Edwin Vassallo | Il-libertà u d-demokrazija llum mhedda jew msaħħa?

'Il-libertà u d-demokrazija jeħtieġu l-valur tar-rispett tad-diversità. Jekk le, ma jkollna xejn libertà u demokrazija'

Meta nħarsu lejn il-poter tal-istat fuqna bħala poplu, kif u kemm kif aħna stmati bħala poplu, nasal għall-konklużjoni li għandna biex ninkwetaw. Infatti jekk naraw kif id-dibattitu żvolġa fil-Parlament, dwar l-emendi tal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, naraw kif il-Parlament biż-żewġ naħat tal-kamra naqsu milli lill-poplu jgħidulu l-verità sħiħa dwar l-implikazzjonijiet tal-emendi. Fil-fatt kien biss dibattitu falz ta' ingann u manipulazzjoni tal-fatti dwar l-istess liġi.  

Dan huwa fatt, evalvaw il-kontenut tad-dibattitu u taraw kif id-dibattitu dar mal-argument sentimentali tal-vot għall-imħabba, iżda l-verità dwar ir-realtà tal-emendi ma ntqal xejn. 

Meta nevalwaw x’aħbarijiet qed naraw u x’kontroll għandu l-istat fuq l-aħbarijiet li naraw, nibdew nikkunsidraw jekk u kemm aħna liberi li naraw l-aħbarijiet ġenwini u l-fatti veri ta’ dak li jkun qiegħed iseħħ. Infatti jekk nikkunsidraw li jien kont wieħed li kważi spiċċajt waħdi nikkritika lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni dwar l-emendi tal-istess liġi għall-protezzjoni tal-embrijuni. U għaliex jien kont qed nikkritika kemm lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni li kienu jaqblu  il-media liberali baqgħet ħafna lura milli tirrapporta l-kritika tiegħi. 

Hawn tibda tara kif il-libertà tal-istampa kapaċi tiddeċiedi lil min toqtol, billi tinjorah. Fi kliem tekniku dan huwa l-frott tal-cancel culture li llum hija l-inkwiżizzjoni moderna tal-verità. Fuq kollox ma niskantawx li f’pajjiżna anke d-diskors tal-Papa Franġisku kien ċensurat mill-aħbarijiet miktuba. 

Dan kollu jwassalna nifhmu kemm il-libertà li naħsbu li għandna, hija fil-fatt kundizzjonata u qed tiġi preġudikata. 

Jekk nitkellmu fuq demokrazija, u naħsbu ftit fuq l-istituzzjonjiet li skont il-Kostituzzjoni qegħdin hemm biex isaħħu d-demokrazija, u nistaqsu kemm verament dawn qed jaħdmu b’mod ħieles mill-interessi tal-Istat/Gvern nibdew żgur ikollna d-dubji tagħna. 

Il-libertà u d-demokrazija jeħtieġu l-valur tar-rispett tad-diversità. Jekk le, ma jkollna xejn libertà u demokrazija.  

F’pajjiżna nistgħu ukoll naraw farsa fil-mod ta’ kif qed nagħmlu il-politika tal-ugwaljanza. Fil-fatt meta wieħed jerġa’ jħares lejn l-emendi għal-liġi li tħares l-embrijuni jara li f’dawn iċ-ċirkustanzi nsejna għal kollox l-ugwaljanza għaliex għamilna l-kontra. Għaddejna emendi li fil-fatt huma inġusti, joħolqu inugwaljanza u esklużjoni u fuq kollox iwasslu għall-mewt tal-ħajja umana f’tul ta’ żmien. 

Hekk nibdew naraw kif fil-fatt meta l-Gvern jgħid li jemmen fil-politika ta’ ugwaljanza, dan ikun qed jifhem fl-ugwaljanza tal-uniformità, fejn kulħadd l-istess, allura l-libertà tispiċċa. Tassew tiġbed lejn naħa waħda. Dik mhix libertà ġenwina. 

Illum jien nemmen li l-qofol tal-valuri huwa fir-rispett tad-diversità għaliex huwa hawn, f’dan il-valur li tibda tieħu l-ħajja l-vera ugwaljanza. Fejn hemm l-ideoloġija tal-uniformità tkun mhedda l-libertà u d-demokrazija għaliex ikun hemm biss dittattura tal-ħsieb divers. Ikun hemm biss aħbarijiet ta’ naħa waħda, ikun hemm biss politika ta’ ideoloġija waħda, ikun hemm biss deċiżjonjiet maqbula kif jaqblu fuqhom dawk tal-istess ideoloġija. Dik mhix demokrazija. Dik totalitariżmu fl-aqwa tiegħu. 

