Carmel Cacopardo | Pluraliżmu etiku: l-pass li jmiss

Id-dikriminalizzazzjoni tal-abort, kif ukoll il-possibiltà li dan ikun legalizzat, kemm jekk dan ikun b’mod limitat kif ukoll jekk ikun iktar aċċessibli minn hekk, ifisser li tkun ittieħdet deċiżjoni waħda, bażika u importanti. Ifisser li l-istat ma jindaħalx iktar u jiddeċiedi hu għalik

Ir-referendum dwar id-divorzju tal-2011 saħħaħ il-pluraliżmu etiku fil-gżejjer Maltin. 

Id-dibattitu intensiv dwar id-drittijiet ċivili, dwar l-IVF u dwar l-abort hu riżultat dirett ta’ dan ir-referendum. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr ir-riżultat pożittiv dwar ir-referendum tad-divorzju. Il-preġudizzji u l-inibizzjonijiet jieħdu ż-żmien biex jingħelbu.  

Id-dibattitu dwar id-drittijiet ċivili mexa sew 'il quddiem. Għalkemm intlaħqu l-oġġettivi, dejjem jibqa’ x’wieħed itejjeb. Id-dibattitu dwar l-IVF għadu għaddej.  

L-aħħar żvilupp kien il-bidla fil-pożizzjoni li ħa l-PN meta nhar l-Erbgħa, fil-Parlament, il-Kap tal-Opposizzjoni Bernard Grech ħabbar din il-bidla. Jidher li anke hawn ser nimxu 'l quddiem u qed noqorbu lejn kunsens. Il-Kap tal-Oppożizzjoni bidel ta’ taħt fuq dak li kien qabel tħabbar mill-kelliemi tas-saħħa tiegħu Stephen Spiteri. 

Il-pass li jmiss hu bla dubju d-dibattitu dwar l-abort. 

L-ADPD hu wieħed minn żewġ partiti politiċi f’Malta li tkellmu ċar favur id-dikriminalizzazzjoni tal-abort. ADPD tkellem ukoll dwar l-introduzzjoni tal-abort f’ċirkostanzi limitati. Dan dwar meta l-ħajja tal-mara tqila tkun f’periklu, fil-każ ta’ tqala li tkun riżultat ta’ vjolenza (stupru jew inċest) kif ukoll fil-kaz ta’ tqala li ma tkunx vijabbli. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Women’s Rights Foundation (WRF) imxiet pass ieħor. Permezz ta’ protest ġudizzjarju kontra l-Avukat tal-Istat kif ukoll kontra l-Ministri tas-Saħħa u tal-Ugwaljanza ipprotestat dwar il-liġi tal-abort li, qalet, tiddiskrimina kontra dawk kollha li jistgħu joħorġu tqal u dan għax tostakolhom milli jagħmlu għażliet li jikkonċernaw il-ħajja privata tagħhom. Dan il-protest ġudizzjarju li kien ippreżentat f’isem iktar minn  188 omm potenzjali hu l-ewwel pass f’dik li tidher li ser tkun ġlieda legali twila li ser tibqa’ sejra sa Strasbourg, is-sede tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk dan ikun meħtieġ. 

Id-dibattitu dwar l-abort dejjem kien u ser jibqa’ wieħed emottiv ħafna.   

Sal-lum, f’Malta, l-istituzzjonijiet, li b’mod ġenerali huma konservattivi, kienu intolleranti u għamlu kull ma setgħu biex jostakolaw l-iżvilupp ta’ dan id-dibattitu.  Is-sitwazzjoni iżda mhux ser tibqa’ hekk għax hu inkonċepibbbli li f’dawn iż-żminijiet tibqa’ tostakola l-ko-eżistenza ta’ valuri kuntrastanti. Il-pluraliżmu etiku qiegħed fostna u ser jibqa’, anzi inevitabilment li jissaħħaħ. 

Id-dikriminalizzazzjoni tal-abort, kif ukoll il-possibiltà li dan ikun legalizzat, kemm jekk dan ikun b’mod limitat kif ukoll jekk ikun iktar aċċessibli minn hekk, ifisser li tkun ittieħdet deċiżjoni waħda, bażika u importanti. Ifisser li l-istat ma jindaħalx iktar u jiddeċiedi hu għalik. Ifisser li tkun int li tieħu id-deċżjonijiet tiegħek fil-limiti raġjonevoli stabiliti minn qafas regolatorju approvat mill-Parlament.   

Hu stmat li madwar 400 mara Maltija, ta’ kull sena, tirrikorri għall-abort.  Uħud imorru barra l-pajjiż. Oħrajn jieħdu pilloli, bla superviżjoni medika, wara li jkunu rċevewhom bil-posta. Oħrajn jirrikorru għal abort illegali. Li tipprojibixxi u tikkriminalizza l-abort ma twaqqfux milli jsir, iżda timbuttah lejn irkejjen mudlama, lil hinn minn superviżjoni medika u b’dan il-mod tesponi lin-nisa li jirrikorru għalih għall-mewt jew riperkussjonijiet mediċi gravi. 

L-abort terapewtiku diġà hu permissibli f’Malta għalkemm dan mhux ċar għal kulħadd. It-triq 'il quddiem hi li lkoll nirrealizzaw li l-liġi dwar l-abort f’Malta ilha magħna iktar minn 160 sena u hemm il-ħtieġa li din tkun aġġornata maż-żminijiet. 

Id-dikriminalizzazzjoni tal-abort u l-legalizzazzjoni tiegħu f’ċirkustanzi limitati hi t-triq tal-futur. L-ebda mara li tagħżel li tagħmel abort m’għandha tkun meqjusa bħala persuna kriminali. Kull mara f’din is-sitwazzjoni teħtieġ l-għajnuna, l-empatija u mhux li tkun ippersegwitata mill-istat. Din hi t-triq 'il quddiem. 

More in Politika