fil-lokalità tagħhom ikunu huma li jiddeċiedu għalih 

Dawn il-ħsibijiet huma mnissla minn sitwazzjoni fejn wieħed jista’ jqabbel is-sistema tal-kunsilli tul is-snin. Riformi saru ħafna minn kull Gvern imma kważi kważi dawn l-istess riformi naqsu mis-saħħa tal-istess kunsilli lokali. 

Hemm lok għal tliet saffi ta’ tmexxija? Dawn huma l-Gvern Nazzjonali, il-kunsill reġjonali u l-gvern lokali. 

Hemm lok li wieħed irid jagħżel bejn ir-reġjun u l-gvern lokali? 

Dan qed jingħad minħabba li fis-snin li ġejjin, ċertu tenders li bħalissa kunsill lokali jiddeċiedi dwarhom se jkun qed jiddeċiedi għalihom ir-reġjun u jħallas il-kunsill lokali. 

Hemm lok li l-kunsilli lokali kollha jiġu b’ħames kunsilliera, tkun xi tkun il-popolazzjoni u jkunu full-timers? 

Hemm lok li l-profil tal-Kunsilli Lokali, jerġgħu jissaħħu u ma jibqgħux sempliċiment istituzzjoni li toħroġ il-permessi u jieħdu l-ilmenti? Għandu jkun li jittieħdu l-ilmenti imma jaf ikun hemm sitwazzjoni fejn il-proċess se jkun aktar burokratiku. 

Imma li jkunu aktar attivi fuq issues li jolqtu lil-lokal tagħhom? 

Pereżempju fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, f’ċertu proġetti kbar li jolqtu lill-irħula, ir-rapprezentanza tal-lokalità tkun aktar proporzjonata, milli ta’ persuna minn ħmistax li jkunu fuq il-bord tal-ippjanar? 

Is-sens ċiviku tul dawn l-aħħar snin żdied u ħa perspettiva differenti u aktar attiva sabiex jiġu mħarsa l-ambjent u dak li jagħmel raħal differenti minn ieħor. Biss se jibqa’ jiġi attakkat l-ambjent naturali u raħal li diġà jmiss mal-ieħor se jkunu aktar qed jiġu konfini waħda u sħiħa? 

Il-Kunsilli Lokali huma gvern lokali u għandhom jingħataw aktar saħħa u importanza, sabiex dak li jiġri fil-lokalità tagħhom ikunu huma li jiddeċiedu għalih. Ħafna jsemmu l-problema tal-iskart imma qabel ma jkun hawn infurzar sħiħ, din il-problema se tibqa’ tiżdied u l-iskart jinħareġ fil-ħinijiet mhux indikati mill-liġijiet, imma x’ħin dak li jkun ifettillu joħroġ il-borża sakemm ma jitfagħhiex quddiem biex ħaddieħor ukoll. 

Għad hemm lok li kunsill lokali qisu qed jikkompeti mal-awtoritajiet sabiex art fil-lokalità tiegħu tiġi devoluta lill-istess kunsill? 

Jekk verament, kulħadd jemmen fil-kunsilli lokali għandu jkun hemm aktar appoġġ fil-kunsilli, billi fejn jidħol infurzar tal-liġijiet ikun hemm aktar preżenza tal-pulizija, uffiċjali tal-komunità u kif ukoll spetturi tat-Trasport Malta fit-toroq sabiex dak li jsir ħażin jittieħdu passi dwaru. Kien pass ‘il quddiem li karozzi mitluqa fit-toroq wara sebat ijiem jkunu jistgħu jiġu rmunkati u bħalma qsar iż-żmien minn xi xahar għal ġimgħa, hekk ukoll kien eżempju ċar li fejn hemm ir-rieda azzjoni tista’ tittieħed. 

Li kieku mhux għall-interess li jkun hemm fil-lokalità, żgur li l-kunsilliera ma joħorġux sabiex iservu lill-lokalità fil-kunsill lokali għal allowance ta’ 200 ewro fix-xahar (li minnha titneħħa t-taxxa). Ma ninsewx ukoll lil dawk is-sindki u Kunsilliera li minħabba l-ħidma tagħhom b’risq il-lokalità ġew aggrediti għax ikunu finalment qed jagħmlu xogħolhom u dak li ġew eletti u fdati biex jagħmlu. Iż-żieda fl-għodda lill-kunsilli lokali bħal aktar baġit u fondi hija dejjem meħtieġa sabiex intejbu l-livell ta’ għixien fil-lokalita’. 

More in Politika