Editorjal | Biex ħajjet l-omm fil-periklu tingħata priorità, triq waħda hemm...

Politiku ta' stoffa, meta jara sitwazzjoni bħal din jitkellem u juri l-fehma tiegħu. Mill-politiċi u d-deputati rridu nisimgħu x'jaħsbu fuq dan il-każ partikolari u x'jemmnu li huma s-soluzzjonijiet biex nisa (speċjalment Maltin) li jkunu fl-istess sitwazzjoni u anke t-tobba fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jieħdu azzjoni fl-interess tagħhom u tal-ħajja tal-omm

Din il-ġimgħa l-pajjiż kien qed jiddiskuti l-każ ta' koppja Amerikana li ġiet Malta għal vaganza u spiċċat f'nofs kontroversja. Dan wara li l-omm kienet se titlef it-tqala u xtaqet li tagħmel abort minħabba li sostniet (u kien ikkonfermat mill-Isptar) illi din it-tqala kienet waslet biex tintemm, anke jekk kien għad hemm taħbit tal-qalb. Hi flimkien mas-sieħeb tagħha sostnew li din it-tqala kienet qed tipperikolalha ħajjitha, xi ħaġa li magħha qablet il-kumpanija tal-assigurazzjoni, li daħlet sabiex il-koppja tkun tista' tmur Spanja u tagħmel abort hemmhekk.

Dan qajjem furur u ħafna argumenti dwar il-liġi fil-pajjiż - fost l-aktar stretti fid-dinja u l-aktar ristrettiva fl-Unjoni Ewropea kollha -  dwar l-imminenza jew le tal-periklu fuq ħajjet l-omm minn din it-tqala li kienet se tintemm xorta u minn kemm din "l-eċċezzjoni" għandha tiddetermina jew le bidliet potenzjali fil-liġi Maltija. 

Li huwa żgur hu li dan il-każ ta wiċċ ħafna iktar uman lill-kwistjoni tal-abort li traġikament dejjem ġie "diskuss" f'dan il-pajjiż permezz tal-assolutiżmu, l-għajjat u l-fundamentaliżmu, fuq estrem u fuq ieħor. 

Kemm jekk temmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment u anke jekk le, il-mistoqsija hawnhekk trid tkun ferm differenti. 

U l-mistoqsija hija: Lilhinn minn dan il-każ, jekk tqala tkun qed tipperikola ħajjet l-omm - u dan ikun ippruvat u aċċertat minn tobba u mediċi - għandu f'din iċ-ċirkostanza jitħalla li jsir abort? 

Dan l-editorjal jemmen li iva. 

Huwa ta' xejn li ngħidu illi "huwa ovvju li ħajjet l-omm għandha tkun priorità" jekk il-liġi kif inhi ma tippermettix li jsir abort fi kwalunkwe ċirkostanza, inkluż meta ħajjet l-omm tkun ipperikolata. Għax jekk il-liġi hekk tgħid, mela fl-aħħar mill-aħħar it-tabib ikun qed jikser il-liġi, meta propju jagħti din il-priorità u jneħħi lit-tarbija. 

Mela hawnhekk, dawk li huma kontra l-abort akkost ta' kollox - f'kull ċirkostanza - iridu jkunu konsistenti wkoll. Jekk inti temmen li l-ħajja tibda mal-konċepiment, ma tistax minn naħa l-oħra tgħid li f'każi bħal dawn "għandha tingħata priorità ħajjet l-omm" għax dan ma jkun ifisser xejn ħlief li "tneħħi" jew - biex nużaw l-istess lingwaġġ li jużaw dak li huma kontra akkost ta' kollox - "toqtol" it-tarbija f'ġufek. 

Mela ejja nieqfu nkunu iporkiti u nduru mas-semantika u nirrispondu din il-mistoqsija sempliċi: Jekk ħajjet mara tkun f'periklu minħabba t-tqala, għandna nilleġiżlaw sabiex f'din iċ-ċirkostanza jkun jista' jsir abort u allura verament nagħtu priorità lil ħajjet l-omm? Jew se nibqgħu ninħbew wara proċessi - li għad hemm mistoqsijiet dwarhom - li frankament huma abort, imma b'isem ieħor. 

Inti jekk it-tabib ma jneħħix it-tarbija jew iċ-ċelloli fil-ġuf imma minflok japplika proċess li jwassal għat-tmiem ta' dawk iċ-ċelloli/embrijun/tarbija - mhux xorta qisu abort qed jagħmel? Mhux qed jagħmlu direttament, qed jagħmlu indirettament!

Allura f'ġieħ is-sewwa u f'ġieħ il-konsistenza, ladarba hawn qbil kważi kunsenswali li f'sitwazzjoni bħal ta' Andrea Prudente ħajjet l-omm għandha tingħata prijorità, għaliex ma nilleġiżlawx b'mod ċar f'din id-direzzjoni? 

Ikun tajjeb għall-omm fil-periklu u tajjeb ukoll għat-tobba u l-mediċi tagħna li jkollhom gwida ċara ta' x'għandhom jagħmlu f'din is-sitwazzjoni mingħajr biża' li jiksru l-liġi jew inkella jitilfu l-warrant!

Kieku meta l-eks Deputat Marlene Farrugia ressqet Private Members' Bill għad-Dikriminalizzazzjoni tal-Abort saret imqar diskussjonji matura u sobrija, kieku dan il-każ - u min jaf kemm oħrajn bħalu li baqgħu fis-silenzju - ma kienx iseħħ!

Imma xi kultant dan il-pajjiż - li għamel passi ta' ġgant f'tant oqsma soċjali, mhux l-inqas fi drittijiet ta' persuni LGBTIQ riċentement, pero' wkoll fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri - iħobb jehda jħares in-naħa l-oħra, ifarfar taħt it-tapit u jibqa' trux għar-realtajiet. 

Fil-verità, jekk irridu nkunu onesti - għax il-figuri u l-fatti li diġà ħarġu hekk juru - għan-nisa Maltin diġà hawn abort, imma biss għal dawk li għandhom biżżejjed flus biex jagħmluh barra. 

Iż-żewġ partiti minn naħa l-oħra, baqgħu f'silenzju kważi assolut. Ftit tgergir u vuċijiet, ta' vera ftit nies imma mill-bqija l-episodju ta' din il-koppja Amerikana qishom ma semgħux biha u ma qrawx dwarha. 

Politiku ta' stoffa, meta jara sitwazzjoni bħal din jitkellem u juri l-fehma tiegħu. Mill-politiċi u d-deputati rridu nisimgħu x'jaħsbu fuq dan il-każ partikolari u x'jemmnu li huma s-soluzzjonijiet biex nisa (speċjalment Maltin) li jkunu fl-istess sitwazzjoni u anke t-tobba fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jieħdu azzjoni fl-interess tagħhom u tal-ħajja tal-omm. 

Biex ħajjet l-omm tkun prijoritizzata - kif donnu ħafna qed jaqblu li għandha tkun -  ma hemm ebda triq oħra ħlief li l-abort ikun l-ewwel dikriminalizzat u imbagħad legalizzat f'każ fejn ħajjet l-omm tkun f'periklu. 

More in Politika