Edwin Vassallo | Ma nibżgħux niddefendu l-verità

Illum kulħadd qed jipprova jgħid "iva" għal kollox. Bħala poplu dejjem nizlin l'isfel.  

Hawn min jgħid "baqa' fejn ninżlu?" Oħrajn jgħidu "issa ma baqa' xejn sewwa, spiċċa kollox" jew aħjar "illum ma baqax lil minn tista' tafda"... "Il-ħuta minn rasha tinten."

Ras il-ħuta huwa l-kejl tas-sewwa, il-valuri tas-sewwa li jagħmlu poplu affidabbli. Ilum iżda din ir-realtà morali mhux qed tigi rikonoxxuta mill-politiċi bħala realtà politika. 

Għandna l-President ta' Malta li almenu qiegħed jipprova jiddiskuti is-sitwazzjoni tal-pajjiż f'konferenza nazzjonali, iżda mhux ser naslu għal soluzzjoni jekk mhux ser ngħarfu li bħala pajjiż, bħala poplu għandna sfida ta' kredibilità.  

Jien nemmen li pajjiżna ma jistax jkollu qawmien ekonomiku jekk ma jkollux qawmien morali. 

Nifhem iżda li dak li jista' jkun moralment u etikament korrett għalija ma jkunx etikament u moralment korrett għalik, iżda hawn bħala poplu rridu naqblu fuq prinċipji bażiċi li huma valuri umani sempliċi: La tisraqx. La toqtolx. La tingannax, iżda għid il-verità. Ma nistgħux nibqgħu ngħixu ħajja "gidba". Ma nistgħux nibqgħu ngħixu d- diżonestà.  

Illum kulħadd qed jipprova jgħid "iva" għal kollox. Bħala poplu dejjem nizlin l'isfel.  

Dan l-istat ta' gidba u ingann li qed ngħixu fih qiegħed jifridna f'tribujiet. Niċċelebraw il-festi, nidhru nifirħu flimkien iżda donnu sar mezz ta' ħarba mill-verità. Ftit li xejn nistgħu ngħidu li f'pajjiżna qegħdin ngħixu l-għaqda u l-paċi bejnietna. 

Kliem il-Papa Franġisku f'pajjiżna spiċċa ornament li donnu sar qisu diskors għall-okkażjoni iżda mhux biex ikollna minn jaħseb dwaru.  

Il-Papa Franġisku fostna serva ta' ornament soċjali iżda donnu qisu bħal meta fil-pajjiż ġie fostna persuna minn  realtà oħra, minn spazju ieħor, minn kultura oħra. Jitkellem dwar kejl ta' sewwa iżda kollox iservi għal dak il-mument biss.  

Illum f'pajjiżna naħseb għadna qegħdin inħallsu l-kontijiet għaż-żjara tiegħu fostna, iżda ftit li xejn baqa' min jimpurtah x'qal. Xi ħadd għadu jimpurtah li dan il-kliem intqal lilna? 

"Fl-Ewropa, partikolarment id-dar tal-Unjoni Ewropea, mibnija biex tgħix familja kbira magħrufa fil-ħarsien tal-paċi. L-għaqda u l-paċi huma rigali li l-poplu Malti jitlob lil Alla kull darba li jkanta l-Innu Nazzjonali. Il-paċi tiġi wara l-għaqda u tfawwar minnha. Dan ifakkarna kemm hi importanti l-ħidma flimkien, li l-għaqda tiġi qabel kull firda, fit-tisħiħ tal-għeruq u tal-valuri maqbula li fasslu l-uniċità tas-soċjetà Maltija". (Papa Franġisku fid-diskors tiegħu fil-Palazz tal-Gran Mastru 2 ta’ April 2022). 

Pajjiżna kiber għal dak li hu llum, bid-diversità ta' influwenzi ta' ħakmiet politiċi, soċjali, kulturali u spiritwali. Daqstant ieħor pajjiżna ma jistax jimmatura bħala poplu b'saħħtu politikament, soċjalment, kulturalment u spiritwalment jekk mhux se jirnexxilna nadottaw rispett lejn id-diversità u f’dak ir-rispett lejn id-diversità nimmaturaw fl-ugwaljanza vera. Fl-ugwaljanza fejn kull opinjoni, fehma, mod ta’ ħajja, orjentazzjoni sesswali, hija rispettata għaliex b’mod liberu naslu għar-rispett reċiproku fejn l-opinjonijiet u l-fehmiet ikunu tassew jgħarfu jgħixu flimkien. Dan irid isir b’konvinzjoni u mhux konvenjenza. 

Ma jistax ikollna ugwaljanza li ddaħħal lil kulħadd fi straight jacket. 

It-tentazzjoni tal-Gvern hija li jkompli jaħdem fuq ugwaljanza li aktar hija uniformità fejn kulhadd huwa l -stess, milli ugwaljanza ibbażata fuq ir-rispett tad-diversità. 

Hija b’rispett lejn id-diversità li naslu napprezzaw l-għaqda u l-paċi. 

