Editorjal | Il-politika tal-bulldozer la qatt ħadmet u qatt mhu se taħdem!

It-tisbit tas-saqajn u l-politika tal-bulldozer la ħadmet fil-passat u lanqas se taħdem issa. Xaharejn qabel l-elezzjoni jkun tard wisq biex treġġa' lura ċerta weġgħat u attitudni ħażina, iż-żmien huwa issa

Għidniha fil-każ tal-Belt Valletta u se nerġgħu nirrepetu f'dan l-editorjal. Mhux li tagħmel fil-politika, daqs kemm kif twettaq dik l-azzjoni. Xi kultant il-mod kif twettaq azzjoni, anke jekk l-azzjoni tkun tajba jew ikollha għan tajjeb, jgħodd u jagħmel id-differenza kollha. 

Dan l-editorjal mhux se jidħol fil-mertu ta' jekk hux sew li Manuel Cuschieri - persuna sinonima mal-Partit Laburista u li ilu jimmilita f'dan il-partit snin twal - tneħħa minn fuq l-istazzjon tal-PL. Dak il-ġudizzju jridu jagħmluh is-semmiegħa tal-ONE, speċjalment dawk li kkontribwixxew sabiex dan l-istazzjon ikun jista' jxandar. Li se nikkumentaw dwaru huwa l-mod kif - mill-ġdid - it-tmexxija tal-PL (Robert Abela) ħa deċiżjoni li wasslet għall-kritika ta' bosta, din id-darba votanti Laburisti, wasslet biex bosta staqsew x'ġara ħażin biex Cuschieri twaqqaf u r-risposta kienet waħda: Silenzju. Ħadd mill-PL ma mqar ħaseb biex - għad-diċenza- jagħti spjegazzjoni għaliex Cuschieri twaqqaf milli jxandar fuq ir-radju tal-PL. 

Il-punt mhuwiex jekk kellux ixandar jew le. Il-punt ta' dan l-editorjal huwa li meta l-affarijiet isiru b'elemnet ta' diżrispett u arroganza, iġibulek biss għedewwa, avversarji u telf ta' voti. Il-punt hu li meta tkeċċi, twaqqaf jew tagħti l-ġenb lil xi ħadd għandu jkollok l-abilità, apparti d-diċenza, li tkellem lil dawk in-nies, tfehemhom x'ġara u tagħtihom is-serħan il-moħħ li l-partit - ikun liema jkun - japprezza x-xogħol li għamlu. 

Din ta' Cushcieri hija t-tieni episodju li beda juri ċerta elementi inkwetanti fit-tmexxija tal-PL, ċerta elementi u attitufnijiet li jixbħu lil dawk fil-Gvern li kien imexxi Lawrence Gonzi. 

Fil-każ tal-mużika fil-Belt ġara eżatt l-istess. Kien hemm komunità li tajjeb jew ħażin ilmentat, li semmgħet leħinha, li opponiet dan l-avviż u li finalment ġiet kompletament injorata għax lanqas biss saret siegħa waħda ta' konsultazzjoni. U minn naħa tal-Gvern kien hemm biss silenzju, jew kważi silenzju. Ħadd ma ried jitkellem, ħadd ma tħalla jitkellem u allura kulħadd mexa mal-linja tal-partit.

Is-sinjali qegħdin hemm. Il-Partit Laburista għadu fil-ħin sabiex l-episodju tal-Belt Valletta u ta' Manuel Cushcieri - li mhumiex relatati fil-kontenut, imma jixbħu lil xulxin fl-attitudni li ħa l-Gvern/il-PL lejhom - ikunu l-eċċezzjoni mhux in-norma. Inkella l-Gvern jista' jibda jipprepara ruħu biex iqatta' ħames snin jiġġieled ma' diversi għaqdiet u persuni, lilhinn minnu imma anke fi ħdanu. 

L-istat ħażin li fih jinsab il-PN mhux se jkun salvauomo ta' dejjem għal-Labour. Xi darba hemmhekk ukoll ir-rota ddur. Ma ninsewx li dan kien ġara fl-2008 - 2009, sa meta l-poplu minkejja li kien beda jixba' sew mill-PN fil-Gvern ma kienx għadu qed jadfa lill-Labour fil-Gvern - Labour li kien karatterizzat minn ġlied intern, nuqqas ta' viżjoni u apatija (għalkemm vera, mhux daqs il-PN illum). Imbagħad kien elett Joseph Muscat Mexxej Laburista u f'temp ta' sena waħda biss, il-folja inqalbet - minn 1,500 maġġoranza PN għal 33,000 maġġoranza Laburista (elezzjoni tal-Parlament Ewropew). 

L-artiklu ta' bħal lum ġimgħa ta' Saviour Balzan kien qisu l-ewwel bozza ħamra għal Robert Abela. U kellu ħafna raġun Balzan meta qal li l-avversarji li toħloq bl-attitudni l-ħażina, meta s-sitwazzjoni politika tkun ħażina ma ssibhomx, jekk mhux isiru ħafna iktar voċiferi kontrik. 

It-tisbit tas-saqajn u l-politika tal-bulldozer la ħadmet fil-passat u lanqas se taħdem issa. Xaharejn qabel l-elezzjoni jkun tard wisq biex treġġa' lura ċerta weġgħat u attitudni ħażina, iż-żmien huwa issa. 

More in Politika