Aħna f’pajjiżna qed ngħixu f’din ir-realtà u għalhekk il-libertà u d-demokrazija f’pajjiżna qed jispiċċaw mħassra u mhedda. Qed jispiċċaw imbagħbsa. 

Fejn ma hemmx rispett lejn id-diversità ma jistax ikun hemm il-ħajja għall-valur tal-paċi. Minn ma jaqbilx ikun imsikket, redikolat biex jiftaħ ħalqu. 

Il-qofol tal-valuri ta’ soċjetà b’saħħitha huma l-libertà u d-demokrazija, iżda sabiex naslu li nitilgħu t-taraġ sakemm naslu għall-milja tal-libertà u d-demokrazija rridu nitilgħu t-taraġ, tarġa, tarġa, valur, valur. Kif nonqsu nirrispettaw jew ngħixu l-milja tal-valuri nkunu qed niddgħajfu u l-valuri li bihom il-kwalità tal-ħajja titjieb u mingħajrhom il-kwalità tal-ħajja tibda tonqos. 

Għalhekk fejn ma hemmx rispett lejn id-diversità tal-ħsieb, opinjoni, fidi, orjentazzjoni sesswali eċċ ma jistax jkun hemm paċi, sliem u għaqda u rispett lejn d-dinjità tal- bniedem. Għall-kuntrarju jkun hemm firda, dittatura tal-ħsieb, totalitariżmu. Ikun hemm ugwaljanza, demokrazija u libertà finta. B’dawn in-nuqqasijiet ftit li xejn fil-pajjiż jista’ jkun hawn sens ta' appartenenza lejn il-komunità, u fiduċja fil-ġejjieni ta’ pajjiż.  

Il-Papa Franġisku f’diskors tiegħu fil-Palazz tal-Gran Mastru nhar is-Sibt 2 ta’ April kien qal dan id-diskors lill-politiċi ta’ pajjiżna: “L-Onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u trasparenza huma pilastri essenzjali tas-soċjetà ċivilment avvanzata.” U kompla jgħid “fejn hemm il-legalità u t-trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l kriminalità li huma marbuta flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx". 

L-aktar kliem iebes li qal il-Papa fl-istess diskors iżda, kienet din is-sentenza, “L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li meta jonfoħ mit- tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż.” 

Il-poplu tagħna dan ir-riħ tat-tramuntana għadu ma rah qatt. 

Infatti riżultat ta’ dan kollu f’pajjiżna rajna l-ambjent jittieħed bil-bini u l-ispekulazzjoni, riżultat tar-rebgħa bla xabgħa u kilba għall-flus li spiċċat tikkomprometti mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-ġejjieni, tant li ż-żgħażagħ tagħna Maltin u Għawdxin qalulna li tilfu l-fiduċja f'pajjiżhom u ma jridux jibqgħu jgħixu Malta la darba jispiċċaw l-istudji tagħhom. 

Qalulna wkoll li fost l-istudenti tal-Università ta’ Malta l-istess studenti ma hemmx interess li l-istess studenti jikkritikaw, jitkellmu u jiddiskutu x'inhu għaddej fil-pajjiż. 

Nafu li pajjiżna spiċċa fil-grey list u tilef il-fiduċja ta’ pajjiżi oħra għaliex fil-pajjiż ma hemmx is-serjetà tas-sewwa u qed tirbaħ il-korruzzjoni  u l-ħażin . 

Qed nindunaw li filwaqt li f’pajjiżna il-Gvern jgħid li qed jinħoloq il-ġid daqstant ieħor qed jiżdied il-faqar. 

Kellna tkabbir ekonomiku li seta’ jkollna mingħajr ma" 

1 - Kerraħna u qridna l-ambjent. 

2 - Mingħajr ma nippermettu l-faqar jiżdied. 

3 -  Bla ma nippermettu li pajjiżna jaqa’ fil-grey list. 

4 - Bla ma nippermettu li niltfu l-fiduċja taż-żgħażagħ tagħna f’pajjiżhom stess. 

5 - Bla ma nżidu d-dejn għall-ammont li hu. 

6 - Bla ma jkollna pajjiż magħruf għall-korruzzjoni.

More in Politika