Il-Papa Franġisku f’diskors tiegħu fil-Palazz tal-President tkellem b’mod ċar li l-UE hija dar il-paċi għaliex l-ewwel għan nobbli li ġab flimkien lill-ewwel missirijiet l-istess UE kien propju l-għan li fil-pajjiżi tal-Ewropa inkunu membri ta' unjoni fejn issaltan il-paċi. 

Dan ifisser ukoll li Malta bħala membru tal-UE għandha dejjem tfittex kif timbotta u tiffavorixxi politika Ewropea favur il-paċi . 

Pajjiżna għandu jaħdem għall-għaqda u għall-paċi. 

Din trid tkun il-vokazzjoni politika ta' pajjiżna. Pajjiż u poplu favur l-għaqda u l-paċi kemm fil-qasam tal-politika internazzjonali u Ewropea u bħalissa din is-sejħa tagħmel sens u aktar minn hekk, responsabbiltà kbira għal pajjiżna.  

Madanakollu ma jistax ikun li jkollna pajjiż jaħdem għall-għaqda u l-paċi fuq livelli internazzjonali u ewropej u f’pajjiżna naraw kif il-ħin kollu kull min hu awtorità fil-politika jara li biex jieħu ħsieb l-interessi tas-sigurtà tiegħu huwa jiżra' mentalità difensiva kontra min ma jaqbilx miegħu. 

Ma jistax ikun li fl-Innu Nazzjonali nitolbu għall-għaqda u l-paċi u min jikkmanda l-partiti politiċi moħħu jkun kif jifred biex jirbaħ.  

Illum il-partiti politiċi u entitajiet oħra soċjali sar għandhom armati ta' trolls biex fil-pjazza virtwali u l- media socjali kulħadd iwaddab il-ġebel kontra xulxin u minn pajjiż ta' aħwa Maltin u Għawdxin, irrendejna lil dan il-pajjiż, poplu maqsum fi tribujiet.  

Illum jekk xi ħadd jitkellem u jgħid fehmtu jew jiddefendi lilu nnifsu bilkemm ma jkunx hemm min jinsinwa li min tkellem għandu bżonn l-għajnuna medika. Daqshekk saret krudila l-ħajja għal min irid jgħid dak li jemmen fih. llum f’pajjiżna għandna gwerra ċivili bejn min għandu l-poter u jiekol minn fuq il-poter u min jipprova juri fehmtu biex forsi f’dan il-pajjiż l-hekk imsejħa demokrazija ma tispiċċax finta. 

L-għaqda tiġi qabel kull firda. 

Ma jistax ikollna paċi bejnietna bħala familja f’pajjiż wieħed jekk ma jkollniex l-għaqda. Illum f’pajjiżna dħalna f'loġika perikoluża fejn jekk xi ħadd ma jaqbilx ma' din l- ideoloġija liberali għandu jiġi eliminat. 

Kif qal il-Papa Franġisku meta kien qiegħed jitkellem fil-Palazz tal-Gran-Mastru, bħala poplu kien fit-tisħiħ tal-għeruq u tal-valuri maqbula li fassalna l-uniċità tas-soċjetà Maltija. Din hi verità storika u ma jistax ikun li jkollna l-poteri politiċi tagħna li biex jirbħu l voti li jeħtiġilhom biex jirbħu l-poter, jispiċċaw iwarrbu l-valuri li fasslu l-uniċità tas-soċjetà tagħna.  

Bla valuri s-soċjetà tagħna titlef id-direzzjoni morali, titlef l-identità u l-uniċità tagħha.  

Dan il-periklu li ninsabu fih bħala poplu li bħalissa bil-poteri politiċi jridu jipprostitwixxu poplu imbasta jirbħu huma. Imbasta jirbħu huma lesti li jġelldu poplu, familja kontra familja. 

Ma nistgħux nibqgħu nibżgħu niddefendu l-verità. 

Biex niddefendu l-verità spiċċajna nissugraw nispiċċaw dissidenti tal-poteri politiċi f’pajjiżna stess. Nistgħu nispiċċaw imwarrba, maqtula jew eżiljati virtwalment iżda wkoll fiżikament. Nistgħu nispiċċaw ittimbrati b’titli innovattivi u dan kollu f’isem u f'gieħ l-hekk imsejħa demokrazija li għandna.  

Demokrazija "one way" favur biss min jikkmanda. Demokrazija li fis-sabiħ tagħha sabet tarf tiċċensura saħansitra lill-Papa Franġisku għaliex il-mezzi tal-midja kollha xandru dak li qabel lilhom u fejn il-Papa Franġisku ċanfar, iċ-ċanfira baqgħet barra l-aħbarijiet miktuba. 

Dan qed ngħidu biex wieħed jifhem x’demokrazija u libertà tal-kelma għandna f’pajjiżna fejn dak li jleqq mhux kollu deheb. 

F’pajjiżna jkun qed isir massakru morali minn fuq soċjetà vulnerabbli jekk il-poteri politiċi jirrendu l-politika tagħna politika bla ruħ soċjali.  

Jirrendu lill-politika tagħna, politika tas-suq u jirbaħ min jiflaħ ikun korrott bil-verità. 

Għalhekk ikun x'ikun il-prezz jew il-konsegwenzi, ejjew ma nibżgħux niddefendu l-verità. 

More in Politika